Ja Omm Immakulata,

għall-ħames darba ġejt hawn f’riġlejk bħala Isqof ta’ Ruma

biex nagħtik qima f’isem dawk kollha li jgħixu f’din il-belt.

Irridu rroddulek ħajr għall-għożża kontinwa

li biha int issieħeb il-mixja tagħna,

il-mixja tal-familji, tal-parroċċi, tal-komunitajiet reliġjużi;

il-mixja ta’ dawk li ta’ kuljum, xi drabi bi tbatija,

jaqsmu Ruma biex imorru għax-xogħol;

tal-morda, tal-anzjani, tal-foqra kollha,

ta’ tant persuni li vvjaġġaw għal hawn minn artijiet ta’ gwerra u ġuħ.

Grazzi għax, malli rressqu għandek xi ħsieb,

ħarsa jew Sliema ta’ malajr,

dejjem inħossu l-preżenza tiegħek ta’ omm, kollha ħlewwa u qawwa.

 

Ja Omm tagħna, għin lil din il-belt trabbi “ġilda xierfa”

kontra ċertu mard ta’ żminijietna:

l-indifferenza, li tgħid: “Ma jimpurtanix”;

il-maledukazzjoni ċivika li żżeblaħ il-ġid komuni;

il-biża’ minn dak li hu differenti jew mill-barrani;

il-konformiżmu moħbi taħt it-trasgressjoni;

l-ipokrezija li tixli lill-oħrajn, waqt li hi tagħmel l-istess;

ir-rassenjazzjoni għall-qerda ambjentali u etika;

l-abbuż ta’ tant irġiel u nisa.

Għinna nitbiegħdu minn dawn u mardiet oħra

bl-antikorpi li jagħtina l-Vanġelu.

Agħmel li nrawmu fina d-drawwa tajba

li naqraw ta’ kuljum silta mill-Vanġelu

u, fuq l-eżempju tiegħek, inħarsu f’qalbna l-Kelma,

biex, bħal żerriegħa tajba, iġġib il-frott fil-ħajja tagħna.

 

 

 

 

Verġni Immakulata,

175 sena ilu, mhux bogħod minn hawn,

fil-knisja ta’ Sant’Andrija delle Fratte,

int missejt il-qalb ta’ Alfonsu Ratisbonne, li f’dak il-waqt

minn ateu u għadu tal-Knisja sar Nisrani.

Int urejt ruħek lilu bħala Omm ta’ grazzja u ta’ ħniena.

Agħti lilna wkoll, speċjalment fil-prova u fit-tiġrib,

li nsammru ħarsitna fuq dirgħajk miftuħa,

li jħallu jiżżerżqu lejn l-art il-grazzji tal-Mulej,

u li ninżgħu kull arroganza mkabbra biha nfisha,

biex nagħrfu dak li tassew aħna:

midinba ċkejkna u foqra, imma uliedek dejjem.

U hekk inqiegħdu jdejna f’tiegħek

biex inħalluk treġġagħna għand Ġesù, ħuna u Feddej tagħna,

u għand Missierna tas-Sema, li ma jegħja qatt jistenniena

u jaħfrilna meta nerġgħu lura għandu.

 

Grazzi, Omm tagħna, għax int dejjem tismagħna!

Bierek il-Knisja li tinsab f’Ruma,

bierek lil din il-Belt u lid-dinja kollha.

Amen.

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard