Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Qabel il-barka tal-aħħar, se nduru bit-talb lejn l-Omm tagħna ċelesti. Iżda qabel irrid irrodd ħajr lilkom ilkoll li ħadtu sehem f’din iċ-ċelebrazzjoni, partikolarment lill-Missjunarji tal-Ħniena, li ltaqgħu hawnhekk.  Grazzi tas-servizz li tagħtu!

Irrid nagħti l-awguri minn qalbi lil ħutna tal-Knejjes Orjentali, li llum, skont il-kalendarju Ġuljan, qed jiċċelebraw is-solennità tal-Għid.  Il-Mulej irxuxtat jimliekom bid-dawl u l-paċi u jfarraġ lill-komunitajiet li jinsabu f’sitwazzjonijiet partikolarment diffiċli.

Tislima speċjali lir-Rom u lis-Sinti li hawn preżenti fl-okkażjoni tal-jum internazzjonali dedikat lilhom, ir-“Romanò Dives”.  Nawgura paċi u fratellanza lill-membri ta’ dawn il-popli antiki, u nittama li l-ġurnata tal-lum tkun ta’ fejda għall-kultura tal-laqgħa bir-rieda tajba li jsiru jafu lil xulxin u jirrispettaw lil xulxin.  U din hija t-triq li twassal għall-integrazzjoni vera.  Għeżież Rom u Sinti, itolbu għalija u nitolbu flimkien għal ħutkom Sirjani rifuġjati.

Insellem lill-pellegrini l-oħrajn kollha, lill-gruppi parrokkjali, lill-familji, lill-assoċjazzjonijiet; u flimiken ejjew nidħlu taħt il-mant ta’ Marija, Omm il-Ħniena.

Sultana tas-Sema......

APPELL

 

Mis-Sirja qed jaslu aħbarijiet ta’ bumbardamenti terribbli li qed iħallu għexieren ta’ vittmi, fosthom bosta nisa u tfal.  Aħbarijiet li ħafna persuni qed jintlaqtu mill-effetti ta’ sustanzi kimiċi mitfugħin fil-bombi.  Nitolbu għall-mejtin, għall-feruti, għall-familji li qed ibatu.  M’hemmx gwerra tajba jew ħażina u xejn ma jista’ jiġġustifika l-użu ta’ strumenti tal-qerda bħal dawn kontra persuni u popolazzjonijiet bla difiża ta’ xejn.  Nitolbu sabiex dawk li huma politikament u militarment responsabbli jagħżlu t-triq l-oħra, dik tan-negozjati, it-triq waħdanija li tista’ twassal għall-paċi li ma tkunx dik tal-mewt u tal-qerda.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber