Fi tmiem din iċ-ċelebrazzjoni ġubilari, ħsiebi jmur b’mod partikolari lejkom, adolexxenti.  Ġejtu mill-Italja u minn bosta nħawi tad-dinja biex tgħixu mumenti ta’ fidi u ferħ fratern.  Grazzi tax-xhieda tagħkom ferrieħa u storbjuża.  Ibqgħu mexjin ‘il quddiem bil-kuraġġ!

Ilbieraħ, f’Burgos, fi Spanja, ġew dikjarati beati is-saċerdot Valentin Palencia Marquina u erba’ sħabu martri, żgħażagħ li nqatlu minħabba l-fidi tagħhom fil-gwerra ċivili Spanjola.  Infaħħru lill-Mulej għal dawn ix-xhieda kuraġġużi, u bl-interċessjoni tagħhom nitolbuh bil-ħerqa biex jeħles lid-dinja minn kull vjolenza.

Inħoss dejjem tbaqbaq fija l-preokkupazzjoni għal ħutna isqfijiet, saċerdoti, Kattoliċi u Ortodossi, li nħatfu żmien ilu fis-Sirja.  Alla tal-Ħniena jmiss qalb min ħatafhom u lil dawn ħutna jtihom li bla dewmien jinħelsu biex fl-aħħar ikun jistgħu jerġgħu lura fi ħdan il-komunitajiet tagħhom.  Għaldaqstant nistedinkom ilkoll biex titolbu, mingħajr ma tinsew lill-persuni l-oħra li jinsabu maħtufin madwar id-dinja.

Nafdaw dak kollu li naspiraw għalih flimkien mat-tamiet tagħna fl-interċessjoni ta’ Marija, Omm i-Ħniena.

[Wara l-barka:]

Għeżież adolexxenti li ċċelebrajtu l-Ġublew: issa morru lura lejn djarkom bil-ferħ tal-identità Nisranija tagħkom.  Weqfin, b’raskom merfugħa, u bil-karta tal-identità tagħkom f’idejkom u fi qlubkom!  Jalla l-Mulej ikun dejjem magħkom.  U, jekk jgħoġobkom, itolbu għalija wkoll!  Grazzi

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber