Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Fiċ-ċentru ta’ dan it-tielet Ħadd tal-Għid għandna l-esperjenza li kellhom id-dixxipli kollha f’daqqa dwar l-iRxoxt.  Dan joħroġ ċar speċjalment mill-Evanġelju li għal darb’oħra jdaħħalna fiċ-Ċenaklu, fejn Ġesù jidher lill-Appostli u jsellmilhom hekk: “Il-paċi magħkom!” (Luqa 24,36).  Hi t-tislima ta’ Kristu Rxoxt li ttina l-paċi: “Il-paċi magħkom!”  Hija, kemm il-paċi ġewwinija kif ukoll dik il-paċi li għandu jkun hemm fir-relazzjonijiet bejn il-bnedmin.  L-episodju li jirrakkuntalna l-evanġelista Luqa jinsisti ħafna fuq ir-realtà tal-qawmien mill-mewt.  Ġesù mhux fantażma.  Infatti din mhix dehra tal-ispirtu ta’ Ġesù, imma tal-preżenza reali tiegħu bil-ġisem imqajjem mill-mewt.

Ġesù jinduna li l-Appostli infixlu x’ħin rawh, huma mbeżżgħin għax ir-realtà tar-riżurrezzjoni għalihom hi inkredibbli.  Jaħsbu li qed jaraw fantażma; imma Ġesù Rxoxt mhux fantażma, hu bniedem b’ġisem u ruħ.  Għalhekk, biex jikkonvinċiehom, jgħidilhom: “Araw idejja u riġlejja – uriehom il-pjagi -: Jiena hu!  Missuni, u ifhmu li l-ispirtu m’għandux laħam u għadam bħalma qegħdin taraw li għandi jien” (v. 39).  U peress li donnu dan ma kienx biżżejjed biex jegħleb l-istgħaġib tagħhom, l-Evanġelju jgħidilna wkoll xi ħaġa interessanti: tant kien kbir il-ferħ li kienu qed iħossu ġo fihom li dal-ferħ lanqas riedu jemmnuh: “Le, ma jistax ikun!  Ma jistax ikun hekk! Dal-ferħ kollu mhux possibbli!”  U biex jikkonvinċiehom, Ġesù qalilhom: “Għandkom xi ħaġa tal-ikel?” (v.41).  Huma tawh biċċa ħuta mixwija; Ġesù ħadha u kielha quddiemhom, biex jipperswadihom.

L-insistenza ta’ Ġesù dwar ir-realtà tal-qawmien tiegħu iddawwal il-perspettiva nisranija dwar il-ġisem: il-ġisem mhux ostaklu jew ħabs għar-ruħ.  Il-ġisem kien maħluq minn Alla u l-bniedem mhuwiex sħiħ jekk mhux fl-għaqda bejn il-ġisem u r-ruħ.  Ġesù li rebaħ il-mewt u qam bir-ruħ u l-ġisem jgħinna nifhmu li għandu jkollna idea pożittiva dwar ġisimna.  Dan jista’ jsir okkażjoni jew strument tad-dnub, iżda d-dnub mhux mgħowi mill-ġisem iżda mid-dgħufija morali tagħna.  Il-ġisem hu rigal stupend ta’ Alla, iddestinat biex, f’għaqda mar-ruħ, jesprimi l-milja sħiħa tax-xbieha u x-xebħ tiegħU.  Għaldaqstant aħna msejħin biex nirrispettaw bil-kbir u nieħdu ħsieb ġisimna u dak tal-oħrajn.

Kull offiża jew ġerħa jew vjolenza fuq il-ġisem tal-proxxmu tagħna hija insult lil Alla l-Ħallieq!  Ħsiebi jmur partikolarment fuq it-tfal, in-nisa, l-anzjani li huma ttrattati ħażin fil-ġisem tagħhom.  Fil-laħam ta’ dawn il-persuni aħna nsibu l-ġisem ta’ Kristu.  Kristu miġrugħ, imwaqqa’ għaċ-ċajt, ikkalunjat, umiljat, ifflaġellat, imsallab.... Ġesù għallimna l-imħabba.  Imħabba li bil-qawmien tiegħu wriet li Hu aqwa mid-dnub u mill-mewt, u riedet tirhan lil dawk kollha li l-ġisem tagħhom hu mgħakkes mill-iskjavitù ta’ żmienna.

F’dinja fejn wisq drabi ssaltan il-prepotenza kontra min hu l-aktar dgħajjef u fejn il-materjaliżmu joħnoq l-ispirtu, l-Evanġelju tal-lum jagħmlilna sejħa biex inkunu bnedmin bil-ħila li nħarsu fil-fond, mimlijin stgħaġib u ferħ kbir għax iltqajna ma’ Ġesù Rxoxt.  Isejħilna biex inkunu persuni li jafu jilqgħu u jagħtu valur lin-novitajiet tal-ħajja li Hu żera’ fl-istorja, sabiex jorjentaha lejn is-smewwiet ġodda u lejn l-art il-ġdida.  F’dan issostnina l-Verġni Marija aħna u nintelqu bil-fiduċja fl-interċessjoni materna tagħha.

 

Wara r-Regina Coeli:

Għeżież ħuti,

illum, f’Vohipeno, fil-Madagascar, qed ikun dikjarat beatu l-martri Luciano Botovasoa, missier ta’ familja, xhud koerenti ta’ Kristu sal-għotja erojka ta’ ħajtu.  Kien arrestat u maqtul għax wera r-rieda li jibqa’ fidil lejn il-Mulej u lejn il-Knisja u għalina lkoll jirrappreżenta eżempju ta’ karità u sħuħija fil-fidi.

Inħossni nkwetat għall-aħħar minħabba s-sitwazzjoni li tinsab fiha d-dinja bħalissa, għax minkejja l-istrumenti li għandha għad-dsipożizzjoni tagħha, il-komunità internazzjonali, qed issibha bi tqila tiftiehem dwar azzjoni favur il-paċi fis-Sirja u f’reġjuni oħra tad-dinja.  Filwaqt li qed nitlob bla heda għall-paċi, u nistieden lill-bnedmin kollha ta’ rieda tajba biex ikomplu jagħmlu l-istess, mill-ġdid nagħmel appell lill-politiċi responsabbli, sabiex jibdew isaltnu l-ġustizzja u l-paċi.

B’niket waslitli l-aħbar li t-tliet irġiel li nħatfu fl-aħħar ta’ Marzu fil-konfini bejn l-Ekwador u l-Kolombja, inqatlu.  Nitlob għalihom u għall-familjari tagħhom, u ninsab qrib l-għażiż poplu Ekwadorjan filwaqt li ninkoraġġih biex jibqa’ miexi ‘l quddiem magħqud u fil-paċi bl-għajnuna tal-Mulej u ta’ Ommu Mqaddsa.

Nirrikmanda t-talb tagħkom għall-persuni bħal Vincent Lambert, fi Franza, iċ-ċkejken Alfie Evans fl-Ingiltera, li jgħixu, kultant ukoll minn ħafna żmien ‘l hawn, fi stat ta’ mard gravi, u jeħtieġu l-assistenza medika għall-affarijiet bażiċi tagħhom.  Huma sitwazzjonijiet delikati, ta’ tbatija kbira u kumplessi.  Nitolbu sabiex kull marid isib dejjem rispett lejn id-dinjità tiegħu u jkun ikkurat b’mod li jixraq il-kundizzjoni tiegħu, bl-appoġġ maqbul mall-familjari, mit-tobba u mill-operaturi tas-saħħa l-oħra, b’rispett kbir lejn il-ħajja.

Insellem minn qiegħ qalbi lilkom ilkoll, pellegrini li ġejtu mill-Italja u minn tant inħawi tad-dinja: il-familji, il-gruppi parrokkjali, l-iskejjel, l-assoċjazzjonijiet.  Insellem b’mod partikolari lill-fidili min California; kif ukoll lil dawk minn Arluno, Pontelongo, Scandicci, Genova-Pegli u Vibo Valentia; lit-tfal tal-iskola “Ulied Ġesù” minn Modena u l-grupp “Ħbieb ta’ Pawlu VI” minn Pescara.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  U, jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  Il-pranzu t-tajjeb u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber