Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

L-Evanġelju tal-lum (Ġwanni 10,27-30) joffrilna xi espressjonijiet li qal Ġesù waqt il-festa tad-Dedikazzjoni tat-Tempju ta’ Ġerusalemm, li kienet issir lejn tmiem Diċembru.  Hu jinsab eżattament fil-bitħa tat-Tempju, u forsi dak l-ispazju mdawwar bil-ħajt jissuġġerilu t-tixbiha tal-maqjel u tar-ragħaj.  Ġesù jippreżenta ruħu bħala “r-Ragħaj it-Tajjeb” u jgħid: «in-nagħaġ tiegħi jisimgħu leħni u jiena nafhom u huma jimxu warajja.  Jien nagħtihom il-ħajja ta’ dejjem u ma jintilfux għal dejjem u ħadd ma jaħtafhomli minn idi»(vv. 27-28).  Dan il-kliem jgħinna nifhmu li ħadd ma jista’ jqis lilu nnifsu segwaċi ta’ Ġesù jekk ma jagħtix widen għal kliemU.  Dan “is-smigħ” ma nistgħux inqisuh bħala xi ħaġa superfiċjali, imma għandna nitwaħħdu miegħu tant, li jwassalna  biex nifhmu lil xulxin verament, bil-konsegwenza li minn hekk tista’ titqanqal sekwela ġeneruża mistqarra fil-kliem «u huma jimxu warajja» (v.27).  Hu smigħ mhux tal-widnejn biss imma smigħ mill-qalb!

Għalhekk ix-xbieha tar-ragħaj u tan-nagħaġ turi r-rabta intima li Ġesù jrid ikollu ma kull wieħed u waħda minna.  Hu l-gwida tagħna, l-imgħallem tagħna, il-ħabib tagħna, il-mudell tagħna, imma fuq kollox, hu s-Salvatur tagħna.  Infatti, is-sentenza li jmiss fis-silta tal-Evanġelju tafferma: «Jien nagħtihom il-ħajja ta’ dejjem u huma ma jintilfux għal dejjem u ħadd ma jkun jista’ jaħtafhomli minn idi» (v.28).  Min jista’ jitkellem hekk?  Ġesù biss, għax “id” Ġesù hi ħaġa waħda mal-“id” tal-Missier u l-Missier «hu akbar minn kulħadd» (v.29).

Dan il-kliem inissel fina sens ta’ ċertezza assoluta u ta’ tenerezza immensa.  Ħajjitna hi għal kollox fiż-żgur f’idejn Ġesù u l-Missier, li huma ħaġa waħda: imħabba waħda, ħniena waħda, li ġew irrivelati lilna darba għal dejjem fis-sagrifiċċju tas-salib.  Biex isalva n-nagħaġ mitlufa, aħna lkoll, ir-Ragħaj sar ħaruf u ħalla lilu nnifsu jkun issagrifikat biex jieħu fuqu u jneħħi d-dnub tad-dinja.  B’hekk Hu tana l-ħajja u l-ħajja bl-abbundanza (cfr Ġwanni 10,10)!  Dan il-misteru jiġġedded, b’umiltà soprendenti dejjem, fuq il-mejda Ewkaristika.  Hu hemmhekk li n-nagħaġ jinġabru biex jitrejqu; huwa hemmhekk li jsiru ħaġa waħda, bejniethom u mar-Ragħaj it-Tajjeb.

Għaldaqstant m’għandniex nibżgħu: issa ħajjitna hi meħlusa mit-telfien.  Xejn u ħadd ma jista’ jifridna minn ma’ jdejn Ġesù, għax xejn u ħadd ma jista’ jegħleb l-imħabba tiegħu.  L-imħabba ta’ Ġesù ma tistax tkun megħluba!  Il-malinn, l-għadu l-kbir ta’ Alla u tal-ħlejjaq tiegħU, jagħmel kull mezz biex jisirqilna l-ħajja ta’ dejjem.  Imma l-malinn xejn ma jista’ jagħmel dment li ma nkunux aħna li niftħulu l-bibien ta’ ruħna u nimxu wara ż-żegħil qarrieq tiegħu.

Il-Verġni Marija semgħet u mxiet bil-ħlewwa kollha wara l-leħen tar-Ragħaj it-Tajjeb.  Tgħinna Hi biex nilqgħu bil-ferħ l-istedina ta’ Ġesù biex insiru dixxipli tiegħu, u biex ngħixu dejjem fiċ-ċertezza li aħna ninsabu fl-idejn paterni ta’ Alla.

 

Wara r-Regina Coeli:

Għeżież ħuti,

Irrodd ħajr lil kull min akkumpanja ż-żjara li għamilt ilbieraħ fil-gżira ta’ Lesbo fil-Greċja, bit-talb.  Lill-itturufnati u lill-poplu Grieg wassaltilhom is-solidarjetà tal-Knisja.  Kienu miegħi il-Patrijarka Ekumeniku Bartilmew u l-Arċisqof Ieronimus ta’ Atene u l-Greċja kollha, biex infissru l-għaqda fil-karità tad-dixxipli kollha tal-Mulej.  Żorna wieħed mill-kampijiet tar-rifuġjati: kienu nies mill-Iraq, mill-Afganistan, mis-Sirja, mill-Afrika u minn ħafna pajjiżi.....  Sellimna lil kważi 300 minn dawn l-itturufnati, wieħed wieħed, waħda waħda.  It-tlieta li konna: il-Patrijarka Bartilmew, l-Arċisqof Ieronimus u jien.  Ħafna minnhom kienu tfal – raw b’għajnejhom il-mewt tal-ġenituri tagħha u ta’ ħbiebhom, uħud minnhom mgħarrqin fil-baħar.  Rajt tant niket!  U rrid nirrakkonta każ partikolari, ta’ raġel żgħażugħ, li m’għandux 40 sena.  Iltqajt miegħu lbieraħ, flimkien maż-żewġ uliedu.  Hu Musulman u qalli li kien miżżewweġ mara Nisranija, kienu jħobbu ‘l xuxlin  u jirrispettaw lil xuxlin.  Imma sfortunatament, din il-mara tħanxrula griżmejha mit-terroristi, għax ma riditx tiċħad lil Kristu u tabbanduna l-fidi tagħha.  Din hi martri!  U dak ir-raġel kien qed jibki biki kbir...

Dal-lejl l-Ekwador intlaqat minn terremot kbir, li ħalla bosta vittmi u ħsarat kbar ħafna.  Nitolbu għal dawk il-popolazzjonijiet; u anki għal dawk tal-Ġappun, fejn ukoll kien hemm xi terremoti f’dawn il-ġranet.  L-għajuna ta’ Alla u tal-aħwa tagħtihom il-qawwa u s-sapport.

Illum qed ikun iċċelelbrat il-Jum Dinji ta’ Talb għall-Vokazzjonijiet.  Aħna mistednin nitolbu għall-vokazzjonijiet saċerdotali u għall-ħajja konsagrata.  U llum, dalgħodu, ordnajt 11-il saċerdot ġdid.  Inġedded it-tislima tiegħi lin-neo-presbiteri, lill-familjari u lill-ħbiebhom; u nistieden lis-saċerdoti kollha u lis-seminaristi biex jieħdu sehem fil-Ġublew tagħhom fl-ewwel tliet ijiem ta’ Ġunju.  U lilkom żgħażagħ ġuvintur u tfajliet, li tinsabu fil-pjazza: aħsbu ftit jekk il-Mulej hux qed isejħilkom biex tikkonsagraw ħajjitkom għas-servizz tiegħu, kemm bis-saċerdozju u wkoll bil-ħajja konsagrata.

Insellem minn qiegħ qalbi lilkom ilkoll, pellegrini li ġejtu mill-Italja u minn tant inħawi tad-dinja.  Hawn preżenti familji, gruppi parrokkjali, skejjel u assoċjazzjonijiet: inberikkom ilkoll.  Insellem b’mod partikolari lill-fidili li ġew minn Madrid, San Paolo fil-Brażil u Varsavja; kif ukoll lill-pellegrinaġġi tad-djoċesijiet ta’ Cerreto Sannita-Telese-Sant’Agata dei Goti u Siena-Colle Val d’Elsa-Montalcino, akkumpanjati mill-Isqfijiet; lill-fidili minn Specchia u Verona; lill-kor Laurenziana minn Mortara u l-grupp “Ġenituri għat-terapija intensiva tat-trabi tat-twelid”.

Inħossni qrib ta’ tant familji mħassbin minħabba l-problema tax-xogħol.  Qed naħseb partikolarment fis-sitwazzjoni mwiegħra tal-ħaddiema Taljani tal-Call Centres: nawgura li fuq kollox issaltan dejjem id-dinjità tal-persuna umana u mhux l-interessi personali.

U lilkom ilkoll nawguralkom il-Ħadd it-tajjeb.  Jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija.  Il-pranzu t-tajjeb u arrivederci!

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber