O Marija, Omm tagħna, fil-festa tal-lum il-poplu ta’ Alla jqimek bħala l-Immakulata, ippreservata mit-taħsir tad-dnub.  Ilqa’ dan l-att ta’ qima li qed noffrilek f’isem il-Knisja li tinsab f’Ruma u fid-dinja kollha.

 

Hu ta’ faraġ kbir għalina meta nafu li Int, l-Omm tagħna, int għal kollox ħielsa mid-dnub.  Li nafu li fuqek il-ħażen m’għandux setgħa jimliena bit-tama u l-qawwa fit-taqtigħa ta’ kuljum li rridu nagħmlu kontra t-theddid tal-ħażin.

 

Imma f’din it-taqtigħa m’aħniex waħidna, m’aħniex iltiema, għax Ġesù, qabel ma ta ħajtu fuq is-Salib, tana lileK bħala Omm tagħna.  Għalhekk aħna, għalkemm midinba, aħna wliedek, ulied l-Immakulata, imsejħa għal dik il-qdusija li fiK bil-grazzja ta’ Alla tilma sa mill-bidu.

 

Misjuqa minn din it-tama, il-lum aħna nsejħu l-ħarsien tiegħek ta’ Omm fuqna, fuq il-familji tagħna, fuq din il-Belt, fuq id-dinja kollha.  Bl-interċessjoni tiegħek, il-qawwa ta’ l-imħabba ta’ Alla, li ħarsek minn kull tebgħa tad-dnub tan-nisel, ħa teħles lill-bnedmin kollha minn kull jasar spiritwali u materjali, u tagħmel li fi qlubna u fil-ġrajjiet tagħna jirbaħ il-pjan tal-fidwa ta’ Alla.

 

Agħmel li fina, uliedek, il-grazzja tegħleb il-kburija, biex nistgħu nkunu ħanina kif ħanin hu Missierna tas-Sema.  F’dan iż-żmien li jwassalna għall-festa tat-Twelid ta’ Ġesù, għallimna nimxu kontra l-kurrent: nitneżżgħu, nitbaxxew, ningħataw, nisimgħu, nisktu, noħorġu minna nfusna, biex nagħmlu wisa’ għall-ġmiel ta’ Alla, għajn ta’ kull ferħ tassew.

 

Ja Omm tagħna Immakulata, itlob għalina!

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard