Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Illum fl-Italja u f’pajjiżi oħra ssir iċ-ċelebrazzjoni tat-Tlugħ fis-Sema tal-Mulej, li seħħet erbgħin ġurnata wara l-Għid.  Nikkontemplaw il-misteru ta’ Ġesù li ħareġ mill-ispazju terren tagħna biex jidħol fil-milja tal-glorja t’Alla fejn ħa miegħu l-umanità tagħna.  Jew aħjar, aħna, l-umanità tagħna, għall-ewwel darba tidħol fis-sema.  L-Evanġelju ta’ Luqa jurina r-reazzjoni tad-dixxipli quddiem il-Mulej li «infired minnhom u ġie merfugħ ‘il fuq lejn is-sema» (25,51).  Huma ma ħassew ebda djieqa, ma ħassewhomx mitlufin imma «nxteħtu wiċċhom fl-art quddiemu: u wara marru lura lejn Ġerusalemm mimlijin ferħ» (v.52).  Hu r-ritorn ta’ min m’għadux jibża’ mill-belt li kienet irrfjutat lill-Imgħallem, li rat it-tradiment ta’ Ġuda u ċ-ċaħda ta’ Pietru, rat id-dixxipli jixterdu u rat il-vjolenza ta’ setgħa li kienet qed tħossha mhedda.

Minn dak il-jum, għall-Appostli u għad-dixxipli ta’ Kristu kien possibbli li jgħixu f’Ġerusalemm u fl-ibliet kollha tad-dinja, anki f’dawk l-aktar imġarrbin bl-inġustizzja u l-vjolenza, għax fuq kull belt hemm l-istess sema u kull abitant jista’ jerfa’ ħarstu ‘l fuq bit-tama.  Ġesù Alla, hu verament bniedem, bil-ġisem tiegħu ta’ bniedem jinsab fis-sema!  Din hi t-tama tagħna, l-ankra tagħna, u aħna sammi bħall-blat f’din it-tama jekk inħarsu lejn is-sema.

F’din is-sema hemm dak Alla li wera ruħu tant qribna billi ħa l-wiċċ ta’ bniedem, Ġesù ta’ Nażaret.  Hu jibqa’ dejjem ‘l Alla magħna – niftakruh dan: Immanuel, Alla magħma – u ma jħalliniex waħedna!  Nistgħu nħarsu ‘l fuq biex quddiema naraw il-futur tagħna.  Fit-Tlugħ fis-Sema ta’ Ġesù, l-Imsallab Irxuxtat, hemm il-wegħda li aħna għad nieħdu sehem mill-milja tal-ħajja fil-preżenza t’Alla.

Qabel ma nfired minn ma’ ħbiebu, Ġesù qalilhom hekk dwar l-avveniment tal-mewt u l-qawmien tiegħu: «Intom xhieda ta’ dan» (v.48).  Jiġifieri li l-Appostli u d-dixxipli huma xhieda tal-mewt u l-qawmien ta’ Kristu, anki fil-jum tat-Tlugħ fis-Sema tiegħu.  U fil-fatt, wara li raw lill-Mulej tagħhom jintrefa’ lejn is-sema, id-dixxipli reġgħu lura lejn il-belt bħala xhieda li bil-ferħ bdew iħabbru l-ħajja ġdida li tiġi mill-Imsallab Irxuxtat, li f’ismu «lill-popli kollha kellha titħabbrilhom il-konverżjoni u l-maħfra tad-dnubiet» (v. 47).  Din hi x-xhieda – magħmula mhux bil-kliem biss imma wkoll bil-ħajja ta’ kuljum – ix-xhieda li ta’ kull nhar ta’ Ħadd għandha toħroġ mill-knejjes tagħna biex, matul il-ġimgħa, tidħol fid-djar, fl-uffiċċini, fl-iskola, fil-postijiet fejn jiltaqgħu n-nies u tad-divertiment, fl-isptarijiet, fil-ħabsijiet, fid-djar tal-anzjani, fil-postijiet miżgħuda bl-immigranti, fil-periferiji tal-belt.....  Din hi x-xhieda li aħna għandna nwasslu ta’ kull ġimgħa: Kristu qiegħed magħna; Ġesù tela’ s-sema, jinsab magħna; Kristu hu ħaj!

Ġesù żgurana li  f’din it-tħabbira u f’din ix-xhieda aħna  «inkunu mlibbsin bis-setgħa tal-għoli» (v. 49), jiġifieri bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu.  Hawn jinsab is-sigriet ta’ din il-missjoni: il-preżenza fostna tal-Mulej tagħna rxuxtat, li bid-don tal-Ispirtu s-Santu jkompli jiftħilna moħħna u qalbna biex inħabbru l-imħabba tiegħu u ħnientu anki fl-ambjenti l-aktar reżistenti tal-bliet tagħna.  Il-veru awtur tax-xhieda ta’ kull għamla, li l-Knisja u kull imgħammed jagħtu lid-dinja, huwa l-Ispirtu s-Santu.  Għalhekk, qatt ma nistgħu nittraskuraw li ninġabru fit-talb biex infaħħru ‘l Alla u nitolbu għad-don tal-Ispirtu s-Santu.  Matul din il-ġimgħa, li se twassalna għall-festa ta’ Pentekoste, nibqgħu spiritwalment fiċ-Ċenaklu, flimkien mal-Verġni Marija, biex nilqgħu l-Ispirtu s-Santu.  Nagħmlu dan issa wkoll, flimkien mal-fidili miġburin għas-Supplika tradizzjonali fis-Santwarju ta’ Pompej.

 

 

Wara r-Regina Coeli:

Għeżież ħuti,

Illum jitfakkar il-50 Jum Dinji tal-Komunikazzjonijiet Soċjali, imniedi mill-Konċilju Vatikan II.  Infatti, huma u jirriflettu fuq il-Knisja fid-dinja tal-lum, il-Padri Konċiljari fehmu l-importanza kruċjali tal-komunikazzjoni li tista’ «tibni pontijiet bejn il-persuni, il-familji, il-gruppi soċjali, il-popli.  U dan kemm fl-ambjent fiżiku kif ukoll f’dak diġitali» (Messaġġ 2016).  Insellem minn qalbi lill-operaturi kollha tal-komunikazzjoni u nawgura li l-mod kif aħna nikkomunikaw ma’ xulxin fil-Knisja jkollu dejjem stil evanġeliku ċar, stil li jgħaqqad flimkien il-verità u l-ħniena.

Insellem lilkom ilkoll, fidili u pellegrini mill-Italja u minn pajjiżi oħrajn.  Partikolarment lill-fidili Pollakki minn Varsavja, Lowicz u Ostroda; il-Filarmoniċi ta’ Vjenna; il-grupp Irlandiż “Ħbieb ta’ Monsinjur O’Flaherty”; l-istudenti tal-kulleġġ Corderius (mill-Olanda); u lill- Katholische Akademische Verbindung “Capitolina”.

Insellem lil dawk li qed jieħdu sehem fil-Mixja għall-Ħajja, lill-ħbieb tal-‘Opra Don Folci’ u tal-preseminarju San Piju X, lill-Iscouts tal-Ewropa mill-Punent ta’ Ruma u n-Nofsinhar ta’ Ruma u lill-bosta mid-djoċesi ta’ Ġenova li se jagħmlu l-Griżma tal-Isqof.  Intom il-Ġenoviżi storbjużi!

Illum f’ħafna pajjiżi hu Jum l-Omm; niftakru bi gratitudni u mħabba fl-ommijiet kollha – lil dawk li llum  jinsabu fil-pjazza, ommijietna, dawk li għadhom fostna u dawk li marru s-sema – u nafdawhom lil Marija, Omm Ġesù.  U flimkien, għall-ommijiet kollha nitolbu l-Ave Marija.....

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  Jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  Il-pranzu t-tajjeb u arriverderci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber