Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

L-Evanġelju tal-lum jirrakkonta t-tielet dehra ta’ Ġesù Rxoxt lill-Appostli, fuq ix-xatt tal-Għadira tal-Galileja, bid-deskrizzjoni tas-sajda mirakoluża (cfr Ġwanni 21,1-19).  Ir-rakkont hu mqiegħed fl-isfond tal-ħajja ta’ kuljum tad-dixxipli li reġgħu lura lejn arthom u x-xogħol tagħhom ta’ sajieda wara l-jiem emozzjonalment inkwetanti tal-passjoni, il-mewt u l-qawmien tal-Mulej.  Għalihom kien diffiċli jifhmu x’kien ġara.  Imma, meta kollox kien jidher mitluf, kien Ġesù li “fittex” mill-ġdid lid-dixxipli tiegħu.  HU stess imur ifittixhom.  Did-darba jiltaqa’ magħhom ħdejn l-għadira, fejn huma kienu qattgħu l-lejl fuq id-dgħajjes mingħajr ma qabdu xejn.  F’ċertu sens, ix-xbieki vojta jixbħu l-bilanċ tal-esperejnza tagħhom ma’ Ġesù: kienu saru jafuh, kienu ħallew kollox biex marru warajh mimlijin tama.... u issa?  Iva, kienu rawh irxuxtat imma kienu jaħsbu: “Telaq u ħalliena..... kollox kien qiesu ħolma.....”.

Imma hekk hu, maż-żerniq Ġesù jidher fuq ix-xatt tal-għadira: imma huma ma għarfuhx (cfr v.4).  Lil dawn is-sajjieda għajjenin u delużi, il-Mulej jgħidilhom: «Itfgħu x-xbiek fuq il-lemin tad-dgħajsa u taqbdu» (v. 6).  Id-dixxipli jafdaw f’Ġesù u r-riżultat kien qabda abbundanti li ma titwemminx.  F’dal-waqt, Ġwanni jdur lejn Piteru u jgħidlu: «Dan hu l-Mulej!» (v. 7).  U mill-ewwel Pietru jintefa’ l-baħar u jgħum lejn ix-xatt, lejn Ġesù.  F’dik l-istqarrija: “Dan hu l-Mulej!” jinsab l-entużjażmu kollu tal-fidi tal-Għid, mimli ferħ u stagħġib, kuntrast enormi mal-fixla, l-iskonfort, is-sens ta’ impotenza li kienu nġemgħu fil-qlub tad-dixxipli.  Il-preżenza ta’ Ġesù Rxoxt tibdel kull ħaġa: id-dlam mirbuħ mid-dawl, ix-xogħol għalxejn jibda jagħti l-frott ġdid u li jipprometti, is-sens ta’ għejja u abbandun iċedi postu għal ħerqa ġdida u għaċ-ċertezza li Hu jinsab magħna.

Minn dak iż-żmien ‘l hawn il-Knisja, il-komunità tal-Irxoxt, hi mħeġġa bl-istess sentimenti.  Ilkoll kemm aħna, aħna l-komunità tal-Irxoxt!  Jekk mad-daqqa t’għajn superfiċjali donnu kultant jidher li d-dlam tal-ħażen u l-għejja tal-ħajja ta’ kuljum donnhom jinsabu minn fuq, il-Knisja taf biċ-ċert li fuq min jimxi wara l-Mulej Ġesù issa qed jiddi d-dawl tal-Għid li ma jintemmx. L-aħbar il-kbira tal-qawmien mill-imwiet tnissel fil-qlub ta’ min jemmen, ferħ intimu u tama li xejn ma jegħlibha.  Kristu qam tassew!  Illum ukoll, il-Knisja tkompli xxandar din l-aħbar ta’ ferħ: il-ferħ u t-tama jkomplu jirfdu l-qlub, l-uċuħ, il-ġesti, il-kliem.  Aħna l-Insara lkoll aħna msejħin biex ngħaddu dal-messaġġ tal-qawmien lil kull min niltaqgħu miegħu, speċjalment lil min qiegħed isofri, min hu waħdu, min jinsab f’qagħda mwiegħra, il-marid, ir-rifuġjat, l-emarġinat.  Lil kulħadd inwasslulu raġġ tad-dawl ta’ Kristu Rxoxt, sinjal tal-qawwa mimlija ħniena tiegħu.

Hu, il-Mulej, iġedded fina wkoll il-fidi tal-Għid.  Jgħinna nagħrfu aktar u aħjar il-missjoni tagħna bħala qaddejja tal-Evanġelju u ta’ ħutna; jimliena bl-Ispirtu s-Santu tiegħu, biex bl-interċessjoni ta’ Marija, flimkien mal-Knisja kollha, nkunu nistgħu nxandru l-kobor tal-imħabba tiegħu u l-għana tal-ħniena tiegħu.


Wara r-Regina Coeli:

Għeżież ħuti,

Bit-tama mogtħija lilna b’rigal ta’ Kristu Rxoxt, inġedded l-appell tiegħi biex jinħelsu dawk il-persuni kollha li jinsabu maħtufin kull fejn hemm il-kunflitti bl-armi; paritkolarment nixtieq infakkar lis-saċerdot Sależjan, Tom Uzhunnalil, li kien inħataf f’Aden, fil-Yemen, fl-4 ta’ Marzu li għadda.

Illum fl-Italja qed ikun iċċelebrat il-Jum Nazzjonali tal-Università Kattolika tas-Sacro Cuore, bit tema “Jien se nkun hawn fl-Italja ta’ għada”.  Nawgura li din l-università kbira, tkun tista’ tkompli tagħti b’impenn imġedded, servizz liż-żgħażagħ Taljani, u jalla tkompli l-missjoni formattiva tagħha b’impenn ġdid, u taġġorna ruħha dejjem mal-ħtiġijiet tal-lum.

Insellem lilkom ilkoll Rumani u pellegrini li ġejtu mill-Italja u minn inħawi oħra tad-dinja.  Tsilima wkoll lil dawk li qed jagħmlu l-maratona.  Insellem partikolarment lill-fidili minn Gnadosso, Golfo Aranci, Mede Lomellina, Cernobbio, Macerata Campania, Porto Azzurro, Maleo u Sasso Marconi, bi ħsieb speċjalijmur lejn dawk li se jirċievu l-Konfermazzjoni minn Campobasso, Marzocca U Montignano.

Nirringrazzja għall-preżenza tagħhom lill-korijiet parrokkjali, li wħud minnhom taw servizz fil-Bażilika ta’ San Pietru f’dawn il-jiem. Grazzi ħafna!

U lilkom ilkoll nawguralkom il-Ħadd it-tajjeb.  Jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija.  Il-pranzu t-tajjeb u arrivederci!

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber