Għeżież voluntiera,

 

Qabel nirritorna Ruma, xtaqt niltaqa’ magħkom u, fuq kollox, nirringrazzja lil kull wieħed u waħda minnkom tal-impenn, il-ġenerożità u d-dedikazzjoni li bihom seħibtu, għentu u qdejtu lill-eluf ta’ pellegrini żgħażagħ. Grazzi wkoll tax-xhieda tal-fidi tagħkom li, imxierka ma’ dik ta’ tant u tant żgħażagħ ġejjin minn kull rokna tad-dinja, hi sinjal kbir ta’ tama għall-Knisja u għad-dinja. Fl-għotja ta’ mħabbitkom lil Kristu, intom doqtu kemm hu sabiħ li tħabrek għal kawża tajba. U għalhekk jiena ktibt dan id-diskors… Ma nafx hux sabiħ jew ikrah… Ħames paġni… Hu ftit tad-dwejjaq!… Ħa ngħaddih [jgħaddih lill-Isqof inkarigat mill-JDŻ].

 

Qaluli li nista’ nitkellem b’liema lingwa rrid, għax kollha għandkom it-traduzzjoni… Iva? Iva? Nitkellem bl-Ispanjol? [Iva!]

 

Il-preparazzjoni għall-Jum Dinji taż-Żgħażagħ hi kollha kemm hi avventura. Tfisser li titlaq għal avventura u… tasal: tasal, taqdi, taħdem, tagħmel u mbagħad issellmu lil xulxin. Qabelxejn, l-avventura, il-ġenerożità. Nixtieq nirringrazzjakom ilkoll, voluntiera, benefatturi, għal dak kollu li għamiltu. Nixtieq nirringrazzjakom tas-sigħat ta’ talb li qattajtu. Għax jien naf li dan il-Jum seta’ jseħħ grazzi għal ħafna ħidma, imma anki għal ħafna talb. Grazzi għall-voluntiera li ddedikaw il-ħin għat-talb biex stajna norganizzawh.

 

Grazzi lis-saċerdoti, is-saċerdoti li ġew magħkom. Grazzi lir-reliġjużi li kienu magħkom, lill-ikkonsagrati. U grazzi lilkom, li meddejtu għonqkom għal din l-avventura, bit-tama li jirnexxielkom u taslu sal-aħħar.

 

Fil-preżentazzjoni tiegħu l-Isqof għamlilkom – ma nafx intomx ħa tifhmuha din il-kelma – “un piropo” [kumpliment adulatorju]. Fhimtu? Għamlilkom kumpliment: “Intom it-tama tal-futur”. U hekk hu. Imma b’żewġ kundizzjonijiet. Tridu tkunu t-tama għall-futur jew le? [Iva!] Żgur? [Iva!] Allura fuq żewġ kundizzjonijiet!… Le, m’hemmx bżonn tħallsu biljett biex tidħlu, le, le. L-ewwel kundizzjoni hi li jkollkom memorja. Nistaqsi lili nnifsi mnejn ġej: memorja tal-poplu tiegħi, memorja tal-familja tiegħi, memorja tal-istorja kollha tiegħi. Ix-xhieda tat-tieni voluntiera kienet mimlija memorja, mimlija memorja! Memorja ta’ mixja mterrqa, memorja ta’ dak li rċivejt mill-adulti. Żagħżugħ bla memorja ma jistax isir tama għall-ġejjieni! Ċara? [Iva!]

 

“Dun, u kif nagħmel biex ikolli memorja?”. Tkellem mal-ġenituri tiegħek, tkellem mal-kbar. Fuq kollox tkellem man-nanniet. Ċara? Hekk li, jekk intom tridu ssiru tama għall-futur, tridu tirċievu l-musbieħ mingħand in-nannu u n-nanna.

 

Tagħtuni kelma li biex tħejju għall-Panama se titkellmu iżjed man-nanniet? [Iva!] U jekk in-nanniet ġa marru l-Ġenna, tkellmu mal-anzjani [Iva!] U se tistaqsuhom? Tistaqsuhom? [Iva!] Staqsuhom. Huma l-għerf ta’ poplu.

 

Mela, biex issiru tama, l-ewwel kundizzjoni hi li jkollkom memorja. “Intom it-tama tal-futur”, qalilkom l-Isqof.

 

It-tieni kundizzjoni. Jekk għall-futur jiena tama u tal-passat għandi memorja, jibqagħli l-preżent. X’għandi nagħmel fil-preżent? Ikolli kuraġġ. Ikollna kuraġġ! Inkun kuraġġjuż, kuraġġjuża, u ma nibżax. Smajnieha x-xhieda, it-tislima, ix-xhieda-tislima ta’ dan seħibna li ntrebaħ mill-kankru. Ried ikun hawn magħna imma ma wasalx, imma kellu l-kuraġġ: il-kuraġġ li jaffronta u l-kuraġġ li jibqa’ jissara anki qalb l-eqqel kundizzjonijiet. Dan iż-żagħżugħ illum mhuwiex hawn, imma dak iż-żagħżugħ żera’ tama għall-ġejjieni. Mela, għall-preżent: kuraġġ. Għall-preżent? [Kuraġġ!] Kunu qalbiena, kuraġġjużi. Qed niftiehem?

 

Mela, jekk ikollkom… X’kienet l-ewwel waħda? [Memorja!] …u jekk ikollkom… [iwieġbu: “Kuraġġ!”] … issiru t-tama… [tal-futur!] Kollox ċar? [Iva!] Tajjeb.

 

Jien ma nafx hux sa nkun hemm il-Panama, imma nista’ niżgurakom minn ħaġa: li Pietru ġej il-Panama. U Pietru se jistaqsikom jekk tkellimtux man-nanniet, jekk tkellimtux mal-anzjani biex tiksbu l-memorja; jekk kellkomx il-kuraġġ u l-gazz taffrontaw is-sitwazzjonijiet u żrajtux għall-futur. U lil Pietru tridu tagħtuh tweġiba. Ċara? [Iva!]

 

Il-Mulej iberikkom ħafna! Grazzi. Grazzi ta’ kollox!

 

U issa, ilkoll flimkien, kull wieħed u waħda fil-lingwa tiegħu, nitolbu lill-Verġni Mbierka.

 

Sliema…

 

U nitlobkom titolbu għalija. Tinsewx. U nagħtikom il-barka tiegħi.

 

[Barka]

 

Aħ, kont ħa ninsa… X’kienu?… [Memorja, kuraġġ, futur!]

 

***

 

Diskors imħejji mill-Qdusija Tiegħu:

 

Għeżież voluntiera,

 

Qabel nirritorna Ruma, xtaqt niltaqa’ magħkom u, fuq kollox, nirringrazzja lil kull wieħed u waħda minnkom tal-impenn, il-ġenerożità u d-dedikazzjoni li bihom seħibtu, għentu u qdejtu lill-eluf ta’ pellegrini żgħażagħ. Grazzi wkoll tax-xhieda tal-fidi tagħkom li, imxierka ma’ dik ta’ tant u tant żgħażagħ ġejjin minn kull rokna tad-dinja, hi sinjal kbir ta’ tama għall-Knisja u għad-dinja. Fl-għotja ta’ mħabbitkom lil Kristu, intom doqtu kemm hu sabiħ li tħabrek għal kawża tajba, u kemm tħossok mimli meta, flimkien ma’ tant ħbieb, tagħmel mixja li, anki jekk tegħjik, tpatti għal din l-għeja bil-ferħ u għad-dedikazzjoni b’għana ġdid ta’ għarfien u ta’ ftuħ il-qalb għal Ġesù, għall-proxxmu, għal għażliet importanti fil-ħajja.

 

Biex nesprimi l-gratitudni tiegħi nixtieq naqsam magħkom don li qed toffrilna l-Verġni Marija, li llum ġiet iżżurna fix-xbieha mirakuluża ta’ Kalwaria Zebrzydowska, hekk għażiża għal qalb San Ġwanni Pawlu II. Fil-fatt, propju fil-misteru evanġeliku tal-Viżitazzjoni (ara Lq 1:39-45) nistgħu nsibu ikona tal-volontarjat Nisrani. Minn hawn naqbad tliet atteġġjamenti ta’ Marija u nħallihomlkom, biex jgħinukom taqraw l-esperjenza ta’ dawn il-jiem u tibqgħu tterrqu ’l quddiem fil-mixja tal-qadi. Dawn l-atteġġjamenti huma s-smigħ, id-deċiżjoni u l-azzjoni.

 

L-ewwel: is-smigħ. Marija telqet fi vjaġġ minn kelma tal-anġlu: “Il-qariba tiegħek Eliżabetta, fi xjuħitha, hi wkoll nisslet iben fil-ġuf…” (Lq 1:36). Marija taf tisma’ lil Alla: din mhix sempliċi kwistjoni ta’ smigħ bil-widnejn, imma ta’ smigħ tal-qalb, magħmul minn attenzjoni, minn akkoljenza, minn disponibbiltà. U aħsbu ftit kemm drabi aħna nersqu quddiem il-Mulej jew quddiem l-oħrajn moħħna band’oħra, u mhux veru nkunu nisimgħu. Marija tisma’ wkoll il-fatti, il-ġrajjiet tal-ħajja, hi attenta għar-realtà konkreta u ma tiqafx mal-qoxra, imma tfittex li tifhem is-sens veru. Marija saret taf li Eliżabetta, issa mdaħħla fiż-żmien, kienet qed tistenna iben; u hemm hi tilmaħ l-id ta’ Alla, is-sinjal tal-ħniena tiegħu. Dan iseħħ f’ħajjitna wkoll: il-Mulej jinsab wara l-bieb u qed iħabbtilna b’ħafna modi, iqiegħed sinjali fit-triq tagħna u jsejħilna naqrawhom fid-dawl tal-Vanġelu.

 

It-tieni atteġġjament ta’ Marija hu d-deċiżjoni. Marija tisma’, tirrifletti, imma taf ukoll tmidd il-pass ’il quddiem: tiddeċiedi. Hekk kien fl-għażla fundamentali ta’ ħajjitha: “Ara, jiena l-qaddejja tal-Mulej: ħa jsir minni skond kelmtek” (Lq 1:38). Hekk kien ukoll fit-tieġ ta’ Kana, meta Marija ntebħet x’kienet il-problema u ddeċidiet li ddur fuq Ġesù biex jindaħal hu: “M’għandhomx inbid” (Ġw 2:3). Fil-ħajja spiss insibuha bi tqila nieħdu ċerti deċiżjonijiet, u għalhekk tendenzjalment nippruvaw inħalluhom għal iktar tard, forsi nħallu lil oħrajn jiddeċiedu għalina; jew nippreferu nħallu l-ġrajjiet ikaxkruna magħhom huma, nimxu mat-“tendenza” tal-mument; xi drabi nifhmu x’għandna nagħmlu, imma m’għandniex il-kuraġġ nagħmluh, għax tidhrilna ħaġa wisq iebsa mmorru kontra l-kurrent… Marija ma tibżax tmur kontra l-kurrent: b’qalbha qawwija fis-smigħ, tiddeċiedi, tidħol għar-riskji kollha, imma mhux waħidha, flimkien ma’ Alla!

 

U fl-aħħar l-azzjoni. Marija rħitilha għall-vjaġġ u “qamet u marret tħaffef…” (Lq 1:39). Minkejja d-diffikultajiet u l-kritika li żgur qalgħet, ma toqgħodx titlajja, ma taħsibhiex darbtejn, imma tqum, u tmur “tħaffef”, għax fiha hemm il-qawwa tal-Kelma ta’ Alla. U l-azzjoni tagħha hi mimlija karità, imfawra bl-imħabba: din hi l-marka ta’ id Alla. Marija tmur għand Eliżabetta mhux biex tismagħha tgħidilha kemm hi brava, imma biex tgħinha, biex ixxammar il-kmiem, biex taqdi. U meta toħroġ minn darha, minnha nfisha, għall-imħabba, hi tieħu magħha dak li hu l-iżjed prezzjuż għaliha: lil Ġesù, l-Iben ta’ Alla, il-Mulej. Eliżabetta dlonk tilqagħha: “Minn fejn ġieni dan li Omm Sidi tiġi għandi?” (Lq 1:43); l-Ispirtu s-Santu jqanqal fiha diwi ta’ fidi u ta’ ferħ: Għax ara, malli smajt f’widnejja leħen it-tislima tiegħek, it-tarbija li għandi fil-ġuf qabżet bil-ferħ (Lq 1:44).

 

Anki fil-volontarjat kull servizz hu importanti, anki dak l-iżjed sempliċi. U s-sens aħħari tiegħu hu l-ftuħ għall-preżenza ta’ Ġesù; hi l-esperjenza tal-imħabba li tiġi mill-għoli li tqanqalna biex nimxu u timliena bil-ferħ. Il-voluntier tal-Jum Dinji taż-Żgħażagħ mhux biss “operatur”, imma dejjem hu evanġelizzatur, għax il-Knisja teżisti u taħdem biex tevanġelizza.

 

Meta kienet temmet il-qadi tagħha għand Eliżabetta, Marija reġgħet lura f’darha, f’Nazareth. Bi ħlewwa u sempliċità, kif ġiet marret. Anki intom, għeżież, m’intomx sa taraw il-frott kollu tal-ħidma li għamiltu hawn fi Krakovja, jew matul il-“ġemellaġġi”. Se jiskopruhom f’ħajjithom u jifirħu ħutkom li intom qdejtu. Din hi l-imħabba mogħtija b’xejn! Imma Alla jaf kemm ħdimtu b’dedikazzjoni, x’impenn ħadtu u kemm kontu ġenerużi. Ibqgħu żguri li hu mhux sa jonqos milli jħallaskom lura ta’ dak kollu li għamiltu għal din il-Knisja taż-żgħażagħ, li nġemgħet f’dawn il-jiem fi Krakovja flimkien mas-Suċċessur ta’ Pietru. Nafdakom f’idejn Alla u l-Kelma tal-grazzja tiegħu (ara Atti 20:32); nafdakom fi ħdan Ommna, xempju tal-volontarjat Nisrani; u nitlobkom, jekk jogħġobkom, ma tinsewx titolbu għalija.

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti min Francesco Pio Attard