Verġni Marija,

f’dan il-jum ta’ festa f’ġieħ l-Immakulata Kunċizzjoni tiegħek,

ġejt noffrilek l-omaġġ ta’ fidi u mħabba

tal-poplu qaddis ta’ Alla li jgħix f’din il-Belt u f’din id-Djoċesi.

Ġejt f’isem il-familji, bil-ferħ u n-niket tagħhom;

f’isem it-tfal u ż-żgħażagħ, miftuħin għall-ħajja;

f’isem l-anzjani, mgħobbija bis-snin u bl-esperjenza;

b’mod partikulari ġejt għandek

f’isem il-morda, il-ħabsin,

u min l-iżjed li qed iħoss iebsa l-mixja.

Bħala Ragħaj ġejt anki f’isem dawk

li waslu hawn minn artijiet imbiegħda jfittxu l-paċi u x-xogħol.

 

Taħt il-mant tiegħek hemm post għal kulħadd,

għax int l-Omm tal-Ħniena.

Qalbek mimlija bil-ħlewwa lejn uliedek kollha:

il-ħlewwa ta’ Alla, li minnek ħa l-ġisem

u sar ħuna, Ġesù,

Feddej ta’ kull raġel u ta’ kull mara.

Meta nħarsu lejk, Omm Immakulata tagħna,

nagħrfu r-rebħa tal-Ħniena divina

fuq id-dnub u fuq il-konsegwenzi kollha tiegħu;

u terġa’ tixgħel f’qalbna t-tama f’ħajja aħjar,

ħielsa mill-jasar, mill-korla u mill-biża’.

 

Il-lum, hawn, fil-qalba ta’ Ruma, inħossu l-leħen tiegħek ta’ omm

isejħilna lkoll biex nibdew mexjin

lejn dak il-Bieb, li jirrappreżenta lil Kristu.

Int qed tgħid lil kulħadd: “Ejjew, ersqu kollkom fiduċja;

idħlu u ilqgħu d-don tal-Ħniena;

la tibżgħux, la tistħux:

il-Missier qed jistenniekom b’dirgħajh miftuħa

biex jagħtikom il-maħfra tiegħu u jilqagħkom fid-dar tiegħu.

Ejjew ilkoll ixorbu mill-għajn tal-paċi u ta’ l-hena”.

 

Irroddulek ħajr, Omm tagħna Immakulata,

għax f’din il-mixja ta’ rikonċiljazzjoni

int ma tħalliniex interrqu waħidna, imma sseħibna,

tinsab qrib tagħna u tweżinna f’kull diffikultà.

Imbierka inti, Omm tagħna, issa u dejjem.  Amen.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard