F’dal-jum, li qiesu l-qofol tas-Sena Mqaddsa tal-Ħniena, ħsiebi jmur lejn il-popolazzjonijiet kollha li huma bil-għatx għar-rikonċiljazzjoni u għall-paċi.  Qed naħseb partikolarment, hawn fl-Ewropa, fid-dramm ta’ min qiegħed ibati l-konsegwenzi tal-vjolenza fl-Ukrajna: il-bosta li jibqgħu fl-artijiet mikdudin mill-ostilità li digà wasslu għall-mewt ta’ eluf, u ta’ min – aktar minn miljun – kien imġiegħel jaħrab min dis-sitwazzjoni gravi li għadha għaddejja.  L-aktar milquta huma fuq kollox l-anzjani u t-tfal.  Minbarra li ninsab magħhom il-ħin kollu bil-ħsieb tiegħi u b’talbi, ħassejt li kelli nniedi għajnuna umanitarja biex ngħinhom.  Għal dan il-għan se ssir ġabra speċjali fil-knejjes Kattoliċi kollha tal-Ewropa fl-24 ta’ April li ġej.  Nistieden lill-fidili biex jingħaqdu f’din l-inizjattiva billi jikkontribwixxu bil-ġeneożità.  Dan il-ġest ta’ karità, minbarra li jgħin biex itaffi t-tbatija materjali, jrid ukoll jesprimi l-qrubija u s-solidarjetà tiegħi personali u tal-Knisja kollha.  Nawgura minn qiegħ qalbi li dan jgħin biex, mingħajr telf ta’ żmien, ikun ta’ fejda għall-paċi u r-rispett tad-dritt f’dik l-art hekk imnikkta.

U filwaqt li nitolbu għall-paċi, niftakru li għada jkun iċċelebrat il-Jum Dinji kontra l-mini qerrieda.  Wisq nies għadhom jisfaw maqtulin jew immankati minħabba dawn l-armi terribbli, u rġiel  u nisa qlabenin jirriskjaw ħajjithom biex inaddfu l-artijiet fejn jinsabu dawn il-bombi.  Ejjew, jekk jogħġobkom, inġeddu l-impenn tgaħna biex id-dinja ma jkollhiex aktar minn dawn il-bombi!

Fl-aħħar insellem lilkom ilkoll, intom li ħadtu sehem f’din iċ-ċelebrazzjoni, partikolarment lill-gruppi li jgħixu l-ispiritwalità tal-Ħniena Divina.

Ilkoll flimkien induru bit-talb lejn l-Omm tagħna.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber