Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb?

Il-vanġelu tal-lum jippreżentalna lil Ġesù waqt l-aħħar ikla, fil-mument meta jaf li l-mewt kienet tassew qrib.  Kienet wasalt is-“siegħa” tiegħu.  Jinsab mad-dixxipli għall-aħħar darba, u għalhekkk irid jistampa sewwa f’moħħhom verità mill-aktar importanti: anke meta Hu ma jkunx għadu magħhom fil-ġisem, huma xorta waħda jistgħu jibqgħu marbutin miegħu b’mod ġdid, u hekk xorta waħda jagħmlu ħafna frott. Ilkoll kemm aħna nistgħu nkunu magħqudin ma’ Ġesù b’mod ġdid.  Jekk mill-banda l-oħra xi ħadd jitlef din l-għaqda miegħu, din il-komunjoni miegħu, isir sterili, anzi, jagħmel il-ħsara lill-komunità.  U biex juri din ir-realtà, dan il-mod ġdid kif inkunu magħqudin miegħu, Ġesù juża x-xbiha tad-dielja u l-friegħi u jgħid hekk: “Hekk kif il-fergħa ma tistax tagħmel il-frott waħedha jekk ma tibqax mad-dielja, bl-istess mod anqas intom jekk ma tibqgħux fija.  Jien id-dielja, intom il-friegħi” (Ġw 15, 4-5).  B’din ix-xbiha jgħallimna kif nibqħu fih, kif inkunu marbutin miegħu, minkejja li hu mhux preżenti fostna fil-ġisem.

Ġesù huwa d-dielja, u minn ġo fih – kif l-umdu jterraq fis-siġra – jagħddi lill-friegħi l-imħabba stess ta’ Alla, l-Ispirtu s-Santu.  Dan hu li qed ngħid: aħna l-friegħi, u permezz ta’ din il-parabbola Ġesù jrid ifiehmna kemm hu meħtieġ li nibqgħu magħqudin miegħu.  Il-friegħi ma jistgħux ifendu għal rashom, imma jiddependu għal kollox mid-dielja, għax fiha hemm l-għajn tal-ħajja tagħhom.  L-istess għalina l-insara.  Permezz tal-magħmudija ġejna msawwra fi Kristu, u minnu qlajna b’xejn ir-rigal ta’ ħajja ġdida; u nistgħu nibqgħu f’għaqda li tagħtina l-ħajja ma’ Kristu.  Jeħtieġ li nibqgħu fidili lejn il-Magħmudija, u nikbru fil-ħbiberija ma’ Ġesù permezz tat-talb, it-talb ta’ kuljum, is-smiegħ tal-Kelma tiegħu – il-qari tal-Vanġelu – u r-rieda li nwettquha, il-parteċipazzjoni fis-Sagramenti, speċjalment fl-Ewkaristija u l-Qrar.

Jekk xi ħadd ikun magħqud ma’ Ġesù b’mod intimu, igawdi d-doni tal-Ispirtu s-Santu, li – kif jgħid San Pawl – huma “l-imħabba, l-hena, is-sliem, is-sabar, il-ħniena, it-tjieba, il-fidi, il-ħlewwa, ir-rażan” (Gal 5,22).  Dawn huma r-rigali li jaslulna jekk nibqgħu magħqudin ma’ Ġesù; u minħabba fihom persuna li hi magħquda ma’ Ġesù b’dan il-mod tagħmel ħafna ġid lill-proxxmu u lis-soċjetà, hija persuna nisranija.  Minn din l-imġieba fil-fatt jingħaraf jekk xi ħadd hux nisrani jew le, l-istess kif mill-frott tingħaraf is-siġra.  Il-frott ta’ din l-għaqda profonda ma’ Ġesù huma tal-għaġeb: il-persuna kollha tagħna tiġi mibdula mill-grazzja tal-Ispirtu: ir-ruħ, l-intelliġenza, ir-rieda, l-affetti, u anke l-ġisem, għax aħna għaqda ta’ spirtu u ġisem.  Nirċievu mod ġdid kif neżistu, il-ħajja ta’ Kristu ssir tagħna: nistgħu naħsbu bħalu, inġibu ruħna bħalu, naraw id-dinja u l-affarijiet ta’ madwarna bl-għajnejn ta’ Ġesù.  B’konsegwenza ta’ hekk nisgħu nħobbu lill-aħwa, l-ewwel nett l-aktar fqar u batuti, kif għamel Hu, inħobbuhom bil-qalb tiegħu u hekk inwasslu fid-dinja frott ta’ tjieba, mħabba u paċi.

Kull wieħed minna huwa fergħa fid-dielja waħdanija; u aħna flimkien imsejjħin biex inwasslu l-frott ta’ din il-komunjoni li sidienha huma Kristu u l-Knisja.   Ejjew nafdaw lilna nfusna fl-interċessjoni tal-Verġni Marija, sabiex inkunu friegħi ħajjin fil-Knisja u nagħtu xhieda tal-fidi tagħna billi l-imġieba tagħna tkun taqbel ma dak li nemmnu – għaqda bejn il-ħajja u l-fidi – waqt li nafu li lkoll, skont is-sejħa ta’ kull wieħed minnha, għandna sehem mill-missjoni salvifika waħdanija ta’ Kristu.

-----

Wara r-Regina Coeli l-Papa wassal dan il-messaġġ:

Għeżież ħuti,

lilkom li ġejjin mill-Italja u minn ħafna partijiet tad-dinja, insellem lil kull wieħed u waħda minnhom!

Ilbieraħ f’Turin ġie mħabbar Beatu Luigi Bordino, lajk ikkonsagrat tal-Kongregazzjoni tal-Aħwa ta’ San Giuseppe Benedetto Cottolengo.  Hu ddedika ħajtu lill-persuni morda u batuti, u ngħata bla mistrieħ lill-aktar fqar, idewwilhom u jnaddfilhom il-feriti.  Inroddu ħajr lill-Mulej għal dan id-dixxiplu umli u ġeneruż.

Insellem illum b’mod speċjali lill-Associazioni Méter, fil-Jum tat-Tfal vittmi tal-vjolenza.  Nirringrazzjakom tal-impenn tagħkom li bih tfittxu li tevitaw dawn l-atti kriminali.  Ilkoll kemm aħna hemm bżonn li nimpenjaw irwieħena sabiex kull persuna umana, speċjalment it-tfal, tkun dejjem imħarsa u protetta.

Insellem minn qalbi lill-pellegrini li hawn preżenti llum, tassew wisq biex insemmi kull grupp!   Nittama li almenu l-Coro San Biagio ikantalna ftit.  Insellem lil dawk ġejjin minn Amsterdam, Zagreb, Litija (fis-Slovenja), Madrid, u Lugo (li jinsab ukoll fi Spanja).  Nilqa’ bil-qalb ħafna Taljani: il-parroċċi, l-għaqdiet u l-iskejjel.  Ħsieb partikulari jmur għaż-żgħażagħ li rċevew jew li se jirċievu l-griżma.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb. Nitlobkom ma tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u nsellmilkom.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Fr Jonathan Farrugia