Għeżież ħuti,

Insellmikom ilkoll minn qalbi, lilkom li tiffurmaw il-Familja Dinjija ta’ Radju Marija.  Irrodd ħajr lill-President Emanuele Ferrario għall-kliem ta’ kortesija u nirringrazzja lilkom diriġenti tad-diversi stazzjonijiet attivi f’madwar sebgħin pajjiż fil-ħames kontinenti. 

 

Il-preżenza tagħkom hawn, idealment tirrappreżenta l-qlub tas-semmiegħa tagħkom, li f’għadd dejjem jikber, japprezzaw u jsegwu l-programmi ta’ Radju Marija u jissappportjawh bil-volontarjat u l-offerti li jagħmlu. 

 

Sa minn mindu beda, Radju Marija kellu l-għan li jgħin lill-Knisja fil-ħidma tal-evanġeliżżazzjoni u jagħmel dan bil-mod partikolari tiegħu, jiġifieri billi jkun qrib tal-preokkupazzjonijiet u d-drammi tan-nies bi kliem ta’ faraġ u ta’ tama, frott il-fidi u l-impenn bis-solidarjetà. 

 

Għan ċar u nobbli li tirsistu għalih bid-detereminazzjoni u konsistenza li bihom irnexxilkom tiġbdu lejkom b’rata mhux komuni, l-attenzjoni u l-għadd tas-semmiegħa.  Intom u twettqu dan l-għan intlaqtu f’idejn il-Providenza li qatt ma ħalietkom nieqsa mill-meżżi meħtieġa għat-tmexxija ta’ kuljum; biex timmoderniżżaw it-teknoloġija ħalli jkollkom strumenti tal-aħjar kwalità, u biex tiżviluppaw ir-radju, l-ewwel fl-Italja  u mbagħad f’tant pajjiżi madwar id-dinja.  Dan it-tkabbir sar b’tifrix u ħeffa sorprendenti. 

 

F’dar-rigward l-isfida li għandkom hi li żżommu s-sobrijetà filwaqt li tfittxu l-istrumenti addattati biex tkomplu taħdmu.  It-tixrid ta’ Radju Marija f’tant ambjenti differenti bejniethom fil-kultura, lingwa u tradizzjonijiet, hi aħbar tajba għal kulħadd għax turi li meta jkollna l-kuraġġ li nipproponu ħwejjeġ importanti, ibda mill-fatt li aħna Nsara, l-inizjattiva tkun milqugħa tajjeb u tmur ‘l hinn minn dak li nkunu pprevedejna aħna, kultant anki ma’ min ikun qed jiltaqa’ għall-ewwel darba mal-messaġġ evanġeliku.  Però dan m’għandux jiskantana, għax Marija, Omm Alla u Ommna, li r-radju li jġib isimha u jinsab taħt il-protezzjoni tagħha, b’hekk jagħraf isib il-mod kif, ibda mill-oriġini umli tiegħu, iwettaq opri kbar. 

 

Għalhekk nistedinkom tipperseveraw fl-impenn tagħkom, li sar verament missjoni, bil-fedeltà lejn il-Vanġelu u lejn il-Maġisteru tal-Knisja u billi jkollkom widnejkom miftuħin għas-soċjetà u għall-persuni, speċjalment l-aktar foqra u mwarrbin, sabiex għas-semmiegħa kollha tagħkom intom tkunu punt ta’ riferiment u sapport.  Infatti intom u xxerrdu l-Evanġelju u d-devozzjoni lejn Marija Omma Ġesù, intom u tmexxu ‘l quddiem l-imħabba lejn il-Knisja u għat-talb, intom toffru “stazzjon” validu biex jinstemgħu riflessjonijiet sbieħ, biex in-nies jitgħallmu jitolbu, biex tapprofondixxu l-kontenuti tal-fidi li jedifikaw u jwessgħu l-ixqfa. 

 

B’hekk ir-Radju tagħkom isir mezz li ma jwassalx biss sensela ta’ aħbarijiet, ideat, mużika, mingħajr rabta bejniethom u li jfittex biss li jaljena u forsi jiddeverti lil dak li jkun, imma jsir mezz tal-prim ordni biex iwassal it-tama, dik it-tama vera li titnissel mis-salvazzjonni li ġabilna Ġesù Kristu u joffri kumpanija lil tant persuni li għandhom bżonnha. 

 

Illum iltqajtu f’Ruma minn kull rokna tad-dinja biex tirriflettu fuq dak li jista’ jissejjaħ “il-Kariżma ta’ Radju Marija”.  Dan ifisser li ta’ kuljum, dan ir-radju li jgħix bis-saħħa tal-kontribut ta’ eluf ta’ volontarji billi joffri servizz apprezzat mill-Knisja lokali u importanti wkoll għall-komunità ċivili, jisimgħuh aktar minn 30 miljun ruħ. 

 

Kull min jisma’ l-programmi tagħkom jagħraf fikom radju li jagħti ħafna spazju lit-talb, xhieda li meta ninfetħu għat-talb, jiftħilna l-bieb, anzi jiftaħulna beraħ, anki l-Mulej.  Biex tagħmlu dan għandkom bħala mudell lill-Madonna.  Imma jeħtieġ ukoll li lill-Madonna tħobbuha minn qalbkom biex tkunu tistgħu tgħixu u tħossu flimkien mal-Knisja.  Għaldaqstant ninkoraġġikom biex tikkultivaw bla waqfien “il-ġnien ta’ ġewwa fikom” bit-talb, bis-smigħ tal-Kelma t’Alla u bil-qari li jgħinkom issaħħu l-fidi tagħkom; fi kliem ieħor, tagħmlu intkom stess dak li intom tissuġġerixxu lill-oħrajn bil-programmi tagħkom. 

 

Barra minn hekk żommu dejjem quddiem għajnejkom li intom qed tagħtu xi ħaġa kbira u unika: it-tama Nisranija li hi ħaġa ferm aktar minn sempliċi faraġ spiritwali, għax għeruqha jinsabu fil-qawwa tal-Qawmien li x-xhieda tagħha huma l-fidi u l-opri tal-karità. 

 

Inqegħedu għalhekk taħt il-mant protettiv ta’ Marija, ir-radju tagħkom, il-persuni u l-familji ta’ dawk li jaħdmu fih, il-proġetti tagħkom għall-futur u lis-semmiegħa kollha.  Inbierek lilkom ilkoll u x-xogħol tagħkom.  U jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija. 

 

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber.