Is-silta mill-Vanġelu li għadna kemm smajna (ara Ġw 20:19-31) tkellimna fuq post, dixxiplu u ktieb.

 

Il-post hu dak li fih kienu d-dixxiplu dakinhar tal-Għid filgħaxija: dwaru jingħad biss li l-bibien tiegħu kienu magħluqa (ara v. 19). Tmint ijiem wara, id-dixxipli kienu għadhom f’dik id-dar, u l-bibien kienu għadhom magħluqa (ara v. 26). Ġesù daħal hemm, qagħad f’nofshom u ġabilhom is-sliem tiegħu, l-Ispirtu s-Santu u l-maħfra tad-dnubiet: f’kelma waħda, il-ħniena ta’ Alla. F’dan il-post magħluq tidwi bil-qawwa kollha l-istedina li Ġesù jagħmel lid-dixxipli tiegħu: “Kif il-Missier bagħat lili, hekk jien nibgħat lilkom” (v. 21).

 

Ġesù jibgħat. Hu jixtieq, sa mill-bidu, li l-Knisja toħroġ, tmur fid-dinja. U dan iridha tagħmlu kif għamlu hu stess, kif hu ġie mibgħut fid-dinja mill-Missier: mhux bħala bniedem setgħan, imma bħala qaddej (ara Fil 2:7), mhux “biex jiġi moqdi, imma biex jaqdi” (Mk 10:45) u biex iwassal il-bxara t-tajba (ara Lq 4:18); hekk anki dawk li huma tiegħu huma mistednin jagħmlu hekk, f’kull żmien. Jolqotna l-kuntrast: waqt li d-dixxipli minħabba fil-biża’ li kellhom għalqu l-bibien, Ġesù jibgħathom f’missjoni; irid li jiftħu l-bibien u joħorġu jxerrdu l-maħfra u s-sliem ta’ Alla, bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu.

 

Din is-sejħa hi għalina wkoll. Kif nistgħu ma nisimgħux l-eku tal-istedina kbira ta’ San Ġwanni Pawlu II: “Iftħu l-bibien!”? Madankollu, fil-ħajja tagħna ta’ saċerdoti u persuni kkonsagrati spiss tista’ tiftaċċa t-tentazzjoni li nibqgħu xi ftit magħluqin, minħabba fil-biża’ jew għall-kumdità, fina nfusna u fl-ambjenti tagħna. Imma d-direzzjoni li jurina Ġesù lejn naħa waħda biss tieħu: li noħorġu minna nfusna. Hu vjaġġ bla biljett lura. Ifisser li nagħmlu eżodu mill-jien tagħna, li nitilfu ħajjitna għalih (ara Mk 8:35), billi nimxu fit-triq tal-għotja tagħna nfusna. Mill-banda l-oħra, Ġesù ma jridx min jimxi t-triq sa nofsha, iħalli l-bibien imbexxqin, jgħix ħajtu fuq żewġ binarji. Iridna nimxu ħfief, noħorġu u nħallu warajna ċ-ċertezzi tagħna, qalbna qawwija biss fih.

 

Fi kiem ieħor, il-ħajja tad-dixxipli l-iżjed qrib tiegħu, kif aħna msejħin inkunu, hi magħmula minn imħabba konkreta, jiġifieri minn qadi u disponibbiltà; hi ħajja li fiha ma hemmx spazji magħluqa jew propjetajiet privati għall-kumditajiet tagħna – tal-inqas ma jridx ikun hemm. Min għażel li jwaħħad ħajtu kollha ma’ Ġesù ma jibqax jagħżel hu l-postijiet fejn imur, imma jmur fejn hu mibgħut; lest li jwieġeb għas-sejħa li ssirlu, lanqas jibqa’ jagħżel hu l-ħinijiet tiegħu. Id-dar li fiha jgħix mhix iżjed tiegħu, għax il-Knisja u d-dinja huma l-postijiet miftuħa tal-missjoni tiegħu. It-teżor tiegħu hu li jqiegħed lill-Mulej f’nofs il-ħajja, bla ma jfittex xejn iżjed għalih innifsu. Hekk jaħrab minn sitwazzjonijiet li jissodisfawh għax iqegħduh fiċ-ċentru, ma jibnix pedestalli jixxenglu tas-setgħat ta’ din id-dinja u ma jistrieħx fil-kumditajiet li jdgħajfu l-evanġelizzazzjoni; ma jaħlix żmien ifassal futur fiż-żgur jew bi ħlas tajjeb, biex ma jirriskjak li jispiċċa iżolat fid-dlam, magħluq bejn il-ħitan dojoq ta’ egoiżmu bla tama u bla ferħ. Hieni fil-Mulej, ma jikkuntentax b’ħajja medjokri, imma hu mikbus bix-xewqa li jagħti xhieda u li jilħaq lill-oħrajn; iħobb jirriskja u joħroġ, mhux ilsir ta’ mixjiet li ġa mxewhom qablu, imma miftuħ u fidil għar-rotot li jurih l-Ispirtu: flok joqgħod jara kif ħa jgħaddiha tajjeb, jifraħ li jista’ jevanġelizza.

 

Fil-Vanġelu tal-lum, fit-tieni post, toħroġ il-figura tal-uniku dixxiplu msemmi, Tumas. Fid-dubju u x-xewqa tiegħu li jifhem, dan id-dixxiplu, anki pjuttost rasu iebsa, jixbahna xi ftit u hu wkoll simpatiku. Bla ma jaf, hu qed jagħtina rigal kbir: iqarribna lejn Alla, għax Alla ma jinħebiex quddiem min ifittxu. Ġesù jurih il-pjagi glorjużi tiegħu, iħallih imiss b’idejh il-ħlewwa bla tarf ta’ Alla, is-sinjali ħajjin ta’ kemm bata għall-imħabba tal-bnedmin.

 

Għalina d-dixxipli, hu importanti ħafna li nħallu l-umanità tagħna tmiss il-ġisem tal-Mulej, jiġifieri nagħtuh, b’fiduċja u b’sinċerità sħiħa, dak li aħna, minn barra u minn ġewwa. Kif qalet Santa Fawstina, Ġesù jieħu gost li nkellmuh dwar kollox, ma tegħjiehx din ħajjitna li hu ġa jaf sewwa, jistenna li naqsmuha miegħu, li saħansitra nirrakkuntawlu l-ġranet tagħna (ara Djarju, 6 ta’ Settembru 1937). Hekk infittxuh lil Alla, f’talba li hi trasparenti u ma tinsiex ittarraflu u tafdalu l-miżerji, it-taħbit u r-reżistenzi tagħha. Il-qalb ta’ Ġesù tħossha mirbuħa mill-ftuħ tal-qalb sinċiera, minn qlub li jafu jagħrfu u jibku d-dgħufijiet tagħhom, fiduċjużi li propju hemm se taħdem il-ħniena divina. X’qed jitlobna Ġesù? Hu jrid qlub tassew ikkonsagrati, li jgħixu bil-maħfra li jkunu rċivew mingħandu, biex isawbuha mill-ġdid bi ħniena fuq l-aħwa. Ġesù jfittex qlub miftuħa u ħelwa mad-dgħajfa, qatt iebsin; qlub doċli u trasparenti, li ma jaħbux dak li jħossu quddiem min fil-Knisja għandu d-dmir li jorjenta l-mixja tagħhom. Id-dixxiplu ma jibqax lura milli jagħmel mistoqsijiet, għandu l-kuraġġ li jaċċetta d-dubju u jressqu quddiem il-Mulej, quddiem dawk li qed jifformawh u s-superjuri, bla ma joqgħod jagħmel ħafna kalkoli jew jibqa’ sieket. Id-dixxiplu fidil iwettaq dixxerniment attent u kostanti, għax jaf li l-qalb irid jedukaha ta’ kuljum, ibda minn dak li jħoss, biex jaħrab kull wiċċ b’ieħor fl-atteġġjamenti u fil-ħajja tiegħu.

 

L-Appostlu Tumas, fl-aħħar tat-tiftixa mqanqla tiegħu, mhux biss jasal biex jemmen fil-qawmien, imma jsib f’Ġesù l-kollox ta’ ħajtu, il-Mulej tiegħu; qallu: “Mulej tiegħi, Alla tiegħi” (v. 28). Nagħmlu sew, illum u ta’ kuljum, jekk nitolbu b’dawn il-kelmiet sbieħ, li bihom qed ngħidulu: Int il-ġid waħdieni tiegħi, it-triq tal-mixja tiegħi, il-qalb tal-ħajja tiegħi, il-kollox tiegħi.

 

Fl-aħħar versett li smajna, fl-aħħar nett nisimgħu dwar ktieb: hu l-Vanġelu, li fih ma tniżżlux il-ħafna sinjali oħra mwettqa minn Ġesù (v. 30). Wara s-sinjal il-kbir tal-ħniena tiegħu, nistgħu nifhmu li ma kienx hemm bżonn jiżdiedu ħwejjeġ oħra. Imma hemm sfida, hemm spazju għas-sinjali mwettqa minna, li rċivejna l-Ispirtu tal-imħabba u aħna msejħin inxerrdu l-ħniena. Nistgħu ngħidu li l-Vanġelu, ktieb ħaj tal-ħniena ta’ Alla, li għandna naqraw u nerġgħu naqraw kontinwament, fl-aħħar mill-aħħar għad għandu paġni vojta: jibqa’ ktieb miftuħ, li aħna msejħin niktbu bl-istess stil, billi nwettqu opri ta’ ħniena. Għeżież ħuti, nistaqsikom: il-paġni tal-ktieb ta’ kull wieħed u waħda minnkom kif inhuma? Qed tiktbu fihom ta’ kuljum? Jew biċċa mimlijin u biċċa vojta? Għadhom bojod? F’dan tgħinna l-Omm ta’ Alla: hi, li laqgħet b’mod sħiħ il-Kelma ta’ Alla f’ħajjitha (ara Lq 8:20-21), tagħtina l-grazzja li nkunu kittieba ħajjin tal-Vanġelu; l-Omm tagħna tal-ħniena tgħallimna nieħdu ħsieb b’mod konkret tal-pjagi ta’ Ġesù f’ħutna li huma fil-bżonn, ta’ dawk fil-qrib u ta’ dawk fil-bogħod, tal-marid u tal-immigrant, għax meta naqdu lil min qed ibati nkunu nagħmlu ġieħ lil-laħam ta’ ġisem Kristu. Il-Verġni Marija tgħinna nħabirku sal-aħħar għall-ġid tal-fidili fdati f’idejna u nieħdu ħsieb ta’ xulxin, bħala veri aħwa fil-komunjoni tal-Knisja, l-Omm imqaddsa tagħna.

 

Għeżież ħuti, ħa jħares kull wieħed u waħda minna fil-qalb tiegħu paġna tassew personali tal-ktieb tal-ħniena ta’ Alla: hi l-istorja tas-sejħa tagħna, leħen l-imħabba li ġibed u bidel lil ħajjitna, għax wassalna biex għall-Kelma tiegħu nħallu kollox u nimxu warajh (ara Lq 5:11). Ejjew ngħixu mill-ġdid, illum, bi gratitudni, il-memorja tas-sejħa li għamlilna, iżjed qawwija minn kull reżistenza u għeja. Nissoktaw iċ-Ċelebrazzjoni Ewkaristika, li hi l-qalba tal-ħajja tagħna, u rroddu ħajr lill-Mulej, għax hu bi ħnientu daħal mill-bibien magħluqa tagħna; għax, bħal Tumas, sejħilna b’isimna; għax qed jagħtina l-grazzja li nissoktaw niktbu l-Vanġelu ta’ mħabbtu.

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti min Francesco Pio Attard