"Jien kont bil-ġuħ u tmajtuni, kont bil-għatx u sqejtuni, kont barrani u lqajtuni, kont għeri u libbistuni, kont marid u ġejtu tarawni, kont fil-ħabs u ġejtu żżuruni." (Mt 25:35-36)

Dawn il-kelmiet ta' Ġesù jiġu bħala tweġiba għall-mistoqsija li sikwit tirbombja f'moħħna u f'qalbna: "Fejn hu Alla?". Fejn hu Alla, jekk fid-dinja hawn il-ħażen, jekk hemm bnedmin imġewħa, għatxana, bla saqaf, maħruba, rifuġjati? Fejn hu Alla, meta persuni bla ħtija jmutu minħabba l-vjolenza, it-terrorismu, il-gwerer? Fejn hu Alla, meta mard bla ħniena jiksru r-rabtiet tal-ħajja u tal-imħabba? Jew meta t-tfal jiġu sfruttati, umiljati, u anke huma jbatu minħabba mard gravi? Fejn hu Alla, quddiem it-tħassib tad-dubjużi u dawk imnikkta fir-ruħ? Jeżistu mistoqsijiet li m'għandhomx tweġibiet umani. Nistgħu biss inħarsu lejn Ġesù, u nistaqsu lilu. U t-tweġiba ta' Ġesù hija din: "Alla huwa fihom", Ġesù jinsab fihom, ibati fihom, magħqud ħaġa waħda tassew ma' kull wieħed minnhom. Huwa hekk magħqud magħhom, tant li kważi jsiru "ġisem wieħed".

Huwa Ġesù stess li għażel li jidentifika lilu nnifsu ma' dawn ħutna imġarrba mit-tbatija u mill-inkwiet, billi aċċetta li jimxi t-triq ta' tbatija lejn il-kalvarju. Hu, waqt li miet fuq is-salib, ingħata f'idejn il-Missier u jġorr fuqu u fih, b'imħabba li tingħata, il-ġrieħi fiżiċi, morali u spiritwali tal-bnedmin kollha. Waqt li jgħannaq l-għuda tas-salib, Ġesù jgħannaq l-għera u l-ġuħ, l-għatx u s-solitudini, it-tbatija u l-mewt tal-irġiel u tan-nies ta' kull żmien. Illejla Ġesù, u aħna flimkien miegħu, jgħannaq b'imħabba speċjali lil ħutna sirjani, maħruba mill-gwerra. Insellmulhom u nilqgħuhom b'imħabba ta' aħwa u b'simpatija.

Waqt li għamilna l-Via Crucis ta' Ġesù, rajna l-importanza li nixbhu lilu, permezz tal-erbatax-il opra ta' ħniena. Dawn jgħinuna ninfetħu għall-ħniena ta' Alla, u nitolbu l-grazza li nifhmu li mingħajr ħniena ħadd ma jista' jagħmel xejn. Inħarsu qabel kollox lejn is-seba' opri tal-ħniena li jmissu l-ġisem: itma’ lil min hu bil-ġuħ, isqi lil min hu bil-għatx, libbes lil min hu għarwien, ilqa’ lil min hu bla dar, żur il-morda, żur il-ħabsin, idfen il-mejtin. B'xejn ħadna, b'xejn nagħtu. Aħan imsejħin naqdu lil Ġesù msallab f'kull persuna mwarrba, immissu l-laħam imbierek tiegħu f'kull min hu mħolli għall-ġenb, bil-ġuħ, bil-għatx, għarwien, fil-ħabs, marid, bla xogħol, ippersegwitat, maħrub, immigrant. Hemm insibu lil Alla, hemm immissu lill-Mulej. Qalulna Ġesù nnifsu, meta fisser b'liema "prokotoll" se nkunu ġġudikati: kull darba li għamilna dan mal-iżgħar fost ħutna, inkunu għamilnih miegħu (ara Mt 25:31-46).

Wara l-opri tal-ħniena li jmissu l-ġisem jiġu dawk li jmissu r-ruħ: agħti parir tajjeb lill-ħosbien, għallem lil min ma jafx, widdeb lill-midinbin, farraġ lill-imnikktin, aħfer il-ħtijiet, ħu sabar b’min idejqek, itlob 'l Alla għall-ħajjin u għall-mejtin. F'li nilqgħu lill-imwarrab li hu miġruħ fil-ġisem, u f'li nilqgħu lill-midneb li hu miġruħ fir-ruħ, tinsab il-kredibilita tagħna bħala nsara. F'li nilqgħu lill-imwarrab li hu miġruħ fil-ġisem, u f'li nilqgħu lill-midneb li hu miġruħ fir-ruħ, tinsab il-kredibilita tagħna bħala nsara. Mhux fl-ideat, hemm!

Illum l-umanita teħtieġ irġiel u nisa, u b'mod speċjali żgħażagħ bħalkom, li ma jridux jgħixu ħajjithom "nofs kedda", żgħażagħ lesti li jonfqu ħajjithom fil-qadi b'xejn lill-aħwa l-aktar fqar u l-aktar dgħajfa, bħal Kristu, li ta lilu nnifsu kollu kemm hu għas-salvazzjoni tagħna. Quddiem il-ħażen, it-tbatija, id-dnub, l-unika tweġiba possibbli għad-dixxiplu ta' Ġesù hija l-għotja tiegħu nnifsu, anke ta' ħajtu, bħal Kristu; hu l-atteġġjament tal-qadi. Jekk wieħed - li jgħid li hu nisrani - ma jgħix biex jaqdi, ma jiswiex li jgħix. B'ħajtu jiċħad lil Ġesù Kristu.

Illejla, għeżież żgħażagħ, il-Mulej iġedded l-istedina tiegħu biex issiru protagonisti fil-qadi; irid jagħmel minnkom tweġiba konkreta għall-ħtiġijiet u għat-tbatijiet tal-umanita; irid li ssiru sinjal tal-imħabba ħanina tiegħu għal żminijietna! Biex twettqu din il-missjoni, hu jurikom it-triq tal-impenn personali u tas-sagrifiċċju tagħkom infuskom: hija t-Triq tas-salib. It-Triq tas-salib hija t-triq tal-hena f'li timxi wara Kristu dejjem u sal-aħħar, f'ċirkustanzi sikwit drammatiċi tal-ħajja ta' kuljum; hija t-triq li ma tibżax mill-insuċċessi, mit-twarrib jew mis-solitudini, għaliex timla l-qalb tal-bniedem bil-milja ta' Ġesù. It-Triq tas-salib hija t-triq tal-ħajja u tal-istil ta' Alla, li Ġesù jmexxina fiha ukoll f'mogħdijiet ta' soċjeta xi kultant maqsuma, inġusta u korrotta.

It-Triq tas-salib mhijiex drawwa sadomażokistika; biss it-Triq tas-salib tegħleb id-dnub, il-ħażen u l-mewt, għaliex twassal għad-dawl jiddi tal-Qawmien mill-imwiet ta' Kristu u tiftaħ il-bibien għal ħajja ġdida u mimlija. Hija t-Triq tat-tama u tal-futur. Min jimxiha b'ġenerożita u bil-fidi, jagħti tama lill-futur u lill-umanita. Min jimxiha b'ġenerożita u bil-fidi jiżra' t-tama. U jien irrid li intom tiżirgħu t-tama.

Għeżież żgħażagħ, f'dik il-Ġimgħa l-Kbira ħafna dixxipli marru lura f'darhom imdejqin, oħrajn għażlu li jmorru lura fid-dar tal-kampanja biex jinsew għal ftit is-salib. Nistaqsikom - imma wieġbu kull wieħed fis-skiet, f'qalbkom -: kif tridu tmorru lura llejla f'darkom, fil-postijiet fejn qed toqgħodu, fit-tined tagħkom? Kif tridu tmorru lura llejla biex tiltaqgħu magħkom infuskom? Id-dinja qed tħares lejna. Jiddependi minn kull wieħed u waħda minnkom iwieġeb għall-isfida ta' din il-mistoqsija.

 

 

https://www.facebook.com/notes/jum-dinji-taż-żgħażagħ/