Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

F’dan it-Tnejn ta’ festa, imsejjaħ “Tnejn l-Anġlu”, fil-liturġija tidwi l-aħbar tal-Qawmien imxandra lbieraħ: “Kristu qam, hallelujah!”. Fis-silta tal-Vanġelu tal-lum nistgħu nilqgħu l-eku ta’ kliem l-Anġlu lin-nisa li ġrew lejn il-qabar: “U morru malajr għidu lid-dixxipli tiegħu li hu qam mill-imwiet” (Mt 28:7). Inħossu tintqal lilna wkoll din l-istedina biex “immorru malajr” inħabbru lill-irġiel u nisa ta’ żmienna dan il-messaġġ ta’ ferħ u ta’ tama. Ta’ tama żgura, għax minn meta, ma’ sbiħ it-tielet jum, Ġesù mislub qam mill-mewt, l-aħħar kelma m’għadhiex iżjed tal-mewt, imma tal-ħajja! U din hi ċ-ċertezza tagħna. L-aħħar kelma mhix il-qabar, mhix il-mewt, imma l-ħajja! Għalhekk intennu tant: “Kristu qam”. Għax fih il-qabar ġie mirbuħ, twieldet il-ħajja.

 

Grazzi għal din il-ġrajja, li ġġib il-veru u proprju ġdid fl-istorja u fil-kożmu, aħna msejħa nkunu bnedmin ġodda skont l-Ispirtu, u naffermaw il-valur tal-ħajja. Hemm il-ħajja! Dan diġà hu l-bidu tal-qawmien tagħna! Inkunu rġiel u nisa tal-qawmien, irġiel u nisa tal-ħajja, jekk, qalb il-ġrajjiet li jġarrbu lid-dinja tagħna – għandna tant minnhom illum –, qalb il-mondanità li tbegħidna minn Alla, nagħrfu nagħmlu ġesti ta’ solidarjetà, ġesti ta’ akkoljenza, inseddqu x-xewqa universali tal-paċi u l-aspirazzjoni għal ambjent ħieles mill-qerda. Huma sinjali komuni u umani, imma li, imwieżna u mmexxija mill-fidi fi Kristu Rxoxt, jiksbu effikaċja wisq ogħla mill-ħiliet tagħna. U dan huwa hekk għax Kristu hu ħaj u jaħdem fl-istorja permezz tal-Ispirtu Qaddis tiegħu: jifdina mill-miżerji tagħna, jilħaq kull qalb umana u jrodd it-tama lil kull min hu maħqur u qed ibati.

 

Il-Verġni Marija, xhud siekta tal-mewt u tal-qawmien ta’ Binha Ġesù, tgħinna nkunu sinjali ċari ta’ Kristu Rxoxt qalb il-ġrajjiet tad-dinja tagħna, biex kull min iħossu mġarrab u f’diffikultà ma jibqax vittma tal-pessimiżmu u tat-telfa, tar-rassenjazzjoni, imma jsib fina tant aħwa li joffru l-għajnuna u l-faraġ tagħhom. L-Omm tagħna tgħinna nemmnu bil-qawwa kollha fil-qawmien ta’ Ġesù: Ġesù qam, hu ħaj hawn, fostna, u dan hu misteru hekk tal-għaġeb tas-salvazzjoni li kapaċi jibdel il-qlub u l-ħajjiet tagħna. U tidħol b’mod partikulari għall-komunitajiet Insara ppersegwitati u maħqura li llum, f’tant irkejjen tad-dinja, huma msejħa għal xhieda aktar iebsa u qalbiena.

 

U issa, fid-dawl u fil-ferħ tal-Għid, induru lejha bit-talba li għal ħamsin jum, sa Għid il-Ħamsin, tieħu post l-Angelus.

 

Regina Cæli

 

Wara r-Regina Cæli

 

Għeżież ħuti,

 

Fil-klima tal-Għid li tikkaratterizza dan il-jum, insellem minn qalbi lilkom kollha, familji, gruppi parrokkjali, għaqdiet u pellegrini, li ġejtu mill-Italja u minn partijiet oħra tad-dinja.

 

Lil kull wieħed u waħda minnkom nawguralkom li tqattgħu fis-serenità dawn il-jiem tal-Ottava tal-Għid, li tulhom jissokta jittawwal il-ferħ tal-Qawmien ta’ Kristu. Aħtfu kull okkażjoni tajba biex tkunu xhieda tal-paċi ta’ Kristu Rxoxt.

 

L-Għid it-tajjeb u qaddis lil kulħadd! U nitlobkom, tinsewx titolbu għalija. L-ikla t-tajba u narakom!

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard