Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba u mill-ġdid l-Għid it-tajjeb!

 

F’dan it-Tnejn wara l-Għid, il-Vanġelu (ara Mt 28:8-15) jippreżentalna r-rakkont tan-nisa li, miġbura ħdejn il-qabar ta’ Ġesù, isibuh vojt u jaraw Anġlu li jħabbrilhom li Hu qam mill-imwiet.  U wara li jiġru biex iwasslu l-aħbar lid-dixxipli, jiltaqgħu ma’ Ġesù stess li jgħidilhom: “Morru wasslu l-aħbar lil ħuti biex jitilqu lejn il-Galilija; lili jarawni hemmhekk” (v. 10).  Il-Galilija hi l-“periferija” mnejn Ġesù kien beda l-predikazzjoni tiegħu; u minn hemm jitlaq ukoll il-Vanġelu tal-Qawmien, biex jixxandar lil kulħadd, u kulħadd ikun jista’ jiltaqa’ miegħU, ma’ l-Irxoxt, li hu preżenti u jaħdem fl-istorja.  Anki l-lum Hu jinsab magħna, hawn fil-pjazza.

 

Din għalhekk hi l-bxara li l-Knisja ilha ttenni sa mill-ewwel jum: “Kristu qam mill-mewt!”.  U, fiH, bil-Magħmudija, anki aħna qomna, għaddejna mill-mewt għall-ħajja, mill-jasar tad-dnub għall-ħelsien ta’ l-imħabba.  Din hi l-aħbar it-tajba li aħna msejħin inwasslu lill-oħrajn u f’kull ambjent, immexxija mill-Ispirtu s-Santu.  Il-fidi fil-qawmien ta’ Ġesù u t-tama li Hu ġabilna hi l-isbaħ don li n-Nisrani jista’ u għandu joffri lill-aħwa.  Mela ejjew ma negħjew qatt intennu lil kulħadd u lil kull persuna: Kristu qam mill-imwiet!  Intennuha lkoll flimkien, hawn il-lum f’din il-pjazza: Kristu qam mill-imwiet!  Intennuha bil-kliem, imma fuq kollox bix-xhieda ta’ ħajjitna.  L-aħbar hienja tal-Qawmien għandha tidher fuq wiċċna, fis-sentimenti u l-atteġġjamenti tagħna, fil-mod kif nittrattaw lill-oħrajn.

 

Aħna nxandru l-qawmien ta’ Kristu meta d-dawl tiegħu jilma fil-waqtiet mudlama tal-ħajja tagħna u nkunu kapaċi naqsmuh ma’ l-oħrajn; meta nagħrfu nitbissmu ma’ min jitbissem u nibku ma’ min jibki; meta nimxu ma’ min hu mnikket u qed jirriskja li jitlef it-tama; meta nirrakkuntaw l-esperjenzi tal-fidi tagħna lil min qed ifittex is-sens u l-ferħ f’ħajtu.  Bl-imġiba tagħna, bix-xhieda tagħna, bil-ħajja tagħna, ngħidu: Ġesù qam mill-mewt!  Ngħiduh b’qalbna kollha.

 

Ninsabu fil-jiem ta’ l-Ottava ta’ l-Għid, li matulhom aħna msieħba mill-klima hienja tal-Qawmien.  Din ħaġa kurjuża: il-Liturġija tqis l-Ottava sħiħa bħallikieku kienet jum wieħed, biex tgħinna nidħlu fil-misteru, biex il-grazzja tiegħu timmarka lil qalbna u l-ħajja tagħna.  L-Għid hu l-ġrajja li ġabet dik in-novità radikali għal kull bniedem, għall-istorja u għad-dinja: hu trijonf tal-ħajja fuq il-mewt; hu festa ta’ qawmien u ta’ tnissil mill-ġdid.  Inħallu lil ħajjitna tintrebaħ u tiġi mibdula mill-Qawmien!

 

Nitolbu lill-Omm Verġni, xhud sieket tal-mewt u l-qawmien ta’ Binha, biex tkattar fina l-ferħ ta’ l-Għid.  Dan se nagħmluh issa bil-kant tar-Regina Cæli, li fi żmien l-Għid tieħu post it-talba ta’ l-Angelus.  F’din it-talba, imżejna bl-Hallelujah, induru lejn Marija u nistednuha tifraħ, għax Dak li ġarret f’ġufha issa qam kif kien wiegħed, u nafdaw ruħna fl-interċessjoni tagħha.  Fir-realtà, il-ferħ tagħna hu mera tal-ferħ ta’ Marija, għax Hi li ħarset u tkompli tħares bil-fidi l-ġrajjiet ta’ ħajjet Ġesù.  Mela ejjew ngħidu din it-talba bil-qalb imqanqla ta’ wlied li huma ferħana għax Ommhom hi ferħana.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard