Għeżież ħuti, il-ġurnata t-tajba!

Illum hu t-tmien jum wara l-Għid, u l-Vanġelu ta’ Ġwanni jirrakkuntalna ż-żewġ dehriet ta’ Ġesù Rxoxt lill-Appostli miġbura fiċ-Ċenaklu: dik ta’ nhar l-Għid filgħaxija, b’Tumas nieqes, u dik ta’ tmient ijiem wara, b’Tumas magħhom.  L-ewwel darba, il-Mulej wera l-pjagi ta’ ġismu lid-dixxipli, u nefaħ fuqhom waqt li qal: “Kif il-Missier bagħat lili, hekk jien ukoll nibgħat lilkom” (Ġw 20,21).  Hekk jgħaddilhom l-istess missjoni tiegħi, bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu.

Imma dik il-lejla kien nieqes Tumas, li ma riedx jemm ix-xhieda tal-oħrajn.  “Jekk ma narax u ma mmisx il-pjagi tiegħu – qal –, jien ma nemminx” (cfr Ġw 20,25). Tmint ijiem wara – jiġifieri eżatt bħal-lum – Ġesù jerġa’ lura ħdejhom u jippreżenta ruħu f’nofs ħbiebu u jdur minnufiħ lejn Tumas, jistiednu jmiss il-feriti ta’ jdejh u tal-kustat.  Jersaq lejn in-nuqqas ta’ twemmin tiegħu, sabiex, permezz tas-sinjali tal-passjoni, ikun jista’ jilħaq il-milja tat-twemmin tiegħu fil-qawmien ta’ Ġesù.

Tumas huwa wieħed li ma jikkuntentax bil-kliem, imma li jfittex, irid jivverifika l-affarijiet hu stess, u jagħmel esperjenza personali ta’ dak li jintqallu.  Wara li għal bidu joħloq l-ostakli u l-mistoqsijiet, fl-aħħar hu wkoll jasal biex jemmen, avolja jimxi ‘l quddiem bi tbatija, imma jasal biex jemmen.  Ġesù jistennih bil-paċenzja u joffri lilu nnifsu quddiem id-diffikultajiet u l-mistoqsijiet tal-aħħar wieħed fosthom. Il-Mulej isejjaħ “henjin” dawk li jemmnu bla ma jaraw (cfr v. 29) – u l-ewwel waħda minn dawn hija Ommu Marija –, imma Hu jasal biex jaqdi wkoll dak li ried minnu d-dixxiplu bla fidi: “Ġib subgħajk ‘l hawn u ħares lejn idejja..” (v. 27).  Meta jiġi f’kuntatt, kuntatt li jsalva, mal-pjagi tal-Irxoxt, Tumas juri wkoll il-feriti tiegħu, il-pjagi tiegħu, it-tiċrit li kellu fih, l-umiljazzjoni tiegħu; fis-sinjal tal-imsiemer isib iċ-ċertezza li hu kien maħbub, li kien mistenni, li kien mifhum.  Isib quddiem Messija mimli ħlewwa, mimli hniena.  Dan kien il-Mulej li hu kien qed ifittex fil-fond tal-eżistenza tiegħu, għax minn dejjem kien jaf li Hu kien hekk.  U kemm fostna nfittxu fil-fond ta’ qalbna li niltaqgħu ma’ Ġesù, hekk kif inhu, mimli ħlewwa u ħanin!  Għax ilkoll nafu, fil-fond tagħna nfusna, li Hu hekk.  Meta reġa’ daħal f’kuntatt personali mal-ħlewwa u l-paċenzja kollha hniena ta’ Kristu, Tumas jifhem it-tifsira profonda tal-Qawmien tiegħu u, mibdul minn ġewwa, jħabbar il-fidi sħiħa u kompleta fih billi jgħid: “Mulej tiegħi u Alla tiegħi!” (v. 28).  Espressjoni sabiħa, sabiħa ħafna, din ta’ Tumas!

Hu seta’ “jmiss” il-Misteru tal-Għid li juri l-imħabba salvifika ta’ Alla fil-milja tagħha, Alla li hu għani fil-hniena (cfr Ef 2,4).  U Tumas aħna wkoll: f’dan it-Tieni Ħadd tal-Għid aħna mistednin inħarsu lejn il-pjagi tal-Irxoxt u naraw fihom il-Hniena Divina, li tgħaddi kull limitu uman u tiddi fuq id-dlamijiet tal-ħażen u tad-dnub.  Żmien qawwi u mtawwal biex nilqgħu il-ġid kbir tal-imħabba kollha hniena ta’ Alla se jkun il-Ġublew Straordinarju li jmiss tal-Hniena, li l-bolla tal-bidu tiegħu ippromulgajt ilbieraħ filgħaxija hawn, fil-bażilka ta’ San Pietru.  Dik il-bolla tibda bil-kliem “Misericordiae Vultus”: il-Wiċċ tal-hniena u Ġesù Kristu.  Ejjew inżommu ħarsitna mdawwra lejH, li dejjem ifittixna, jistenniena, jaħfrilna; tant għandu hniena li ma jibżax mill-miżerji tagħna.  Fil-pjagi tiegħu hu jfejjaqna u jaħer dnubietna kollha.  U jalla l-Omm Verġni tgħinna nuru hniena mal-oħrajn kif Ġesù hu hanin magħna.

_____

Wara r-Regina Coeli l-Papa wassal dan il-messaġġ:

Għeżież ħuti,

inwassa tislima kordjali lilkom l-insara ta’ Ruma u lilkom li ġejtu minn ħafna partijiet tad-dinja.   Insellem lill-pellegrini mid-djoċesi ta’ Metuchen (USA), il-Qaddejja tal-Bambin Ġesù li ġejjin mill-Korazja, l-Ulied tal-Hniena Divina, il-gruppi parrokkjali ta’ Forl u Gravina fil-Puglia, kif ukoll liż-żgħażagħ u l-adolexxenti preżenti, speċjalment l-istudenti tal-iskola “Figlie di Gesù” ta’ Modena, dawk tal-“Liceo Verga” ta’ Adriano  dawk li se jagħmlu l-Griżma f’Palestrina.  Insellem il-pellegrini li ħadu sehem fil-quddiesa mmexxija mill-Kardinal Vigarju ta’ Ruma fil-knisja ta’ Santo Spirito in Sassia, li hi ċ-ċentru tad-devozzjoni lejn il-Hniena Divina.

Insellem il-komunità Neo-katekumenali ta’Ruma, li llum qed jibdew missjoni speċjali fil-pjazez tal-Belt biex jitolbu u jagħtu xhieda tal-fidi.

Insellem u nifraħ lill-insara tal-Knejjes Orjentali li, skont il-kalendarju tagħhom, illum jiċċelebraw l-Għid Qaddis.  Ningħaqad mal-ferħ tat-tħabbira tagħhom ta’ Kristu Irxoxt: Χριστός ανέστη! Ejjew insellmu lkoll b’applawż lil ħutna tal-Lvant f’dan il-jum tal-Għid tagħhom!

Insellem minn qalbi wkoll lill-insara Armeni, li ġew Ruma u ħadu sehem fil-quddiesa li għaliha kien hemm preżenti ħuti t-tlett patrijarki u ħafna isqfijiet.

Fil-ġimgħat li għaddew wasluli minn kull parti tad-dinja ħafna messaġġi ta’ awguri tal-Għid.  Minn qalbi u b’radd il-ħajr nirreċiprokhom.  Nixtieq inrodd ħajr minn qalbi lit-tfal, lill-anzjani, lill-familji, lid-djoċeżijiet, lill-komunitajiet parrokkjali, lid-doversi għaqdiet u assoċazjonijiet li riedu juruni kemm jinsabu qrib tiegħi.  U nitlobkom tkomplu titolbu għalija!

Nawgura lilkom ilkoll il-Ħadd it-tajjeb! L-ikla t-tajba u nsellmilkom!

 

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Fr Jonathan Farrugia