Għeżież żgħażagħ,

il-lejla t-tajba! Hu sabih li ninsab hawn magħkom f'din il-Velja ta' talb.

Fi tmiem it-testimonjanza kuraġġjuża u kommoventi tagħha, Rand talabna xi ħaġa. Qaltilna: "Nitlobkom sinċerament titolbu għall-pajjiż maħbub tiegħi". Storja mmarkata mill-gwerra, mit-tbatija, mit-telfa, li tispiċċa b'xewqa: dik tat-talb. X'hemm aħjar milli nibdew il-velja tagħna nitolbu?

Ġejjin minn bosta partijiet tad-dinja, minn kontinenti, pajjiżi, ilsna, kulturi, ġnus differenti. Aħna "wlied" pajjiżi li forsi qed jitlewmu f'kunflitti varji, jew saħansitra jinsabu fi gwerra. Oħrajn ġejjin minn pajjiżi li jistgħu joqgħodu fil-"paċi", li m'għandhomx ġlied tal-gwerra, fejn ħafna mill-ħwejjeġ ta' tbatija li jiġru fid-dinja huma biss biċċa mill-aħbarijiet u mill-gazzetti. Imma lkoll nagħrfu xi ħaġa: għalina, illum u hawn, li ġejjin minn diversi partijiet tad-dinja, it-tbatija, il-gwerra li jgħixu ħafna żgħażagħ, m'humiex aktar xi ħaġa anonima, għalina m'humiex aktar aħbar fuq il-gazzetti, għandhom isem, għandhom wiċċ, storja, qrubija. Illum il-gwerra fis-Sirja hija t-tbatija u l-hemm ta' ħafna nies, ta' ħafna żgħażagħ bħall-qalbiena Rand, li tinsab hawn fostna u qed titlobna nitolbu għall-pajjiż maħbub tagħha.

Hemm sitwazzjonijiet li jistgħu jidhru mbiegħda sakemm, b'xi mod, immissuhom. Hemm affarijiet li ma nifhumhomx għaliex narawhom biss mill-iskrin (tal-mobajl jew tal-kompjuter). Iżda meta nagħmlu kuntatt mal-ħajja, ma' dawk il-ħajjiet konkreti mhux aktar medjati mill-iskrinijiet, dak il-ħin tiġri fina xi ħaġa qawwija: ilkoll nisimgħu l-istedina li tmiss lilna: "Daqshekk bliet minsija", kif qalet Rand; m'għandu jiġri qatt aktar li wħud minn ħutna jkunu "mdawrin mill-mewt u mill-qtil" waqt li jisimgħu li ħadd m'hu ser jgħinhom. Għeżież ħbieb, nistedinkom nitolbu flimkien quddiem it-tbatija ta' bosta vittmi tal-gwerra, din il-gwerra li qed isseħħ illum, fid-dinja, sabiex darba għal dejjem nistgħu nifhmu li xejn ma jiġġustifika id-demm ta' wieħed mill-aħwa, li xejn m'hu aktar prezzjuż mill-persuna li għandna maġembna. U f'din l-istedina għat-talb irrid nirringrazzja anke lilkom, Natalia u Miguel, għaliex intom ukoll qsamtu magħna l-battalji tagħkom, il-gwerer interjuri tagħkom. Urejtuna t-taqbid tagħkom, u kif għamiltu biex irbaħtuhom. Intom sinjal ħaj ta' dak li l-ħniena trid twettaq fina.

Issa aħna mhux se nibdew ngħajtu kontra xi ħadd, mhux se nibdew nillitikaw, ma rridux inkissru, ma rridux ninsultaw. Aħna ma rridux nirbħu l-mibegħda b'aktar mibegħda, nirbħu l-vjolenza b'aktar vjolenza, nirbħu t-terrur b'aktar terrur. U t-tweġiba tagħna għal din id-dinja fi gwerra għandha isem: jisimha fraternità, jisimha fratellanza, jisimha għaqda, jisimha familja. Nagħmlu festa tal-fatt li aħna ġejjin minn kulturi differenti u ningħaqdu biex nitolbu. L-aħjar kelma tagħna, l-aħjar diskors, ħa jkunu l-għaqda fit-talb. Ejjew noqgħodu għal waqt fis-skiet u nitolbu; inqiegħdu quddiem Alla x-xhieda ta' dawn il-ħbieb, nidentifikaw ruħna ma' dawk li għalihom "il-familja hija kunċett li ma jeżistix, id-dar hija biss post fejn torqod u tiekol", jew ma' dawk li jgħixu fil-biża' għax jemmnu li l-iżbalji u d-dnubiet tagħhom qatgħuhom 'il barra darba għal dejjem. Inqiegħdu quddiem Alla tagħna anke il-"gwerer" tagħkom, il-gwerer tagħna, it-taqbid li kull wieħed iġorr miegħu, fil-qalb tiegħu.

Għalhekk, biex inkunu familja, nistedinkom tqumu, tieħdu f'idejn xulxin, u titolbu flimkien. Ilkoll!

(Skiet)

Waqt li konna nitolbu ġietni f'moħħi x-xena tal-Appostli fil-jum ta Pentekoste. Xena li tista' tgħinna nifhmu dak kollu li Alla joħlom li jwettaq fil-ħajja tagħna, fina u magħna. Dakinhar id-dixxipli kienu magħluqa ġewwa minħabba l-biża'. Kienu jħossuhom mhedda minn ambjent li kien jippersegwitahom, li kien iġegħlhom joqgħodu f'imkien ċkejken li jobbligahom jibqgħu wieqfa u pparalizzati. Il-biża' ħakimhom. F'dak il-kuntest, iseħħ xi ħaġa tal-għaġeb, xi ħaġa tassew kbira. Ġie l-Ispirtu s-Santu u lsna bħal tan-nar qagħdu fuq kull wieħed minnhom, li mbuttawhom f'avventura li kieku qatt ma kienu joħolmu. L-affarijiet inbidlu hekk.

Smajna tliet testimonjanzi; messejna, b'qalbna, l-istejjer tagħhom, il-ħajja tagħhom. Rajna kif huma, bħad-dixxipli, għexu waqtiet li jixxiebhu, għaddew minn waqtiet li matulhom kienu mimlija biża', li matulhom deher li kollox qed jiġġarraf. Il-biża' u t-tbatija li jiġu meta wieħed ikun jaf li fi ħruġu minn daru jista' ma jara qatt aktar lill-għeżież tiegħu, il-biża' li ma tħossokx apprezzat u maħbub, il-biża' li ma jkollokx opportunitajiet oħrajn. Huma qasmu magħna l-istess esperjenza li għamlu d-dixxipli, għaddew mill-biża' li twassal f'post wieħed; fejn twassalna l-biża'? Fl-għeluq. U meta l-biża' tistkenn fl-għeluq, dejjem ikollu miegħu lil "oħtu t-tewmija", il-paraliżi; inħossuna paraliżati. Li tħoss li f'din id-dinja, fl-ibliet tagħna, fil-komunitajiet tagħna, m'hemmx aktra spazju biex tikber, biex toħlom, biex toħloq, biex tħares lejn l-orizzonti, fuq kollox biex tgħix, huwa wieħed mill-agħar deni li jista' jiġrilna f'ħajjitna. Il-paraliżi ttelfilna l-gost li ngawdu l-laqgħa, il-ħbiberija, il-gost li noħolmu flimkien, li nimxu mal-oħrajn. (Rajnihom kollha magħluqa f'dawk il-kaxxi żgħar tal-ħġieġ.)

Imma fil-ħajja hemm paraliżi oħra aktar pelikoluża u sikwit diffixli biex tintebah biha, u li tiswielna ħafna biex nirrikonoxxuha. Joġgħobni nsejħilha l-paraliżi li tiġi meta wieħed jibdel l-hena mas-sufan, "kanapa"! Iva, li temmen li biex tkun ferħan teħtieġ sufan tajjeb. Sufan li jgħinna noqgħodu komdi, fil-kwiet, fiż-żgur. Sufan bħal dawk li hawn issa, moderni, bil-messaġġi biex torqod inklużi, li jiggarantulna siegħat ta' kwiet biex imbagħad jeħduna fid-dinja tal-"video games" u biex ngħaddu siegħat quddiem il-kompjuter. Sufan kontra kull tip ta' tbatija u biża'. Sufan li jġegħlna nibqgħu magħluqa d-dar bla taħbit u bla tħassib. Is-"sufan-ferħ", il-"kanapa-szczęście" huwa probabilment il-paraliżi siekta l-iktar li tista' tkiddna, li l-iktar tista' tkidd iż-żgħażagħ. U għaliex jiġri dan, Dun? Għaliex ftit ftit, bla ma nintebħu, insibu ruħna reqdin, skantati u ċassi. Qabel il-bieraħ tkellimt miż-żgħażagħ li joħorġu mil-pensjoni ta' għoxrin sena - illum nitkellem miż-żgħażagħ skantati u ċassi; waqt li oħrajn - forsi l-aktar ħajjin imma mhux l-aktar tajbin - jiddeċiedu il-futur tagħna. Ċert li għal ħafna huwa aktar ħafif u vantaġjuż li jkollhom żgħażagħ skantati u ċassi li jfixklu l-ferħ ma' sufan; lil ħafna jaqblilhom aktar dan milli li jkollhom żgħażagħ fuq tagħhom, bix-xenqa li jwieġbu għall-ħolma ta' Alla u għax-xewqat kollha tal-qalb.

Nistaqsi lilkom: tridu tkunu żgħażagħ rieqda, skantati u ċassi? [Le!] Tritu li oħrajn jiddeċiedu għalikom? [Le!] Tridu tkunu liberi? [Iva!] Tridu tkunu fuq tagħkom? [Iva!] Ma nismgħakomx konvinti. Tridu tkunu fuq tagħkom? [Iva!]

Imma l-verita hija oħra: għeżież żgħażagħ, ma ġejniex fid-dinja biex neżistu, biex tgħadduha komdi, biex nagħmlu mill-ħajja sufan li jraqqadna; bil-maqlub, ġejna għal ħaġa oħra, biex inħallu marka. Hu tad-dwejjaq ħafna tgħaddi l-ħajja bla ma tħalli marka. Imma meta nagħżlu l-kumdita, billi nfixklu l-hena mal-konsum, allura l-prezz li nħallsu huwa ħafna u ħafna għoli: nitilfu l-libertà. Nitilfu l-libertà - dan hu l-prezz. U hemm ħafna li jriduna hekk, skantati u ċassi. Imma ma jkun qatt! Ma rridux nitilfu l-libertà tagħna.

Propju hawn hawn paraliżi kbira, meta nibdew naħsbu li l-ferħ huwa l-istess bħall-kumdita, li li tkun ferħan ifisser li tgħaddi l-ħajja rieqed jew drogat, li l-uniku mod biex tkun ferħan huwa li tkun skantat. Żgur li d-droga tagħmel ħażin, imma hemm ħafna aktar drogi, aċċettati mis-soċjeta, li jispiċċaw iħalluna iktar ilsiera. Kemm dawk u kemm dawn ineżżgħuna minn l-akbar ġid tagħna: il-libertà. Ineżżgħuna mill-libertà.

Ħbieb, Ġesù huwa l-Mulej tar-riskju, ta' dejjem "aktar lil hinn". Ġesù mhux il-Mulej tal-confort, tas-sikurezza u tal-kumdità. Biex timxi wara Ġesù, teħtieġ doża ta' kuraġġ, trid tiddeċiedi li tibdel is-sufan ma' papoċċ li jgħinek timxi toroq li qatt ma ħlomt u lanqas ħsibt, toroq li jistgħu jiftħu orizzonti ġodda, li għandhom ħila jxerrdu l-ferħ, dak il-ferħ li jitwieled mill-imħabba ta' Alla, il-ferħ li jħalli fil-qalb kull ġest, kull atteġġjament tal-ħniena. Tmur għal għonq toroq wara l-"ġenn" ta' Alla tagħna li jgħallimna niltaqgħu miegħu fl-imġewwaħ, fl-għatxan, fl-għeri, fil-marid, fil-ħabib li spiċċa ħażin, fil-ħabsi, fil-maħrub u fl-immigrant, fil-proxxmu li jinsab waħdu. Tmur għal għonq it-toroq ta' Alla tagħna li jistedinna biex inkunu protagonisti politiċi, nies li jaħsbu, animaturi soċjali; li jistimolana biex naħsbu ekonomija aktar solidali. F'kull ambitu li fih tinsabu, l-imħabba ta' Alla tistedinna nwasslu l-Aħbar it-Tajba, waqt li nagħmlu mill-ħajja tagħna għotja lilu u lill-oħrajn. Hu dan li jfisser tkun kuraġġjuż, dan ifisser tkun liberu.

Forsi tgħiduli: Dun, imma dan mhux għal kulħadd, huwa biss għal xi wħud magħżula! Iva, huwa hekk; u dawn il-magħżula huma dawk kollha li lesti jaqsmu ħajjithom mal-oħrajn. Bl-istess mod kif l-Ispirtu s-Santu biddel il-qalb tad-dixxipli fil-jum ta' Pentekoste, għamel ukoll ma' ħbiebna li qasmu magħna x-xhieda tagħhom. Nuża l-kliem tiegħek, Miguel: inti għidtilna li fil-jum li fih fil-"Facenda" afdawlek ir-responsabiltà li tgħin biex id-dar tmur għall-aħjar, dakinhar bdejt tifhem li Alla kien qed jitolbok xi ħaġa. Hekk bdiet il-bidla.

Dan hu s-sigriet, għeżież ħbieb, li lkoll aħna msejħin nesperjenzaw. Alla jistenna xi ħaġa minnek. Fhimtu? Alla jistenna xi ħaġa minnek, Alla jrid xi ħaġa mingħandek, Alla jistenna lilek. Alla jiġi biex ikisser l-għeluq tagħna, jiġi biex jiftaħ il-bibien tal-ħajja tagħna, tal-viżjoni tagħna, tal-ħarsa tagħna. Alla jiġi jiftaħ dak kollu li jagħlqek. Qed jistiednek toħlom, irid jurik li d-dinja bik tista' tkun differenti. Huwa hekk: jekk ma tużax l-aħjar tiegħek, id-dinja mhux se tkun differenti. Hija sfida.

Iż-żmien li qed ngħixu llum m'għandux bżonn ta' żgħażagħ-sufan, "młodzi kanapowi", imma ta' żgħażagħ bil-papoċċ, jew aħjar, bil-papoċċ tal-mixi. Dan iż-żmien jagħżel biss plejers biex jilgħabu, m'hemmx post għar-"reserved". Id-dinja tal-lum titlobkom tkunu protagonisti tal-istorja għaliex il-ħajja hija sabiħa dejjem jekk irridu ngħixuha, dejjem jekk irridu nħallu marka. L-istorja llum titlobna niddefendu d-dinjità tagħna u li ma nħallux lill-oħrajn jiddeċiedu l-futur tagħna. Le. Aħna rridu niddeċiedu l-futur tagħna; intom għandkom tiddeċiedu l-futur tagħkom. Il-Mulej, bħal f'Pentekoste, irid jagħmel wieħed mill-akbar mirakli li nistgħu naraw: jagħmel li idejk, idejja, idejna jinbidlu b'sinjali ta' rikonċiljazzjoni, ta' komunjoni, ta' ħolqien. Hu jrid idejk biex ikompli jibni lid-dinja tal-lum. Irid jibniha miegħek.

U int x'se twieġeb, iva jew le? [Iva!]

Tgħidli: Dun, imma jien limitat ħafna, jien midneb, x'nista' nagħmel? Meta l-Mulej isejħilna ma jarax dak li aħna, dak li konna, dak li għamilna u li m'għadniex nagħmlu. Bil-maqlub: meta jsejħilna, hu jħares lejn dak kollu li nistgħu nagħmlu, l-imħabba kollha li għandna l-ħila nxerrdu. Hu jilgħab dejjem fuq il-futur, fuq għada. Ġesù jiprojjettak fuq ix-xefaq, qatt f'mużew.

Għaldaqstant, ħbieb, illu Ġesù qed jistiednek, isejjaħlek biex tħalli l-marka tiegħek fil-ħajja, marka li timmarka l-istorja, li timmarka l-istorja tiegħek u l-istorja ta' ħafna.

Il-ħajja tal-lum tgħidlina li huwa ħafif ħafna tħares biss lejn dak li jaqsamna, lejn dak li jifridna. Iridu jġegħluna nemmnu illi li ningħalqu huwa l-aħjar mod biex nistkennu minn dak li jagħmlilna d-deni. Illum, aħna l-kbar għandna bżonnkom, biex tgħallmuna ngħixu flimkien fid-diversità, fid-djalogu, fil-qsim tal-multikulturalità mhux bħala theddida imma bħala opportunità; u intom opportunità. Agħmlu l-qalb ħalli tgħallmuna li huwa eħfef tibni pontijiet milli ħitan! Għandna bżonn nitgħallmuha din! U lkoll flimkien nitolbukom tistennew minna li nimxu t-triq tal-fraternità, u kunu intom dawk li jakkużawna jekk aħna nagħżlu t-triq tal-mibegħda u tal-firda. Tibni pontijiet: tafu liema hu l-ewwel pont li għandu jinbena? Wieħed li nistgħu nibnu hawn u issa: inżommu f'idejn xulxin, nieħdu b'idejn xulxin. Isa, agħmlu dan issa, ibnu dan il-pont hawn, dan il-pont primordjali, l-ewwel wieħed, ix-xempju, u ħudu f'idejn xulxin.

Hu l-pont kbir tal-aħwa, u jistgħu jitgħallmu jibnuh il-kbar ta' din id-dinja!... imma mhux għar-ritratti (jieħdu b'idejn xulxin waqt li jaħsbu f'ħaġa oħra), imma biex ikomplu jibnu pontijiet dejjem akbar. Jalla dan il-pont uman ikun żerriegħa għal ħafna oħrajn; ikun marka.

Illum Ġesù, li huwa t-triq, il-verità u l-ħajja, qed isejjaħlek biex tħalli marka fl-istorja. Hu, li hu l-ħajja, qed jistiednek tħalli marka li timla bil-ħajja l-istorja tiegħek u dik ta' ħafna oħrajn. Hu, li hu l-verità, qed jistiednek tħalli t-toroq tal-firda, tal-qsim, bla sens. Trid? Trid? X'iwieġbuh - irrid nara - idejk u saqajk lill-Mulej, li hu t-triq, il-verità u l-ħajja? Trid?

Il-Mulej ibierek il-ħolm tagħkom.

Grazzi!

 

https://www.facebook.com/notes/jum-dinji-taż-żgħażagħ/