Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

L-Evanġelju tal-lum (cfr Ġw 14,15-21) ikompli ma’ dak tal-ġimgħa li għaddiet u jeħodna f’dak il-waqt kommoventi u drammatiku tal-Aħħar Ċena ta’ Ġesù mad-dixxipli tiegħu.  L-evanġelista Ġwanni jislet minn ħalq u mill-qalb tal-Mulej l-aħħar tagħlim tiegħu qabel il-passjoni u l-mewt.  Ġesù jwiegħed lil ħbiebu, f’dak il-waqt tan-niket, mudlam, li warajh huma se jirċievu «Paraklitu ġdid» (v. 16).  Dil-kelma tfisser “Avukat” ieħor, “Difensur” ieħor: «l-Ispirtu tal-verità» (v. 17); u jżid: «Ma nħallikomx waħedkom: nerġa’ niġi għalikom» (. 18).  Dan il-kliem jittrażmetti l-ferħ ta’ miġja ġdida ta’ Kristu: Hu, irxuxtat u glorifikat, jgħix fil-Missier u, fl-istess waqt, jiġi għandna fl-Ispirtu s-Santu.  U f’dil-miġja ġdida tiegħu tidher l-għaqda tagħna miegħu u mal-Missier: «Intom tkunu tafu li jien fil-Missier u intom fija u jiena fikom» (v. 20).

Meta nimmeditaw dan il-kliem ta’ Ġesù illum, aħna nħossu, bis-sens tal-fidi, li aħna poplu t’Alla f’għaqda ma’ Ġesù bis-saħħa tal-Ispirtu s-Santu.  F’dal- misteru tal-għaqda,il-Knisja ssib l-għajn bla tarf tal-missjoni tagħha, li seħħ permezz tal-imħabba. Fl-Evanġelju tal-lum Ġesù jgħidilna: «Min jagħmel il-Kmandamenti tiegħi u jobdihom, dak hu li jħobbni.  Min iħobbni jkun maħbub minn Missieri u jien ukoll inħobbu u jien nidher fih» (v. 21).  Hija l-imħabba li ddaħħalna fl-għarfien ta’ Ġesù, bis-saħħa ta’ dan “l-Avukat” li bagħat Ġesù, jiġifieri l-Ispirtu s-Santu.  L-imħabba t’Alla u lejn il-proxxmu hu l-akbar kmandament tal-Evanġelju.   Illum il-Mulej qed isejħilna biex nikkollaboraw bil-ġenerożità mas-sejħa evanġelika tal-imħabba billi nqiegħdu fiċ-ċentru ta’ ħajjitna lil Alla u billi niddedikaw ruħna għas-servizz tal-aħwa, speċjalment dawk l-aktar fil-bżonn ta’ sapport u faraġ.

Jekk hemm atteġġjament li qatt m’hu faċli, qatt ma nistgħu neħduh ‘for granted’ anki aħna fil-komunnità Nisranija, hu propju dak li nħobbu lil xulxin, li nixtiequ l-ġid lil xulxin fuq l-eżempju tal-Mulej u bil-grazzja tiegħu.  Kultant, il-kuntrasti, l-għira, il-firdiet, iħallu l-marka anki fuq l-isbaħ wiċċ tal-Knisja.  Komunità Nisranija għandha tgħix fil-karità ta’ Kristu, iżda hu propju l-malinn li jdeffes denbu u kultant aħna nħalluh iqarraq bina.  U min iħallas ta’ dan kollu huma l-persuni l-aktar dgħajfa spiritwalment.  Kemm minnhom – u intom tafu lil xi wħud -, kemm minnhom tbegħedu għax ma ħassewhomx milqugħin, mifhuma, qatt ma ħassewhom maħbubin.  Kemm persuni tbegħedu, per eżemjpu minn xi parroċċa jew komunità, minħabba ambjent ta’ tqassis, ġelożiji, għira li sabu fihom.  Għan-Nisrani wkoll li jkun jaf iħobb mhix xi ħaġa ċerta, miksuba darba għal dejjem; kuljum irridu nerġgħu nibdew mill-ġdid, irridu nitħarrġu biex imħabbitna lejn ħutna li niltaqgħu magħhom timmatura u tissaffa minn dawk il-limitazzjonijiet jew dnubiet li jtuha sens ta’ parzjalità, egoistika, sterili u infidila.  L-arti tal-imħabba rridu nitgħallmuha kuljum.  Isimgħu din: kuljum irridu nitgħallmu l-arti tal-imħabba, kuljum irridu nimxu bil-paċenzja fl-iskola ta’ Kristu, kuljum irridu naħfru u nħarsu lejn Ġesù, u dan, bl-għajnuna ta’ dan “l-Avukat”, ta’ dan il-Konsolatur li bagħtilna Ġesù, li hu l-Ispirtu s-Santu.

Il-Verġni Marija, dixxiplu perfetta ta’ Binha u Mulejna, tgħinna nkunu dejjem aktar doċli għall-Paraklitu, l-Ispirtu tal-verità, biex nitgħallmu kuljum inħobbu lil xulxin kif ħabbna Ġesù.

Wara r-Regina Coeli:

Għeżież ħuti,

Sfortunatament għadhom qed jaslu aħbarijiet ta’ niket mir-Repubblika Ċentrafrikana, li jien inħoss ġo qalbi, speċjalment wara ż-żjara tiegħi f’Novembru tal-2015.  Taqbid bl-armi ħalla għadd ta’ vittmi u tturufnati, u qed jhedded l-proċess tal-paċi.  Jien qrib tal-popolazzjonijiet u tal-isqfijiet u dawk kollha li qed jagħmlu ħilithom għall-ġid tan-nies u tal-konvivenza paċifika.  Nitlob għall-mejtin u għall-feruti u nġedded l-appell tiegħi: ħa jieqfu l-armi u ssaltan ir-rieda tajba għad-djalogu biex il-pajjiż jintraddulu l-paċi u l-iżvilupp.

Fl-24 ta’ Mejju ningħaqdu spiritwalment mal-fidili Kattoliċi taċ-Ċina, fit-tifkira tal-Beata Verġni “Għajnuna tal-Insara”, meqjuma fis-Santwarju ta’ Sheshan f’Shangai.  Lill-Kattoliċi Ċiniżi ngħidilhom: nerfgħu ħarsitna lejn Marija Ommna, biex tgħinna niddixxernu r-rieda t’Alla dwar il-mixja konkreta tal-Knisja fiċ-Ċina u biex issostnina biex  nilqgħu bil-ġenerożità l-proġett tal-imħabba tagħha.  Marija tinkoraġġina noffru l-kontribut tagħna għall-għaqda bejn dawk li jemmnu u għall-armonija fost is-soċjetà kollha.  Ma ninsewx inkunu xhieda tal-fidi bit-talb u bl-imħabba, billi nżommu ruħna miftuħin għad-djalogu, dejjem.

Insellem minn qiegħ qalbi lilkom fidili minn Ruma u pellegrini.  Partikolarment lill-Cappella Mużikali tal-Katidral ta’ Pamplona; lill-grupp mill-Kulleġġ San Tumas minn Lisbona; lill-fidili tal-Kappella San Karlu tal-isptar tas-Salib ta’ San Xmun ta’ Pariġi; lil dawk li ġejjin minn Torrent (Valencia, Spanja) mill-Kanada u mill-Istati Uniti tal-Amerika, fosthom uħud mill-gżira ta’ Guam.

Tislima speċjali lill-adoloxxenti li għamlu l-Konfermazzjoni jew li se jagħmluha li ġew mid-djoċesi ta’ Genova: bl-għajnuna t’Alla ġej inżur il-belt sabiħa tagħkom nhar is-Sibt li ġej.  Kif ukoll lin-“Nannakoli” minn Frosinone u lill-fidili mill-parroċċa Santa Maria Goretti hawn f’Ruma.

Għeżież ħuti,

Nixtieq inħabbar li nhar l-Erbgħa 28 ta’ Ġunju se nlaqqa’ konċistorju biex ninnomina ħames kardinali ġodda.  Il-fatt li ġejjin minn diversi nħawi tad-dinja juri l-Kattoliċità tal-Knisja mxerrda mal-art kolllha filwaqt li l-għoti ta’ titlu jew djakonija fil-belt jesprimi l-fatt li l-Kardinali jiffurmaw parti mid-djoċesi ta’ Ruma li, skont l-espressjoni magħrufa ta’ San Injazju (ta’ Antkjokja) tippresjiedi l-karità fil-Knejjes kollha.  U fid-29 ta’ Ġunju, Solennità tal-Qaddisin Appostli Pietru u Pawlu, se nikkonċelebra l-Quddiesa flimkien mal-Kardinali l-ġodda, mal-kulleġġ kardinalizju, mal-isqfijiet il-ġodda, il-metropoliti, l-isqfijiet u xi presbiteri.

Dawn huma l-ismijiet tal-kardinali l-ġodda: Mons. Jean  Zerbo, Arċisqof ta’ Bamako, fil-Mali; Mons. Juan José Omella, Arċisqof ta’ Barcellona, Spanja; Mons. Anders Arborelius, Isqof ta’ Stokkolma, l-Isvezja; Mons. Luis Marie-Ling Mangkhanekhoun, Isqof titulari ta’ Acque Nuove di Proconsolare, Vigarju Appostoliku f’Paksé, fil-Laos; Mons. Gregorio Rosa Chávez, Isqof titulari ta’ Mulli, Awżiljarju tal-Arċidjoċesi ta’ San Salvador, f’El Salvador.

Inqegħedu l-Kardinali l-ġodda taħt il-protezzjoni tal-Qaddisin Pietru u Pawlu, sabiex bl-interċessjoni tal-Prinċep tal-Appostli jkunu qaddejja awtentiċi tal-komunjoni ekkleżjali u b’dik tal-Appostlu tal-Ġnus, ikunu ħabbâra ferrieħa tal-Evanġelju fid-dinja kollha u bix-xhieda tagħhom u l-pariri tagħhom, ikunu ta’ sostenn akbar għalija fis-servizz tiegħi bħala Isqof ta’ Ruma, Ragħaj universali tal-Knisja.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.   Jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  Il-pranzu t-tajjeb u arrivederci!

 

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber