Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Illum fl-Italja u f’pajjiżi oħra qed ikun iċċelebrat it-Tlugħ fis-Sema ta’ Ġesù, li seħħ erbgħin jum wara l-Għid.    Il-paġna tal-Evanġelju (cfr Mt 28,16-20), dik li ttemm l-Evanġelju ta’ Mattew, ittina l-waqt eżatt meta Ġesù nfired għal kollox mid-dixxipli tiegħu.  Ix-xena sseħħ fil-Galileja, il-post fejn Ġesù kien sejħilhom biex jimxu warajh u biex jifforma l-ewwel mukleju tal-komunità l-ġdida tiegħu.  Issa dawk id-dixxipli għaddew “min-nar” tal-passjoni u tal-qawmien; malli jaraw lill-Mulej, jinxteħtu wiċċhom fl-art quddiemu, però wħud minnhom għadhom dubjużi. Lil dil-komunità mbeżża’, Ġesù jħallilha biċċa xogħol immensa biex tevanġeliżża d-dinja; u dan l-inkarigu jagħmlu konkret bl-ordni biex jgħallmu u jgħammdu fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu (cfr v. 19).

It-Tlugħ fis-Sema ta’ Ġesù huwa għalhekk it-tmiem tal-missjoni li l-Iben irċieva mingħand il-Missier u l-bidu tat-tkomplija ta’ dil-missjoni min-naħa tal-Knisja.  Minn dal-waqt, mill-waqt tat-Tlugħ fis-Sema, infatti, il-preżenza ta’ Kristu fid-dinja hi medjata permezz tad-dixxipli tiegħu, permezz ta’ dawk li jemmnu fiH u jħabbruH.  Dil-missjoni se tibqa’ sal-aħħar tal-istorja u kuljum se tgwadi mill-għajnuna tal-Mulej Irxoxt, li jiżgurana: «Se nibqa’ magħkom sal-aħħar tad-dinja» (v. 20).

Il-preżenza tiegħu tnissel il-qawwa waqt il-persekuzzjonijiet, il-faraġ waqt it-tribulazzjonijiet, is-sapport fis-sitwazzjonijiet diffiċli li jiltaqgħu magħhom il-missjoni u x-xandir tal-Evanġelju.  It-Tlugħ fis-Sema jfakkarna fis-sapport li jtina Ġesù u l-Ispirtu tiegħu li jnissel fina l-fiduċja, jagħti ċ-ċertezza lix-xhieda Nisranija tagħna fid-dinja.  Jurina għaliex teżisti l-Knisja: il-Knisja teżisti biex ixxandar l-Evanġelju, għalhekk biss!  U wkoll, il-ferħ tal-Knisja hu li xxandar l-Evanġelju. Il-Knisja hi aħna lkoll imgħammdin.  Illum aħna mistednin nifhmu aħjar li Alla tana d-dinjità kbira u r-responsabbiltà li naħbbruH fid-dinja, li nagħmluH aċċessibbli għall-umanità.  Din hi d-dinjità tagħna, dak hu l-akbar unur ta’ kull wieħed u waħda minna, tal-imgħammdin kollha!

F’dil-festa tat-Tlugħ fis-sema, filwaqt li nerfgħu ħarsitna lejn is-sema, fejn tela’ Kristu u jinsab fil-lemin tal-Missier, insaħħu l-passi tagħna fuq l-art biex, bl-entużjażmu u l-kuraġġ inkomplu l-mixja tagħna, il-missjoni tagħna li nagħtu xhieda u ngħixu l-Evanġelju f’kull ambjent.  Imma aħna nafu sewwa li qabel kollox, dan ma jiddependix mill-forzi tagħna, mill-ħila organiżżattiva u mir-riżorsi umani.  Hu biss bid-dawl u l-qawwa tal-Ispirtu s-Santu li aħna nistgħu naqdu kif imiss il-missjoni li lill-oħrajn ngħarrfulhom u ngħinuhom iħossu l-imħabba u t-tenerezza ta’ Ġesù.

Nitolbu lill-Verġni Marija tgħinna biex nikkuntemplaw il-ġid ċelesti, li jwegħdna l-Mulej, u biex insiru xhieda dejjem aktar kredibbli tal-Qawmien mill-Imwiet tiegħu, tal-Ħajja vera.

Wara r-Regina Coeli:

Għeżież ħuti,

Nixtieq nesprimi mill-ġdid il-qrubija tiegħi mal-għażiż ħija l-Papa Tawadros II u man-nazzjon Eġizzjan kollu, li jumejn ilu reġa’ ntlaqat minn attakk ieħor ta’ vjolenza feroċi.  Il-vittmi, li fosthom kien hemm it-tfal, huma fidili li kienu sejrin lejn santwarju biex jitolbu, u nqatlu wara li rrifjutaw li jiċħdu l-fidi Nisranija tagħhom.  Jalla l-Mulej jilqa’ fil-paċi tiegħu dawn ix-xhieda kuraġġużi, dawn il-martri, u jikkonverti l-qlub tat-terroristi.

U nitolbu wkoll għall-vittmi tal-attentat orribbli li seħħ nhar it-Tnejn li għadda f’Manchester, fejn tant ħajiet żgħażagħ tkissru b’mod krudili.  Jien qrib tal-familjari u ta’ kull min qed jibki t-telfa tal-għeżiż tiegħu.

Illum qed ikun iċċelebrat il-Jum Dinji tal-Komunikazzjonijiet Soċjali, bit-tema “Tibżax, għax jien qiegħed miegħek” ( 43,5).  Il-mezzi tal-komunikzzjoni soċjali joffru l-possibiltà li jaqsmu u jqassmu l-aħbarijiet f’ħakka t’għajn u fid-dettall; dawn l-aħbarijiet jistgħu jkunu sbieħ jew koroħ, minnhom jew foloz; nitolbu biex il-komunikazzjoni, fl-għamliet kollha tagħha, tkun kostruttiva effettivament, tkun ta’ servizz għall-verità u tirrifjuta l-preġudizzji, filwaqt li tifrex it-tama u l-fiduċja fi żmienna.

Insllem lilkom ilkoll, għeżież Rumani u pellegrini: lill-familji, lill-gruppi parrokkjali, lill-asoċjazzjonjiet, lill-iskejjel.

Partikolarment irrid insellem lill-fidili li ġejjin minn Colorado; lill-gruppi folkloristiċi mill-Bavarja li ġew għall-isfilata l-kbira fiċ-ċentinarju tal-festa tal-Patruna tal-Bavarja; insellem lill-fidili Pollakki, b’barka wkoll lill-parteċipanti tal-pellegrinaġġ lejn is-Santwarju ta’ Piekary.

Insellem lill-Missjunarji Kobonjani li qed jiffesteġġjaw il-150 sena mit-twaqqif tagħhom; lill-pellegrinaġġ tas-Sorijiet Ospitalieri minn Ascoli Piceno; lill-gruppi minn Napli, Scandicci, Thiesi, Nonantola u l-istudenti tal-iskola “Sacro Cuore del Verbo Incarnato” ta’ Palermo.

Ħsieb speċjali u inkoraġġiment imur lejn ir-rappreżentanti tal-assoċjazzjonijiet tal-volontarjat li jmexxu ‘l quddiem id-donazzjoni tal-organi, “att nobbli u ta’ mertu” (Katekiżmu, nu 2296).  Insellem ukoll lill-ħaddiema ta’ Mediaset Roma, bl-awgurju li s-sitwazzjoni tax-xogħol tagħhom tissolva, billi quddiem għajnejna nżommu li l-veru ġid tal-azjenda m’għandux jllimita ruħu biss għall-qligħ imma għandu jirrispetta d-drittijiet tal-persuni kollha marbutin magħha: u l-ewwel wieħed hu d-dritt tax-xogħol.

Irrid intemm b’tislima kbira lin-nies ta’ Genova u ngħidilhom grazzi kbira għal-laqgħa mimlija entużjażmu li tawni lbieraħ.  Jalla l-Mulej iberikom bl-abbundanza u l-Madonna tal-Gwardja tħarishom.

U nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.   Jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  Il-pranzu t-tajjeb u arrivederci!

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber