Għeżież Ħuti, Il-Wara Nofsinhar it-Tajjeb! 

Insellem qabel xejn lilkom refuġjati, irġiel u nisa.  Għadna kemm smajna lil Adam u Carol: grazzi tax-xhieda tagħkom, qawwija u mimlija wkoll bit-tbatija.  Kull wieħed u waħda minnkom, iġorr storja li tkellimna minn drammi ta’ gwerra, konflitti, spiss marbutin mal-politika internazzjonali.  Imma kull wieħed u waħda minnkom iġorr fuq kollox ħajja għanja umana u reliġjuża, għana li jeħtieġ nilqgħuha u mhux nibżgħu minnha.  Ħafna minnkom intom Musulmani, ta’ reliġjonijiet oħra; tiġu minn pajjiżi diversi, minn qagħadiet differenti.  M’għandux ikollna biża’ mid-differenzi!   Il-fraternita’ tgħinna niskopru li dawn huma rikkezzi, don għal kulħadd!  Ngħixu l-fraternita’!

Ruma!  Wara Lampedusa u l-postijiet l-oħra ta’ wasla, għal ħafna nies il-belt tagħna hija t-tieni post.  Spiss – smajnieh dan – huwa vjaġġ diffiċli, li jgħajjik, ukoll vjolenti dak li wieħed jew waħda jkunu affrontaw, naħseb fuq kollox fin-nisa, fl-ommijiet, li jissaportu dan basta jassiguraw futur għal uliedhom u tama ta’ ħajja diversa għalihom u għall familja.  Ruma għandha tkun il-belt li tippermetti li wieħed jew waħda jsibu fiha dimensjoni umana li tibda mill-ġdid titbissmilhom.  Imma kemm drabi, hawnhekk, bħal inħawi oħrajn, dawk li jkollhom miktub fil-permess tar-residenza “ħarsien internazzjonali”, u imbagħad ikunu mġiegħla li jgħixu f’sitwazzjonijiet mhux ħfief, xi drabi degradanti, mingħajr possibilita’ li jibdew ħajja dinjituża, li jaħsbu f’futur ġdid!

Għalhekk ngħid grazzi lil dawk kollha li, bħal f’dan iċ-Ċentru u f’servizzi oħrajn tal-Knisja, pubbliċi u privati, iħabirku biex jilqgħu dawn in-nies bi proġett.  Grazzi lil Padre Giovanni u lil Sħabu; grazzi lilkom ħaddiema, voluntieri, benefatturi, li mhux biss tagħtu xi ħaġa jew tagħtu xi ħin, imma li tippruvaw tidħlu f’relazzjoni ma’ dawk li jitolbu kenn u mar-refuġjati u tagħarfuhom bħala persuni fil-waqt li tippruvaw issibu tweġiba konkreta għall-ħtiġijiet tagħhom.  Li żżommu t-tama dejjem ħajja!  Li tgħinu biex dawn jerġgħu ikollhom lura l-fiduċja!  Li turu li meta tilqgħuhom u bis-sens ta’ fraternita’ tistgħu tiftħu tieqa fuq il-futur – anzi aktar minn tieqa, imma bieb, u aktar ukoll –, jista’ jkollhom ukoll futur!  U hija ħaġa sabiħa taħdem mar-refuġjati, flimkien mal-Ġiżwiti, kemm jekk tkunu rġiel u nisa nsara u wkoll jekk ma tkunux temmnu jew ġejjin minn reliġjonijiet oħra, ilkoll mgħaqudin f’isem il-ġid komuni, li għalina l-insara huwa b’mod speċjali l-imħabba tal-Missier fi Kristu Ġesu’.  Sant’Injazju minn Loyola ried li fil-postijiet fejn kien jgħix f’Ruma jkun hemm spazju fejn wieħed jilqa’ il-fqar ħafna. U fl-1981, meta Padre Arruppe waqqaf is-Servizz tal-Ġiżwiti għar-Refuġjati, huwa ried li l-post ewlieni tagħha f’Ruma jkun f’dawn il-postijiet, fil-qalba ta’ Ruma.  U qed niftakar meta P. Arruppe ħalla spiritwalment it-Thailandia propriju f’ċentru tar-refuġjati.

Isservi, takkumpanja, tiddefendi:  tlitt kelmiet li huma il-programm ta’ ħidma tal-Ġiżwiti u tal-kollaboraturi tagħhom.

Isservi.  Xi tfisser?  Isservi jfisser tilqa’ b’attenzjoni l-persuna li tasal; ifisser titbaxxa quddiem min ikun fil-bżonn u toffrilu idejk, mingħajr kalkoli, mingħajr biża’, b’tenerezza u mgħodrija, bħalma Ġesu’ tbaxxa u ħasel riġlejn l-Appostli.  Isservi jfisser taħdem qrib ħafna ma’ dawk l-aktar fil-ħtieġa, twaqqaf magħhom, qabel kollox, relazzjoni umana, li jħossuk qribhom, b’irbit ta’ solidarjeta’.  Solidarjeta, din il-kelma li tbeżża’ lid-dinja żviluppata.  Dawn jidhrilhom li m’għandhomx isemmuha.  Solidarjeta’ li hija xi kelma kważi ħażina għalihom.  Imma hija l-kelma li aħna nużaw!  Isservi jfisser tagħraf u tilqa’ t-talbiet ta’ ġustizzja, ta’ tama, u flimkien wieħed ifittex toroq u meżżi konkreti ta’ ħelsien.  

Il-fqar huma wkoll għalina għalliema privileġġjati biex nagħarfu lil Alla; il-fraġilita’ tagħhom u s-sempliċita’ tagħhom joħorġu mill-maskra l-egoiżmi tagħna, is-sigurtajiet foloz tagħna, il-pretensjonijiet tagħna li nħossuna ma jonqosna xejn u jwassluna għall-esperjenza li Alla huwa qribna u jħobbna b’mod teneru tassew; jgħinuna biex nilqgħu mħabbtu f’ħajjitna, nilqgħu l-ħniena tal-Missier li, b’diskrezzjon u fiduċja, tieħu paċenzja, jieħu ħsieb tagħna lkoll.

Minn dan il-post ta’ akkoljenza, ta’ laqgħa u ta’ qadi, nixtieq għalhekk li ssir mistoqsija lil kulħadd, lill-persuni kollha li jgħixu hawn, f’din id-djoċesi ta’ Ruma:  Jiena nitbaxxa quddiem min huwa fid-diffikulta’ jew inkella nibża li nħammeġ idejja?  Jien mgħaluq fija nnifsi, fi ħwejjġi, jew nittendi min huwa fil-ħtieġa ta’ xi għajnuna?  Jien naqdi biss lili nnifsi jew naf naqdi lill-oħrajn bħalma Kristu ġie biex jaqdi sal-punt li ta ħajtu?  Jiena nħares f’għajnejn dawk li jitolbu ġustizzja jew indawwar ħarsti n-naħa l-oħra biex ma nħarisx lejhom?

It-tieni kelma: Takkumpanja F’dawn is-snin, iċ-Ċentru Astalli għamel mixja.  Fil-bidu kien joffri servizzi tal-ewwel ħtiġiet: ikel, sodda, u għajnuna legali.  Imbagħad tgħallem jakkumpanja dawn il-persuni fit-tfittxija għax-xogħol u biex jinserixxu ruħhom soċjalment.  U wara għamel ukoll proposti ta’ attivitajiet kulturali, biex jingħata sehem ħalli tikber il-kultura tal-akkoljenza, kultura tal-laqgħa u tas-solidarjeta’, billi tibda mill-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem.  L-akkoljenza biss mhix biż-żejjed.  Mhux biż-żejjed tagħti ħobża żgħira jekk ma tkunx akkumpanjata  mill-possibilita’ li dak li jkun jiġi mgħallem kif jimxi b’riġlejh.  Il-karita’ li tħalli lill-fqir hekk kif inhu mhix biż-żejjed.  Il-ħniena tassew, dik li Alla jagħtina u jgħallimna, titlob il-ġustizzja, titlob li l-fqir ikun jista’ jsib it-triq biex ma jibqax kif inhu.  Titlob – u titlob minna Knisja, lilna belt ta’ Ruma, lill-istituzzjonijiet – titlob li ħadd ma jkollu qatt aktar il-ħtieġa tal-ikel, ta’ post fejn joqgħod b’kumbinazzjoni, ta’ servizz t’għajnuna legali biex jara li jkunu magħrufin id-drittijiet tiegħu li jgħix, li jaħdem, li jkun persuna f’sens sħiħ.  Adam qal: “Aħna r-refuġjati għandna d-dmir li nagħmlu mill-aħjar li nistgħu biex inkunu integrati fl-Italja”.  U dan huwa dritt: l-integrazzjoni!  U Carol qal: “Is-Sirjani fl-Ewropa jħossu ir-responsabbilta’ kbira li ma jkunux piż, aħna rridu nħossuna parti attiva ta’ soċjeta’ ġdida”.  Dan ukoll huwa dritt!  Hekku, din ir-responsabbilta’  hija l-bażi etika, hija l-qawwa biex nibnu flimkien.  Jiena nsaqsi:  Aħna qegħdin nakkumpanjaw f’din il-mixja?

It-tielet kelma: Tiddefendi.  Isservi, takkumpanja ifissru wkoll li tiddefendi, jiġifieri iżżomm il-parti ta’ min hu aktar debboli.  Kemm drabi ngħollu leħinna biex niddefendu d-drittijiet tagħna; imma kemm drabi nkunu indifferenti għad-drittijiet tal-oħrajn!  Kemm drabi ma nafux jew ma rridux nagħtu leħen lill-leħen ta’  min – bħalkom – ikun sofra u għadu jsofri, ta’ min ikun ra d-drittijiet tiegħu mgħaffġa taħt ir-riġlejn, ta’ min ikun għex fost daqshekk vjolenza li tkun fgat ix-xewqa wkoll li ssirlu ġustizzja!

Għall-Knisja kollha huwa importanti li l-akkoljenza tal-fqir u l-promozzjoni tal-ġustizzja ma jkunux biss f’idejn “speċjalisti”, imma jkunu għall-attenzjoni tal-pastorali kollha, tal-formazzjoni tas-saċerdoti u r-reliġjużi tal-futur, tal-impenn normali tal-parroċċi kollha, tal-movimenti u l-għaqdiet ekklesjali.  B’mod partikulari – u dan huwa importanti u ntennieh minn qalbi – nixtieq nistieden lill-Istituti reliġjużi biex jaqraw bis-serjeta’ u b’responsabbilta’ dan is-sinjal taż-żminijiet.  Il-Mulej isejjaħ biex ngħixu b’kuraġġ  u ġenerożita’ akbar l-akkoljenza fil-komunita’, fid-djar, fil-kunventi vojta.  Għeżież reliġjużi, kemm irġiel kif ukoll nisa, il-kunventi vojta ma jservux lill-Knisja biex nibdluhom f’lukandi u naqilgħu l-flus.  Il-kunventi vojta m’humiex tagħkom, huma tal-ġisem ta’ Kristu li huma r-refuġjati.  Il-Mulej isejjaħ biex ngħixu b’kuraġġ  u ġenerożita’ akbar l-akkoljenza fil-komunita’, fid-djar, fil-kunventi vojta.  Bla dubju din mhix ħaġa sempliċi, irid ikun hemm kriterju, responsabbilta’, imma hemm ħtieġa wkoll ta’ kuraġġ.  Aħna qed nagħmlu ħafna, jista’ jkun li aħna msejħin biex nagħmlu aktar, nilqgħu u naqsmu b’mod determinat dak li l-Provvidenza tagħtina biex naqdu.  Nirbħu t-tentazzjoni tal-mondanita’ spiritwali biex inkunu qrib tal-persuni sempliċi u fuq kollox ta’ dawk li huma l-aħħar.  Neħtieġ komunitajiet solidali li jgħixu l-imħabba b’mod konkret!

Kuljum, hawnhekk u f’ċentri oħra, ħafna nies, fil-parti l-kbira żgħażagħ, ikunu jistennew fil-kju biex ikollhom platt sħun.  Dawn il-persuni jfakkruna fit-tbatija u fid-drammi tal-umanita’.  Imma dak il-kju jgħidilna wkoll biex nagħmlu xi ħaġa, issa, ilkoll, u dan huwa possibbli li jsir.  Biż-żejjed tħabbat il-bieb u tipprova ttenni: “Jiena hawn qiegħed.  Kif nista’ nagħti daqqa t’id?”

Kelmtejn tal-Papa qabel ħalla ċ-Ċentru Astalli.

Inroddilkom ħajr għall-akkoljenza f’din id-Dar!  Grazzi tax-xhieda, grazzi tal-għajnuna, grazzi tat-talb tagħkom, grazzi tax-xewqa, ir-rieda li tkomplu, li tikkumbattu u timxu ‘l quddiem.  Grazzi talli tiddefendu d-dinjita’ tagħkom, id-dinjita’ umana tagħna.  Grazzi ħafna.  Il-Mulej iberikkom ilkoll!

 

Miġjub għall-Malti minn Patri Silvestru Bonavia OFM Cap.