Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Aħna nafu li kull nhar ta’ Ħadd nagħmlu t-tifkira tal-qawmien mill-mewt tal-Mulej Ġesù, imma f’daż-żmien ta’ wara l-Għid, il-jum tal-Ħadd fih tifsira ferm aktar imdawwla.  Fit-tradizzjoni tal-Knisja, dan il-Ħadd, l-ewwel wieħed ta’ wara l-Għid, kien jissejjaħ ”in albis”.  Xi jfisser dan?  L-espressjoni kellha l-għan li tfakkar it-rit li kien jagħmlu dawk li jkunu rċevew il-Magħmudija waqt il-velja tal-Għid.  Lil kull wieħed u waħdna minnhom kienet tingħatalhom libsa bajda – “alba”, “bajda” – biex turi li huma kisbu d-dinjità ġdida ta’ ulied Alla.  Illum dan għadu jsir: lit-trabi tingħatalhom libsa żgħira bajda bħala simbolu, filwaqt li  l-adulti kien ikollhom libsa sħiħa li tkun tiġihom, kif rajna fil-Velja tal-Għid.  U dik il-libsa bajda, fl-antik, kienet tibqa’ tintlibes għal ġimgħa sħiħa, sa dan il-Ħadd, u minn hemm ġie l-isem “in albis deponendis” li jfisser il-Ħadd meta titneħħa l-libsa bajda.  U hekk, wara li jneħħu l-libsa, in-neofiti, kienu jibdew il-ħajja ġdida tagħhom fi Kristu u fil-Knisja.

Hemm ħaġa oħra.  Fil-Ġublew tas-sena 2000, San Ġwanni Pawlu II kien qatagħha li dal-Ħadd ikun dedikat lill-Ħniena Divina.  Hu minnu li din kienet intwizzjoni sabiħa; kien l-Ispirtu s-Santu li dawwlu biex jieħu dal-pass.  Ftit xhur ilu temmejna l-Ġublew straordinarju tal-Ħniena, u dal-Ħadd qed jistedinna biex nerġgħu nnisslu fina bil-qawwa l-grazzja li tinkiseb mill-ħniena t’Alla.  L-Evanġelju tal-lum hu r-rakkont tad-dehra ta’ Ġesù Rxoxt lid-dixxipli miġburin fiċ-ċenaklu (cfr Gw 20,19-31).  San Ġwann jikteb li Ġesù, wara li sellem lid-dixxipli tiegħu, qalilhom: «Kif Missieri bagħat lili, hekk jien nibgħat lilkom».  Wara li qal dan nefaħ fuqhom u żied: « Irċievu l-Ispirtu s-Santu.  Lil dawk li taħfrulhom dnubiethom ikunu maħfura» (vv 21-23).  Dan hu s-sens tal-ħniena li qed tintwera lilna llum, propju fil-jum tal-qawmien mill-mewt ta’ Ġesù, bħala maħfra tad-dnubiet.  Bħala l-ewwel dmir, lill-Knisja tiegħu Ġesù Rxoxt ta l-missjoni tiegħu stess: li twasssal lil kulħadd it-tħabbira konkreta tal-maħfra.  Dan hu l-ewwel dmir: li tħabbar il-maħfra.  Dan is-sinjal viżibbli tal-ħniena tiegħu iġib miegħu il-paċi tal-qalb u l-ferħ tat-tiġdid tal-laqgħa mal-Mulej.

Fid-dawl tal-Għid, il-ħniena tidher bħala għamla vera tal-għarfien.  Da hu importanti: il-ħniena hi għamla vera ta’ għarfien.  Nafu li l-għarfien jinkiseb b’ħafna manjieri: permezz tas-sensi, permezz tal-intwizzjoni, permezz tar-raġunament u b’modi oħra.  Tajjeb, jista’ jinkiseb ukoll permezz tal-esperjenza tal-ħniena, għax il-ħniena tiftaħ il-bieb tal-qalb biex il-misteru ta’ Alla u tal-eżistenza personali jkun mifhuma aħjar.  Il-ħniena tgħinna nifhmu li l-vjolenza, il-mibgħeda, il-vendetta ma jagħmlux sens, u l-ewwel vittma jkun minn iżomm fih dawn is-sentimenti, għax ikun qed jinża’ d-dinjità tiegħu.  Il-ħniena tiftaħ ukoll il-bieb tal-qalb u tipperemtti l-qrubija, fuq kollox, ma’ kull min hu waħdu u mwarrab, għax tgħinhom iħossuhom aħwa u wlied Misseri wieħed.  Hi (il-ħniena) tgħinna nindunaw aktar faċilment  b’min jinsab fil-bżonn tal-faraġ u tgħinna nsibu kliem addattat biex nagħtu solljiev lil min jeħtieġ.

Ħuti, il-ħniena ssaħħan il-qalb u tagħmilha sensibbli għall-ħtiġijiet ta’ ħutna bil-qsim u s-sehem.  Insomma, il-ħniena hi mpenn biex kulħadd ikun strument tal-ġustizzja, rikonċiljazzjoni u paċi.  Ma ninsew qatt li l-ħniena hi l-ġebla tax-xewka u l-att konkreta li bih nagħmlu viżibbli l-qawmien mill-mewt ta’ Ġesù.

Marija, Omm il-Ħniena, tgħinna nemmnu u ngħixu dan kollu bil-ferħ.

 

Wara r-Regina Coeli:

Għeżież ħuti,

Ilbieraħ f’Oviedo, fi Spanja, kien dikjarat Beatu, is-saċerdot Luis Antonio Rosa Ormières.  Hu għex fid-dsatax-il seklu u uża l-kwalitajiet umani u spiritwali kollha li kellu għas-servizz tal-edukazzjoni tant illi waqqaf il-Kongregazzjoni tas-Sorijiet tal-Anġlu Kustodju.  Jalla l-eżempju u l-interċessjoni tiegħu  ikunu ta’ għajnuna speċjalment lil kull min jaħdem fl-iskola u fil-qasam edukattiv.

Insellem minn qalbi lilkom, fidili Rumani u pellegrini mill-Italja u minn tant pajjiżi oħra, partikolarment lill-Konfraternità ta’ San Sebastjan minn Kerkrade (l-Olanda), in-Nigerian Catholic Secretariat u lill-parroċċa Liebfrauen minn Bocholt (il-Ġermanja).

Insellem lill-pellegrini Pollakki u nesprimi l-apprezzament kbir tiegħi għall-inizjattiva tal-Caritas Polonja li qed tgħin lil ħafna familji fis-Sirja.  Tislima speċjali lid-devoti tal-Ħniena Divina li llum inġabru fil-knisja ta’ Santo Spirito in Sassia.  Kif ukoll lill-parteċipanti tal-“Ġirja għall-Paċi”: staffetta li titlaq illum minn dil-pjazza biex tasal f’Wittenberg, il-Ġermanja.

Insellem lill-għadd kbir ta’ gruppi ta’ żagħażagħ, speċjalment lil dawk li għamlu l-Griżma jew li se jagħmluha – intom numerużi! -: mid-djoċesijiet ta’ Piacenza-Bobbio, Trento, Cuneo, Milano, Lodi, Cremona, Bergamo, Brescia u Vicenza.  U wkoll lill-Iskola ”Masaccio” minn Treviso u l-Istitut “San Carpoforo” minn Como.

Fl-aħħar irrid nirringrazzja lil kull min f’dawn il-jiem bgħatli messaġġi ta’ awguri għall-Għid.  Nirreċiprokahom minn qalbi u ninvoka fuq kull wieħed u waħda u fuq kull familja l-grazzja tal-Mulej Irxuxtat.  Il-Ħadd it-tajjeb lil kulħadd u, jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  Il-pranzu t-tajjeb u arrivederci!.

Miġjub gall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber