Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Fl-Evanġelju ta’ dan il-Ħadd (cfr Ġw. 10,1-10), imsejjaħ ukoll “Il-Ħadd tar-Ragħaj it-Tajjeb” Ġesù jippreżenta ruħu taħt żewġ xbihat li  jikkumplimentaw lil xulxin.  Ix-xbieha tar-ragħaj u x-xbieha tal-bieb tal-maqjel.  Il-merħla, li hija aħna lkoll, tgħix f’maqjel li fih issib il-kenn, fejn jgħammru u jistrieħu n-nagħaġ wara t-tbatija tal-mixja.  Il-maqjel hu magħlaq b’bieb mgħasses minn gwardjan.  Diversi persuni jersqu lejn il-merħla: hemm min jidħol mill-bieb u hemm min «jaqbeż ġewwa minn band’oħra» (v. 1).  L-ewwel wieħed hu r-ragħaj, it-tieni hu barrani li ma jħobbx lin-nagħaġ, irid jidħol minħabba interessi oħra.  Ġesù jidentifika ruħu mal-ewwel wieħed u juri relazzjoni ta’ familjarità man-nagħaġ, (familjarità) li tidher fil-leħen li bih isejħilhom u li huma jgħarfuh u jimxu warajh (cfr v. 3).  Hu jsejħilhom biex imexxihom ‘il barra, lejn il-mergħat kollhom ħdura fejn isibu nutriment tajjeb.

It-tieni xbieha li biha jippreżenta ruħu Ġesù hi dik «tal-bieb tan-nagħaġ» (v. 7).  Infatti jgħid: «Jien il-bieb: jekk xi ħadd jidħol ġewwa permezz tiegħi, isalva» (v.9), jiġifieri jkollu l-ħajja u ħajja bil-kotra (v. 10).  Kristu, ir-Ragħaj it-Tajjeb, sar il-bieb tas-salvazzjoni tal-umanità għax offra ħajtu għan-nagħaġ tiegħu.

Ġesù, ragħaj tajjeb  u bieb tan-nagħaġ, hu kap li l-awtorità tiegħu hi mistqarra fis-servizz, kap li biex jikkmanda jagħti ħajtu u ma jitlobx lill-oħrajn biex jissagrifikaw tagħhom.  Kap bħal dan nistgħu nafdaw fih, bħan-nagħaġ li jisimgħu leħen ir-ragħaj tagħhom għax jafu li miegħu se jmorru f’mergħat tajbin u abbundanti.  Biżżejjed sinjal, sejħa, u huma jitilqu warajh, jobdu u jimxu, immexxijin mil-leħen ta’ dak li huma jħossuh bħala preżenza ħabiba, qawwija u mansa fl-istess waqt, li tindirizzahom, tħarishom, tfarraġhom u ddewwiehom.

Hekk hu Kristu għalina.  Hemm dimensjoni tal-esperjenza Nisranija li forsi nħalluh xi ftit fid-dell: id-dimensjoni spiritwali u affettiva.  Li nħossuna marbutin b’rabta speċjali mal-Mulej bħan-nagħaġ mar-ragħaj tagħhom.  Xi kultant il-fidi nirrazzjonaliżżawha żżejjed u nirriskjaw li nitilfu l-perċezzjoni tat-timbru ta’ dak il-leħen, tal-leħen ta’ Ġesù ragħaj tajjeb, li tqanqalna u ssaħħarna.  Kif ġralhom iż-żewġ dixxipli ta’ Għemmaws, li qalbhom kienet tħeġġeġ meta l-Irxoxt kien qed ikellimhom tul għonq it-triq.  Hi esperjenza meraviljuża li tħossok maħbub minn Ġesù.  Għamlu din il-mistoqsija lilkom infuskom: Inħossni maħbub minn Ġesù?  Inħossni maħbuba minn Ġesù?  Għalih aħna qatt m’aħna barranin, imma ħbieb u ħutu.  Madankollu mhux dejjem hu faċli nagħrfu l-leħen tar-ragħaj it-tajjeb.  Oqgħodu attenti.  Dejjem hemm ir-riskju li l-istorbju ta’ tant ilħna oħra jaljenana.  Illum għandna l-istedina biex ma nħallux l-għerf falz ta’ did-dinja jtellifna, imma biex nimxu wara Ġesù, l-Irxoxt, bħala l-gwida waħdanija u żgura li tagħti sens lil ħajjitna.

F’dal-Jum Dinji ta’ talb għall-vokazzjonijiet – partikolarment għall-vokazzjonijiet saċerdotali, sabiex il-Mulej jibgħatilna rgħajja tajba – ninvokaw lill-Verġni Marija ħalli hi takkumpanja lill-għaxar saċerdoti ġodda li ordnajt ftit ħin ilu.  Tlabt erba’ minnhom mid-djoċesi ta’ Ruma biex jiġi miegħi fit-tieqa biex iberkukom flimkien miegħi.  Jalla bl-għajnuna tagħha, il-Madonna tgħin lil min ikun imsejjaħ minnu, sabiex ikun lest u ġeneruż biex isegwi leħnu.

 

Wara r-Regina Coeli:

Għeżież ħuti,

Ilbieraħ, f’Gerona, fi Spanja, ġew dikjarati Beati, Antonio Arribas Hortigüela u sitt sħabu, reliġjużi mill-Kongregazzjoni tal-Missjunarji tal-Qalb Imqaddsa.  Dawn id-dixxipli fidili u erojċi ta’ Ġesù kienu nqatlu minħabba l-mibgħeda lejn il-fidi fi żmien il-persekuzzjoni reliġjuża.  Jalla l-martirju tagħhom, milqugħ għall-imħabba t’Alla u l-fedeltà lejn il-vokazzjoni tagħhom, iqanqal fil-Knisja x-xewqa li tkun xhud qawwi tal-Evanġelju tal-karità.

Insellem lilkom ilkoll, fidili minn Ruma u pellegrini, partikolarment lil dawk li ġejjin minn Varsavja, Aalen (il-Ġermanja), Liebenau (l-Awstrija), minn Chennai (l-Indja) u minn Texas: kif ukoll lill-għalliema u studenti tal-“Corderius College” minn Amersfoort (l-Olanda).

Insellem lill-Assoċjazzjoni “Meter” li għal aktar minn għoxrin sena ilha tiġġieled kull għamla ta’ abbuż fuq il-minuri.  Grazzi, grazzi ħafna tal-impenn tagħkom fil-Knisja u fis-soċjetà; ibqgħu mexjin bil-kuraġġ!

Insellem lill-parteċipanti tal-Arma tal-Pulizija (Carabinieri) li qiegħdin hawn għall-laqgħa nazzjonali, lid-delegazzjoni tat-Trejd Unjin Awtonoma tal-Puluzija, lill-fidili minn Pomezia u Palestrina, lill-Assoċjazzjoni Santu Sepulkru minn Foligno, lill-Filarmonika Valsoldese u lill-adoloxxenti minn Modica.  (Il-banda Filarmonnica Valsoldese bdiet iddoqq u l-Papa qalilhom “bravi”).

Għada nagħmlu s-supplika lill-Madonna tar-Rużarju ta’ Pompej; matul dax-xahar ta’ Mejju nitolbu r-Rużarju partikolarment għall-paċi.  Nirrikmandalkom: nitolbu r-Rużarju għall-paċi, kif talbet il-Madonna ġewwa Fatima, fejn jien se mmur minn hawn u ftit jiem oħra, fl-okkażjoni taċ-ċentinarju tal-ewwel dehra.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  U jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  Il-pranzu t-tajjeb u arrivederci!

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber