Għeżież ħuti,

L-aħbarijiet drammatiċi dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela, fejn it-taqbid qed jiħrax b’għadd kbir ta’ mejta, feruti u priġunieri, baqgħu jaslu bla jaqtgħu.  Filwaqt li ningħaqad man-niket tal-familjari tal-vittmi, li niżgurahom mit-talb ta’ sufraġju tiegħi, nagħmel appell minn qiegħ qalbi lill-gvern u lil kull qasam tas-soċjetà Venezwelana biex tkun evitata kull forma oħra ta’ vjolenza, ikunu rispettati d-drittijiet umani u jitfittxew soluzzjonijiet negozjati għall-kriżi umanitarja, soċjali, politika u ekonomika gravi li qed tifleġ lill-popolazzjoni.  Inħallu f’idejn il-Verġni Marija Santissma l-intenzjoni tal-paċi, tar-rikonċiljazzjoni u tad-demokrazija f’dak il-pajjiż għażiż.  U nitolbu għal dawk il-pajjiżi kollha li għaddejjin minn diffikultajiet gravi, qed naħseb b’mod partikolari f’dawn il-jiem, fl-ex-Repubblika Jugożlava tal-Maċedonja.

Ilbieraħ, f’Verona, ġiet dikjarata Beata, Leopoldina Naudet, fundatriċi tas-sorijiet tal-Familja Mqaddsa.  Kienet trabbiet fil-palazzi tal-Asburgi, l-ewwel ġewwa Firenze u mbagħad fi Vjenna.  Sa minn ċkunitha kienet tħoss il-vokazzjoni għat-talb, imma wkoll għas-servizz edukattiv.  Ikkonsagrat ruħha lil Alla, u wara li għaddiet minn diversi esperjenzi, waslet biex f’Verona, twaqqaf komunità reliġjuża ġdida taħt il-protezzjoni tal-Familja Mqaddsa, (komunità) li għadha ħajja fil-Knisja sal-lum. Ningħaqdu mal-ferħ tagħhom u mar-radd il-ħajr tagħhom.

Illum fl-Italja jaħbat Jum l-Università Kattolika tas-Sacro Cuore.  Inħeġġeġ biex din l-istituzzjoni importanti li għadha tinvesti fil-formazzjoni taż-żgħażagħ biex ittejjeb id-dinja, tibqa’ tingħata s-sapport.

Il-formazzjoni Nisranija tinbena fuq il-Kelma t’Alla.  Għaldaqstant nieħu pjaċir infakkar li llum fil-Polonja qed isir “Il-Ħadd tal-Bibbja”.  Fil-knejjes parrokkjali, fl-iskejjel u fuq il-mezzi tal-komunikazzjoni qed tinqara pubblikament silta mill-Iskrittura Mqaddsa.  Nawgura kull ġid lil din l-inizjattiva.

U lilkom, għeżież ħbieb tal-Azzjoni Kattolika, fi tmiem din il-laqgħa, irroddilkom ħajr minn qalbi għall-preżenza tagħkom.  U permezz tagħkom insellem lill-gruppi parrokkjali tagħkom kollha, lill-familji, lit-tfal, liż-żgħażagħ u lill-anzjani.  Ibqgħu mexjin ‘il quddiem!

U nestendi t-tislima tiegħi lill-pellegrini li bħalissa huma magħqudin magħna għat-talba Marjana, speċjalment lil dawk li ġejjin minn Spanja, mill-Korazja, mill-Ġermanja u minn Puerto Rico.  Induru flimkien lejn Marija Ommna.  Irroddulha ħajr b’mod partikolari għall-vjaġġ appostoliku fl-Eġittu li għadni kif temmejt.  Nitlob lill-Mulej ibierek lill-poplu Eġizzjan kollu, poplu tant akkoljenti, lill-awtoritajiet u l-fidili Nsara u Musulmani; u jalla ssaltan lil-paċi f’dal-pajjiż.

Regina Caeli…

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber