Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

L-Evanġelju tal-lum jeħodna fiċ-Ċenaklu. Waqt l-Aħħar Ċena, qabel ma’ mar għall-passjoni  u l-mewt fuq is-salib, Ġesù jwiegħed lill-Appostli d-don tal-Ispirtu s-Santu, li kellu jgħallimhom u jfakkarhom f’dak li Hu kien qal lill-komunità tad-dixxipli.  Jgħidha Ġesù nnifsu: «Il-Paraklitu, l-Ispirtu s-Santu li l-Missier se jibgħat f’ismi, jgħallimkom kollox u jfakkarkom dak kollu li għidtilkom» (14,26).  Jgħallem u jfakkar.  Dan jagħmel l-Ispirtu s-Santu fi qlubna.

Fil-ħin li kien sejjer lura għand il-Missier, Ġesù jħabbar il-miġja tal-Ispirtu s-Santu li, qabel kollox, se jgħallem lid-dixxipli jifhmu dejjem aħjar l-Evanġelju, jilqugħ fl-eżistenza tagħhom u jtuħ il-ħajja u jqegħduh fis-seħħ bix-xhieda tagħhom.  Filwaqt li kien se jafda f’idejn l-Appostli – li appuntu tfisser ‘mistednin’ – il-missjoni li jwasslu l-aħbar tal-Evanġelju fid-dinja kollha, Ġesù jwiegħed li huma ma kienux se jibqgħu waħedhom: se jkun magħhom l-Ispirtu s-Santu, il-Paraklitu, li se jkun ħdejhom  anzi se jkun fihom, biex jiddefendihom u jsostnihom.  Ġesù jmur lura għand il-Missier imma jkompla jakkumpanja u jgħallem lid-dixxipli tiegħu permezz tad-don tal-Ispirtu s-Santu.

It-tieni aspett tad-don tal-Ispirtu s-Santu hu li jgħin lill-Appostli jiftakru kliem Ġesù.  L-Ispirtu għandu x-xogħol li jerġa jqajjem il-memorja, ifakkar kliem Ġesù.  L-Imgħallem Divin diġà wassal dak lkollu li kellu ħsieb jafda lill-appostli: biH, il-Verb inkarnat, ir-rivelazzjoni waslet fil-milja tagħha.  L-Ispirtu jfakkar it-tagħlim ta’ Ġesù fiċ-ċirkostani differenti u konkreti tal-ħajja, biex ikun jista’ jitqiegġed fis-seħħ.  Dan hu propju dak li għadu jiġri fil-Knisja llum, immexxija mid-dawl u l-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, biex tkun tista’ twassal lil kulħadd ir-rigal tas-salvazzjoni, jiġifieri l-imħabba u l-ħniena t’Alla.  Per eżempju, meta f’dawn il-ġranet tkunu qed taqraw silta mill-Evanġelju – kif tajtkom parir tagħmlu jien – itolbu lill-Ispirtu s-Santu: “Għinni nifhem u niftakar dan il-kliem ta’ Ġesù.  Imbagħad naqraw il-pass, kuljum.  Imma l-ewwel ngħidu dik it-talba lill-Ispirtu s-Santu f’qalbna: “Għinni niftakar u għinnni nifhem”.

Aħna m’aħniex waħedna: Ġesù jinsab magħna, f’nofsna, ġewwa fina! Il-preżenza l-ġdida tiegħu fl-istorja sseħħ permezz tad-don tal-Ispirtu s-Santu, li biH hu possibbli nibnu relazzjoni, rabta ħajja, miegħU, mal-Imsallab Irxuxtat.  L-Ispirtu mxerred ġewwa fina bis-Sagramenti tal-magħmudija u tal-Konfermazzjoni, jaħdem fina.  Hu jmexxi l-ħsieb tagħna, l-imġieba, jgħinna nagħżlu t-tajjeb mill-ħażin; jgħinna nipprattikaw il-karità ta’ Ġesù, l-għotja tiegħu innifsu lill-oħrajn, speċjalment lil min hu l-aktar fil-bżonn.

M’aħniex waħedna!  Is-sinjal tal-preżenza tal-Ispirtu s-Santu hija wkoll il-paċi li Ġesù jagħti lid-dixxipli tiegħu: «Intikom il-paċi tiegħi» (v. 27).  Hi (paċi) differenti minn dik li aħna l-bnedmin nawguraw lil xulxin, jew li nippruvaw nagħmlu.  Il-paċi ta’ Ġesù tgelgel mir-rebħa fuq id-dnub, fuq l-egoiżmu li jżommuna milli nħobbu lil xulxin bħal aħwa.  Hija d-don ta’ Alla u sinjal tal-preżenza tiegħu.  Kull dixxiplu li llum hu msejjaħ biex jimxi wara Ġesù billi jġorr salibu, tinżel fih il-paċi tal-Imsallab Irxuxtat, biċ-ċertezza tar-rebħa tiegħu u bl-istennija tal-miġja tal-aħħar tiegħu.

Il-Verġni Marija tgħinna nilqgħu bil-ħlewwa lill-Ispirtu s-Santu bħala Mgħallem ġewwa fina u bħala Tifkira ħajja ta’ Kristu,S fil-mixja tagħna ta’ kuljum.

 

Wara r-Regina Coeli:

Għeżież ħuti,

Tislima minn qiegħ qalbi tmur lejn ħutna tal-Knejjes tal-Orjent li llum qed jiċċelebraw l-Għid.  Il-Mulej itihom ilkoll ir-rigali tad-dawl tiegħu u tal-paċi tiegħu.  Christos anesti!

Qed jasluli b’għafsa ta’ qalb  kbira l-aħbarijiet mis-Sirja dwar l-ispirali tal-vjolenza li qed tkompli tħażżen is-sitwazzjoni umanitarja tal-pajjiż, partikolarment fil-belt ta’ Aleppo, u li qed tkompli taħsad vittmi innoċenti saħansitra fost it-tfal, il-morda u fost dawk li b’sagrifiċċju kbir huma mpenjati  biex jgħinu lill-proxxmu.  Inħeġġeġ lill-partijiet kollha mdaħħlin fil-kunflitt biex jirrispettaw il-waqfien mill-ġlied u biex isaħħu d-djalogu li għaddej, l-unika triq li twassal għall-paċi.

Il-Ħadd li ġej f’Ruma se tibda l-Konferenza bit-tema “L-iżvilupp sostenibbli u x-xogħol l-aktar vulnerabbli”.  Nawgura li dan l-avveniment jissensibiliżża lill-awtoritajiet, lill-istituzzjonijiet politiċi u ekonomiċi biex jagħtu każ tad-dinjità umana, b’rispett sħiħ lejn ir-regolamenti dwar ix-xogħol u dwar l-ambjent.

Insellem lilkom, pellegrini li ġejtu mill-Italja u minn pajjiżi oħra.  Insellem partikolarment lill-fidili li ġew minn Madrid, Barcellona u Varsavja, kif ukoll lill-Komunità Abramo li hija impenjata fi proġetti ta’ evanġeliżżazzjoni fl-Ewropa, lill-pellegrini minn Olgiate Comasco, Bagnolo Mella u lill-dawk li se jagħmlu l-Griżma tal-Isqof minn Castelli Calepio.

Insllem lill-“Assoċjazzjoni Meter” li minn bosta snin ‘l hawn titqabad kontra kull forma ta’ abbuż fuq il-minuri.  Din hi traġedja!  M’għandniex nittolleraw l-abbużi fuq il-minuri.  Għandna niddefendu lill-minuri u nikkastigaw bl-aħrax lil min jabbużahom.  Grazzi tal-impenn tagħkom u komplu wettqu din il-ħidma b’impenn!

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  Jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  Il-pranzu t-tajjeb u arrivederci!

 

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber