Padre Lombardi:

Mela, Santità, merħba fostna. Grazzi li anki tul dan il-vjaġġ sibt ftit tal-ħin biex issellmilna u toqgħod magħna. Bħas-soltu, aħna qegħdin iżjed minn sebgħin, minn ħmistax-il pajjiż differenti, u nittama li nistgħu nagħtu servizz tajjeb biex inxerrdu kliemek u l-messaġġ tiegħek f’dawn il-jiem hekk importanti.

 

Qed ngħixu ġranet li jemozzjonawna lkoll, kif nafu, minħabba dak li qed iseħħ mad-dinja, dak li seħħ ilbieraħ; u allura nkunu granti wkoll jekk, qabel ma ssellmilna personalment, tgħidilna kelma fuq kif qed tgħix dan il-mument u kif qed tħejji ruħek biex tiltaqa’ maż-żgħażagħ tad-dinja f’din is-sitwazzjoni. Grazzi, Santità.

 

Il-Papa Franġisku:

L-għodwa t-tajba, u grazzi tal-ħidma tagħkom.

 

Dwar dan li qal Padre Lombardi, kelma li qed nisimgħu ħafna hi “nuqqas ta’ sigurtà”. Imma l-kelma vera hi “gwerra”. Ilna ngħidu: “Id-dinja tinsab fi gwerra miġġielda f’biċċiet”. Din hi gwerra. Kien hemm dik tal-1914, bil-metodi tagħha; imbagħad dik tal-1939-1945, gwerra oħra kbira fid-dinja; u issa għandna din. Ma tantx hi organika, forsi; organizzata, iva, imma organika… fil-fehma tiegħi… Imma hi gwerra. Dan is-saċerdot qaddis, li miet sewwasew huwa u joffri t-talba għall-Knisja kollha, hu wieħed; imma kemm Insara, kemm innoċenti, kemm tfal… Ejja naħsbu fin-Niġerija, ngħidu aħna. “Imma dik hi l-Afrika…”. Hi gwerra. Ma nibżgħux ngħiduha din il-verità: id-dinja tinsab fi gwerra, għax tilfet il-paċi.

 

Grazzi ħafna tal-ħidma tagħkom f’dan il-Jum taż-Żgħażagħ. Iż-żgħażagħ dejjem jimlewna bit-tama. Nittamaw li ż-żgħażagħ jgħidulna xi ħaġa li tagħtina xi ftit tama, f’dan iż-żmien.

 

Dwar ilbieraħ jien nixtieq nirringrazzja wkoll lil dawk kollha li għaddewlna l-kondoljanzi tagħhom, b’mod speċjali lill-President ta’ Franza, li bi mħabba fraterna għoġbu jċempilli bit-telefon. Nirringrazzjah.

 

Grazzi.

 

Padre Lombardi:

Grazzi, Santità. Ibqa’ żgur li anki aħna, f’dawn il-jiem, sa nfittxu naħdmu id f’id miegħek għall-paċi.

 

Il-Papa Franġisku:

Ħaġa waħda nixtieq niċċara. Meta jien nitkellem fuq gwerra, qed ngħid hekk bis-serjetà, mhux fuq gwerra tar-reliġjon, le. Hemm gwerra ta’ interessi, hemm gwerra għall-flus, hemm gwerra għar-riżorsi naturali, hemm gwerra għall-ħakma tal-popli: din hi l-gwerra. Xi ħadd jista’ jaħseb: “Qed jitkellem fuq il-gwerra tar-reliġjon”. Le. Ir-reliġjonijiet kollha rridu l-paċi. Il-gwerra jriduha l-oħrajn. Fhimtu?

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard