Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Ilbieraħ filgħaxija wasalt lura mill-pellegrinaġġ ġewwa Fatima – insellmu lill-Madonna ta’ Fatima – u t-talba Marjana tal-lum tikseb tifsira partikolari, mgħobbija bit-tifkira u l-profezija għal min iħares lejn l-istorja bl-għajnejn tal-fidi.  Ġewwa Fatima jien twaħħad bit-talb mal-Poplu qaddis u fidil, talb li hemmhekk ilu mitt sena jgerbeb bħal-xmara, biex b’ħerqa kbira jitlob il-protezzjoni materna ta’ Marija fuq id-dinja kollha. 

Niżżi ħajr lill-Mulej li tani li mmur f’riġlejn il-Verġni Marija bħala pellegrin ta’ tama u paċi.  U rrodd ħajr minn qalbi lill-isqfijiet, lill-Isqof ta’ Lieira-Fatima, lill-Awtoritajiet tal-Istat, lill-President tar-Repubblika u lil dawk kollha li offrew il-kontribuzzjoni tagħhom.

Sa mill-bidu, fejn fil-Kappellla tad-dehriet qagħadt ħin twil fis-skiet, akkumpanjat mis-skiet oranti tal-pellegrini kollha, inħolqot klima ta’ ġabra u kontemplazzjoni, li tulha kiene hemm il-waqtiet tat-talb.  U fiċ-ċentru ta’ kollox kien hemm il-Mulej Irxuxtat, preżenti fost il-poplu tiegħu fil-Kelma u fl-Ewkaristija.  Preżenti fost il-ħafna morda, li huma l-protagonisti tal-ħajja liturġika u pastorali ta’ Fatima, kif jiġri f’kull santwarju Marjan.

Ġo Fatima, il-Verġni Marija għażlet il-qalb innoċenti u s-sempliċità taċ-ċkejknin Franġiksu, Ġjaċinta u Luċija biex ikunu l-ħarriesa tal-messaġġ tagħha.  Dawn it-tfal stħaqqilhom jilqugħ, tant li ngħataw għarfien bħala x-xhieda tad-dehriet illi ta’ min jafdahom, u saru mudelli tal-ħajja Nisranija.

Bl-kanoniżżazzjoni ta’ Franġisku u Ġjaċinta, ridt li l-eżempju tar-rabta sfiqa tagħhom ma’ Kristu u x-xhieda evanġelika tagħhom nagħtih lill-Knisja kollha biex tindokra lit-tfal.  Il-qdusija tagħhom mhix konsegwenza tad-dehriet, imma tal-fedeltà u l-ħeġġa kbira li biha huma kkollaboraw mal-privileġġ li kellhom li setgħu jaraw lill-Verġni Marija.

Wara l-laqgħa mas-Sinjura s-Sabiħa – hekk kienu jsejħulha – huma kienu jirreċitaw ir-Rużarju ta’ spiss, kienu jagħmlu l-penitenza u joffru sagrifiċċji biex tieqaf il-gwerra u għall-erwieħ li l-aktar kienu jeħtieġu l-ħniena divina.

Illum ukoll it-talb hu meħtieġ ħafna kif ukoll i-pentienza biex bil-ħeġġa nitolbu l-grazzja tal-konverżjoni, biex bil-ħeġġa nitolbu ħalli jintemmu l-gwerrer li hawn kullimkien fid-dinja u li qed jitferrxu dejjem aktar, kif ukoll biex jieqfu l-kunflitti assurdi, kbar u żgħar, li qed jisfiguraw il-wiċċ tal-umanità.

Inħallu d-dawl li ġej minn Fatima jmexxina.  Il-Qalb Immakulata ta’ Marija tkun ir-rifuġju tagħna, il-faraġ tagħna u t-triq li tmexxina lejn Kristu.

Wara r-Regina Coeli:

Inqiegħed f’idejn Marija, Reġina tal-paċi, id-destin tal-popolazzjonijiet mikdudin bil-gwerrer u l-kunflitti, partikolarment fil-Lvant Nofsani.  Bosta persuni innoċenti jħossuhom mifluġin, kemm Insara, kif ukoll Musulmani, u kemm min jifforma parti minn minoranzi, bħalma huma l-Yazidi, li qed isofru vjolenza u diskriminazzjonijiet traġiċi.  Flimkien mas-solidarjetà tiegħi niftakar fihom fit-talb filwaqt li rrodd ħajr lil kull min hu impenjat biex itaffi l-ħtiġijiet umanitarji tagħhom.  Inħeġġeġ il-komunitajiet differenti biex ifittxu t-triq tad-djalogu u tal-ħbiberija soċjali sabiex jibnu futur fuq ir-rispett, is-sigurtà u l-paċi, bogħod minn kull tip ta’ gwerra.

Ilbieraħ f’Dublin ġie dikjarat Beatu, is-sċerdot Ġiżwita John Sullivan.  Hu għex fl-Irlanda bejn is-sekli dsatax u għoxrin u kien iddedika ħajtu għat-tagħlim u l-formazzjoni spiritwali taż-żgħar.  Kien maħbub ħafna u mfittex daqs missier mill-foqra u l-batuti.  Niżżi ħajr ‘l Alla għax-xhieda tiegħu.

Insellem lilkom, fidili li ġejtu minn Ruma u pellegrini mill-Italja u minn pajjiżi differenti.  Partikolarment lil dawk li ġejjin minn Ivrea, Valmontone u Rimini; l-istudenti minn Potenza u Mozza (Bergamo).  Insellem lill-parteċipanti tal-inizjattiva msejħa “Passeggini vuoti” (‘prams’ vojta) u lill-grupp tal-ommijiet minn Bordighera: il-futur tas-soċjetajiet tagħna jitlob min-naħa ta’ kulħadd, speċjalment l-istituzzjonijiet, attenzjoni konkreta lejn il-ħajja u l-maternità.  U dan l-appell jikseb tifsir partikolari llum li qed ikun iċċelebrat f’tant pajjiżi, Jum l-Omm.  Hekkhu, niftakru bi gratitudni u mħabba lill-ommijiet kollha li jinsabu fis-sema u nqegħduhom f’idejn Marija, Omm Ġesù.  U issa se nagħmlilkom proposta: noqgħodu ftit fis-skiet u kulħadd jitlob għal ommu.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  Jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  Il-pranzu t-tajjeb u arrivederci!

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber