Għeżież ħuti, nieħu gost illum infakkar, qabelxejn, fil-kliem li skond tradizzjoni antika, lissen San Franġisk propju hawnhekk, quddiem il-poplu kollu u l-isqfijiet: “Irrid nibgħatkom kollha l-Ġenna!”. X’seta’ jitlob isbaħ il-Fqajjar ta’ Assisi, jekk mhux id-don tas-salvazzjoni, tal-ħajja ta’ dejjem ma’ Alla u tal-ferħ bla tmiem, li Ġesù kisbilna bil-mewt u l-qawmien tiegħu?

 

Wara kollox, x’inhi l-Ġenna jekk mhux il-misteru ta’ mħabba li jorbotna għal dejjem ma’ Alla biex nikkontemplawh għall-eternità? Il-Knisja sa minn dejjem tistqarr dan it-twemmin meta tgħid li temmen fix-xirka tal-qaddisin. Fil-ħajja tal-fidi m’aħna qatt waħidna; jagħmlulna kumpanija l-qaddisin u l-beati, anki l-għeżież tagħna li għexu l-fidi b’sempliċità u ferħ u taw xhieda tagħha f’ħajjithom. Hemm rabta li ma tidhirx, imma mhux b’inqas reali, li tagħmilna “ġisem wieħed”, grazzi għall-Magħmudija waħda li rċivejna, mogħtija l-ħajja minn “Spirtu wieħed” (ara Efes 4:4). Forsi San Franġisk, meta talab lill-Papa Onorju III ir-rigal tal-indulġenza għal dawk kollha li jżuru l-Porzjunkola, kellu f’moħħu dak il-kliem ta’ Ġesù lid-dixxipli tiegħu: “Fid-dar ta’ Missieri hemm ħafna postijiet; li ma kienx hekk, kont ngħidilkom. Sejjer inħejjilkom fejn toqogħdu. U meta mmur u nħejjilkom post, nerġa’ niġi biex neħodkom miegħi biex, fejn inkun jien, tkunu intom ukoll” (Ġw 14:2-3).

 

Dik tal-maħfra hi bla dubju ta’ xejn it-triq għalliema li rridu nimxu fiha biex naslu f’dak il-post fil-Ġenna. Diffiċli taħfer! Kemm jiswielna li naħfru lill-oħrajn! Naħsbu ftit. U hawn fil-Porzjunkola kollox jitkellem dwar maħfra! X’rigal kbir għamlilna l-Mulej meta għallimna naħfru – jew, tal-inqas, li jkollna r-rieda li naħfru – biex immissu b’idejna l-ħniena tal-Missier! Smajnieha l-parabbola li biha Ġesù jgħallimna naħfru (ara Mt 18:21-35). Għaliex għandna naħfru lil persuna li għamlitilna d-deni? Għax konna aħna l-ewwel li ġejna maħfura, u bil-wisq aktar. M’hawn ħadd fostna, hawn, li ma ġiex maħfur. Kull wieħed u waħda ħa jaħseb… naħsbu fis-skiet fl-affarijiet koroh li għamilna u kif il-Mulej ħafrilna. Il-parabbola tgħidilna propju dan: kif Alla jaħfer lilna, hekk aħna wkoll jeħtieġ naħfru lil min jagħmlilna d-deni. Din hi t-tmellisa tal-maħfra. Il-qalb li taħfer. Il-qalb li taħfer, tkun qed tagħti tmellisa. Kemm aħna mbegħdin minn dak il-ġest: “Issa tpattiha!”. Il-maħfra hi ħaġa oħra. Preċiżament bħal fit-talba li Ġesù għallimna, il-Missierna, meta ngħidu: “Aħfrilna dnubietna bħalma aħna naħfru lil min hu ħati għalina” (Mt 6:12). Dawn huma dnubietna quddiem Alla, u min hu ħati għalina hu dak li lilu anki aħna rridu naħfru.

 

Kull wieħed u waħda minna jista’ jkun dak il-qaddej tal-parabbola li jkollu dejn kbir x’jifdi, imma hekk kbir li qatt ma jista’ jasal. Anki aħna, meta fil-konfessjonarju ninżlu għarkupptejna quddiem is-saċerdot, ma nkunu nagħmlu xejn għajr intennu l-istess ġest tal-qaddej. Ngħidulu: “Mulej, stabar ftit bija”. Qatt ħsibtu fil-paċenzja li għandu Alla? Jistabar tant. Fil-fatt, aħna nafu sewwa li aħna mimlijin difetti u spiss nerġgħu naqgħu fl-istess dnubiet. Madankollu, Alla ma jegħjiex joffrilna dejjem il-maħfra tiegħu kull darba li nitolbuhielu. Hi maħfra sħiħa, totali, li biha jagħtina ċ-ċertezza li, minkejja li nafu nerġgħu naqgħu fl-istess dnubiet, hu jħenn għalina u ma jieqaf qatt iħobbna. Bħas-sid tal-parabbola, Alla tiġih ħasra minna, jiġifieri jġarrab sentiment ta’ mogħdrija mxierka mal-ħlewwa: hi espressjoni biex turi l-ħniena tiegħu fil-konfront tagħna. Fil-fatt, Missierna dejjem tiġih ħniena minna meta aħna nindmu, u jibgħatna lura d-dar b’qalbna fil-paċi u serena waqt li jgħidilna li ħafrilna kollox. Il-maħfra ta’ Alla ma tafx b’limiti; tmur lil hemm minn kull immaġinazzjoni tagħna u tilħaq lil kull min, fil-ġewwieni tal-qalb tiegħu, jagħraf li żbalja u jixtieq jerġa’ lura għandu. Alla jħares lejn il-qalb li qed titlob il-maħfra.

 

Imma l-problema tinħoloq meta aħna niġu biex inħabbtu wiċċna ma’ ħuna li għamlilna xi tort żgħir. Ir-reazzjoni li smajna fil-parabbola hi espressiva ħafna: “Qabdu minn għonqu u beda jagħfsu. ‘Ħallas dejnek,’ qallu” (Mt 18:28). F’din ix-xena nsibu d-drama kollha tar-relazzjonijiet tagħna ta’ bnedmin li aħna. Meta nkunu aħna fid-dejn ma’ ħaddieħor, nippretendu l-ħniena; imma meta nkunu minn fuq, infittxu l-ġustizzja! U kollha nagħmlu hekk, kollha. Din mhix ir-reazzjoni tad-dixxiplu ta’ Kristu u ma jistax ikun dan l-istil ta’ ħajja tal-Insara. Ġesù jgħallimna naħfru, u naħfru bla limiti: “Ma ngħidlix sa seba’ darbiet, imma sa sebgħa u sebgħin darba” (v. 22). Insomma, dak li jipproponilna hu l-imħabba tal-Missier, mhux il-pretensjoni tagħna ta’ ġustizzja. Fil-fatt, jekk nieqfu ma’ din, dan ma jagħmilniex nintgħarfu li aħna dixxipli ta’ Kristu, li qalgħu il-ħniena f’riġlejn is-Salib grazzi biss għall-imħabba tal-Iben ta’ Alla. Mela ħalli ma ninsewx il-kliem iebes li bih tagħlaq il-parabbola: “Hekk jagħmel lilkom Missieri li hu fis-Smewwiet jekk ma taħfrux lil xulxin minn qalbkom” (v. 35).

 

Għeżież ħuti, il-maħfra li tagħha San Franġisk sar “kanal” hawn fil-Porzjunkola tissokta “tiġġenera l-Ġenna” anki wara tmien sekli. F’din is-Sena Mqaddsa tal-Ħniena jidher iktar ċar kif it-triq tal-maħfra tista’ tabilħaqq iġġedded lill-Knisja u lid-dinja. Li noffru x-xhieda tal-ħniena fid-dinja tal-lum hi missjoni li ħadd minna ma jista’ jaħrab minnha. Intenni: li nagħtu xhieda tal-ħniena fid-dinja tal-lum hi missjoni li ħadd minna ma jista’ jaħrab. Id-dinja għandha bżonn tal-maħfra; ħafna persuni qed jgħixu magħluqa fir-rabja u jbejtu fihom il-mibegħda, għax mhumiex kapaċi jaħfru, u hekk jgħarrqu ħajjithom u dik ta’ oħrajn flok isibu l-ferħ tas-serenità u tal-paċi. Nitolbu lil San Franġisk jidħol għalina, biex qatt ma nibqgħu lura milli nkunu sinjali tal-maħfra u għodda tal-ħniena.

 

Nistgħu nitolbu fuq dan. Kull wieħed kif iħoss hu. Nistieden lill-Patrijiet, l-Isqfijiet biex jidħlu fil-konfessjonarji – anki jien ħa mmur – biex ikunu għad-dispożizzjoni tal-maħfra. Jagħmlilna tajjeb nirċevuha llum, hawn, flimkien. Jalla l-Mulej jagħtina l-grazzja li nlissnu dik il-kelma li l-Missier ma jħalliniex nispiċċaw, dik li stqarr l-iben il-ħali: “Missier, dnibt kontra…”, u [il-Missier] saddlu ħalqu, għax għannqu miegħu. Aħna nibdew nitkellmu, u hu jsoddilna ħalqna u jlibbisna mill-ġdid… “Imma, Dun, wisq nibża’ li għada nerġa’ nagħmel l-istess…”. Erġa’ ejja! Il-Missier dejjem hemm għassa tat-triq, iħares attent, jistenna li l-iben il-ħali jerġa’ lura; u aħna lkoll aħna wlied ħalja. Jalla l-Mulej jagħtina din il-grazzja.

 

* * *

 

Tislima finali quddiem il-Bażilika ta’ Santa Marija tal-Anġli

 

Grazzi ħafna tal-akkoljenza tagħkom, u nitlob lill-Mulej iberikkom. Nirringrazzjakom ta’ din ix-xewqa tagħkom li tkunu qrib tiegħi. U tinsewx lanqas: aħfru dejjem. Dejjem! Aħfru mill-qalb u, jekk hu possibbli, ersqu qrib tal-persuna l-oħra, imma aħfru. Għax jekk aħna naħfru, il-Mulej jaħfrilna; u kollha għandna bżonn tal-maħfra… Hawn xi ħadd hawn mhux bżonn il-maħfra?… Jgħolli idu!… Kollha għandna bżonnha.

 

Issa ejja nitolbu flimkien lill-Madonna u mbagħad nagħtikom il-barka tiegħi.

 

Sliema

 

[Barka]

 

U jekk jogħġobkom, itolbu għalija! Narakom!

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard