Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Illum qed niċċelebraw il-festa kbira ta’ Pentekoste, li twassal għal tmiemu ż-Żmien tal-Għid, ħamsin jum wara l-qawmien mill-mewt ta’ Kristu.  Il-liturġija tistedinna niftħu moħħna u qalbna għad-don tal-Ispirtu s-Santu, li Ġesù kien wiegħed bosta drabi lid-dixxipli tiegħu, l-ewwel don u l-ewlieni, li Hu kisbilna bil-qawmien mill-mewt tiegħu.  Kien Ġesù stess li talab dan id-don mingħand il-Missier kif jurina l-Evanġelju tal-lum, li hu ambjentat matul l-Aħħar Ċena.  Ġesù jgħid lid-dixxipli tiegħu: «Jekk tħobbuni, tħarsu l-kmandamenti tiegħi; u jien nitlob għalikom lill-Missier u Hu jtikom il-Paraklitu biex jibqa’ magħkom għal dejjem» (Ġwanni 14,15-16).

Qabel xejn, dan il-kliem ifakkarna li l-imħabba għal xi persuna, u għall-Mulej ukoll, ma tintweriex bil-kliem imma bil-fatti; u wkoll li “l-osservanza tal-kmandamenti” rridu nifhmuha fis-sens eżistenzjali, b’mod li ttitwaħħad ma’ ħajjitna kollha.  Infatti, li tkun nisrani ma jfissirx li, aktar minn kollox, int tkun tagħmel parti minn ċerta kultura jew li int marbut ma’ ċerta duttrina, imma pjuttost li norbtu l-ħajja tagħna, f’kull aspett tagħha, mal-persuna ta’ Ġesù u, permezz tiegħu, mal-Missier.  Għal dan il-għan Ġesù jwiegħed lid-dixxipli tiegħu li se jirfidhom l-Ispirtu s-Santu.  Propju, grazzi għall-Ispirtu s-Santu, Imħabba li tgħaqqad lill-Missier u lill-Iben u mnissel minnhom, kulħadd jista’ jgħix l-istess ħajja ta’ Ġesù.  Infatti, l-Ispirtu, jgħallimna kollox, jew aħjar jgħallimna l-unika ħaġa indispensabbli: li nħobbu kif iħobb Alla.

Meta wiegħed l-Ispirtu s-Santu, Ġesù sejjaħlu «Paraklitu ieħor» (v. 16), li jfisser: Dak li jfarraġ, l-Avukat, Dak li jinterċedi, jew Dak li jassisti, jiddefendina, jinsab ħdejna fil-mixja tal-ħajja u fit-taqbida għat-tajjeb kontra l-ħażen.  Ġesù jgħid «Paraklitu ieħor» għax l-ewwel wieħed huwa Hu nnifsu, li sar laħam propju biex jieħu fuq spallejh il-kundizzjoni umana tagħna u jeħlisha mill-jasar tad-dnub.

Minbarra dan, l-Ispirtu s-Santu għandu wkoll il-funzjoni li jgħallem u jfakkar.  Jgħallem u jfakkar.  Qalulna Ġesù: «Il-Paraklitu, l-Ispirtu s-Santu li l-Missier jibgħat f’ismi, jgħallimkom kollox u jfakkarkom dak kollu li għallimtkom jien» (v. 26).  L-Ispirtu s-Santu ma jġibx tagħlim differenti imma jagħti ħajja, iqiegħed fis-seħħ it-tagħlim ta’ Ġesù ħalli ż-żmien li jgħaddi ma jħassrux u ma jdgħajfux.  L-Ispirtu s-Santu jirfed lil qlubna b’dan it-tagħlim, jgħinna nassimilawh, biex isir ħaġa waħda minna, laħam minn laħamna.  Fl-istess waqt, iħejjilna qalbna biex ikollha ħila tirċievi l-kliem u l-eżempji tal-Mulej, bis-serjetà.  Kull darba li l-kelma ta’ Ġesù tkun milqugħa bil-ferħ f’qalbna, din tkun ħidma tal-Ispirtu s-Santu.

Ejjew issa nitolbu flimkien ir-Regina Coeli – għall-aħħar darba din is-sena – u nitolbu l-interċessjoni tal-Verġni Marija.  Jalla Hi taqlagħlna l-grazzja li nitħeġġu bis-sħiħ permezz tal-Ispirtu s-Santu biex inkunu xhieda ta’ Kristu bis-sinċerità evanġelika u biex ninfetħu dejjem aktar għall-milja tal-imħabba tiegħu.

 

Wara r-Regina Coeli:

Għeżież ħuti,

Illum, fil-qafas tant addattat tal-Pentekoste, qed jiġi pubblilkat il-Messaġġ tiegħi għall-Ġurnata Missjunarja Dinjija, li bħal kull sena tkun iċċelebrata fix-xahar ta’ Ottubru.  Jalla l-Ispirtu s-Santu jagħti l-qawwa lill-missjunarji kollha ad gentes u jkun bastun għall-Knisja fid-dinja kollha.  U jalla l-Ispirtu s-Santu jtina żgħażagħ – ġuvintur u xebbiet – ta’ karattru sod, bil-ħila li jmorru jxandru l-Evanġelju.  Nitolbuh dan illum lill-Ispirtu s-Santu.

Insellem lilkom ilkoll, familji, gruppi soċjali, assoċjazzjonijiet, pellegrini li ġejtu mill-Italja u minn bosta nħawi oħra tad-dinja, partikolarment lil dawk li ġew minn Madrid, minn Praga u mit-Tajlandja; kif ukoll lill-membri tal-Komunità Kattolika Koreana ta’ Londra.

Insellem b’mod partikolari li kull min qed jieħu sehem fil-“Festa tal-Popli” li qed issir illum fi Pjazza San Giovanni in Laterano, fl-okkażjoni tal-25 anniversarju.  Jalla dil-festa, sinjal ta’ għaqda u tad-diversità tal-kulturi, tgħinna nifhmu li t-triq lejn il-paċi hija din: li nfittxu l-għaqda waqt li nirrispettaw id-diversitajiet ta’ bejnietna.

Ħsieb speċjali jmur lejn l-Alpini, li llum huma miġburin f’Asti għal-Laqgħa Nazzjonali.  Inħeġġiġhom biex ikunu xhieda tal-ħniena u t-tama billi jimitaw l-eżempju tal-Beatu Don Carlo Gnocchi, il-Beatu Fratel Luigi Bordino u l-Venerabbli Teresio Olivelli, li onoraw il-Korp tal-Alpini bil-qdusija ta’ ħajjithom.

U nawgura lil kulħadd il-festa ta’ Pentekoste t-tajba.  Jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  Il-pranzu t-tajjeb u arrivederci!

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber