Għeżież Żgħażagħ,

 

Ġejtu Krakovja biex tiltaqgħu ma’ Ġesù. U l-Vanġelu, illum, ikellimna dwar laqgħa bejn Ġesù u wieħed raġel, Żakkew, f’Ġeriko (ara Lq 19:1-10). Hemmhekk Ġesù mhux biss irid jipprietka, jew isellem lil xi ħadd, imma jrid – jgħid l-Evanġelista – jaqsam il-belt (ara v. 1). Ġesù jixtieq, fi kliem ieħor, jersaq lejn il-ħajja ta’ kull wieħed u waħda, jimxi t-triq tagħna sal-qiegħ nett, sabiex il-ħajja tiegħu u l-ħajja tagħna jiltaqgħu tassew.

 

Isseħħ hekk il-laqgħa l-aktar tal-għaġeb, dik ma’ Żakkew, il-kap tal-pubblikani, jiġifieri ta’ dawk li jiġbru t-taxxi. Mela Żakkew kien kollaboratur għani tal-ħakkiema mibgħuda Rumani; kien sfruttatur tal-poplu tiegħu, wieħed li, minħabba l-fama ħażina tiegħu, lanqas biss seta’ jersaq lejn l-Imgħallem. Imma l-laqgħa ma’ Ġesù tibdillu ħajtu, kif seħħ u kuljum jista’ jseħħ għal kull wieħed u waħda minna. Żakkew, imma, kellu jirbaħ xi ostakli biex jiltaqa’ ma’ Ġesù – ma kienx ħafif għalih, kellu jirbaħ xi ostakli – għall-inqas tlieta, li jistgħu jgħidu xi ħaġa lilna wkoll.

 

L-ewwel wieħed huwa d-daqs qasir: Żakkew ma setax jara lill-Imgħallem għaliex kien ċkejken. Anki llum nistgħu nirriskjaw li nibqgħu bogħod minn Ġesù għaliex ma nħossuniex kapaċi, għaliex għandna stima baxxa tagħna nfusna. Din hija tentazzjoni kbira, li m’għandhiex x’taqsam biss mal-istima tagħna nfusna, imma tmiss ukoll il-fidi. Għaliex il-fidi tgħidilna li aħna wlied Alla, u hekk aħna tassew (1 Ġw 3:1). Ġejna maħluqin fuq xbieha tiegħu; Ġesù ħa fuqu l-umanità tagħna u qalbu mhu se tinfired qatt minna; l-Ispirtu s-Santu jixtieq jgħammar fina; aħna msejħa għall-hena ta’ dejjem ma’ Alla! Dan huwa d-daqs tagħna, din hija l-identità spiritwali tagħna: aħna l-ulied maħbubin ta’ Alla, dejjem. Tifhmu, mela, kif li ma taċċettax lilek innifsek, li tgħix imdejjaq u li taħseb b’mod negattiv ifisser li ma tagħrafx l-identità l-aktar vera tagħna: bħallikieku ndur inħares lejn in-naħa l-oħra waqt li Alla jrid iserraħ ħarstu fuqi, bħallikieku rrid nitfi l-ħolma li hu għandu għalija. Alla jħobbna hekk kif aħna, u l-ebda dnub, difett jew żball mhu se jibdillu fehemtu. Għal Ġesù – jurihulna l-Vanġelu – ħadd mhu inferjuri ul bogħod, ħadd mhu insinifikanti, imma lkoll aħna għeżież u importanti: inti importanti! U Alla jserraħ fuqek għal dak li int, u mhux għal dak li għandek: għal għajnejh ma jgħodd xejn l-ilbies li tilbes jew il-mowbajl li tuża; ma jimpurtahx jekk timxix mal-moda, jimpurtah minnek, hekk kif int. Għal għajnejh int tiswa, u l-valur tiegħek hu bla kejl.

 

Meta fil-ħajja jiġrilna li nimmiraw fil-baxx minflok fil-għoli, tista’ tgħinna din il-verità kbira: Alla hu fidil fl-imħabba tiegħu għalina, saħansitra rasu iebsa. Jgħinna meta naħsbu li hu jħobbna aktar minn kemm inħobbu lilna nfusna, li jemmen fina aktar minn kemm nemmnu fina nfusna, li hu jissapportjana bħall-akbar sapporter tagħna. Jistenniena dejjem bit-tama, anki meta ningħalqu fin-niket tagħna waqt li l-ħin kollu nġibu f’moħħna d-deni li rċivejna u l-imgħoddi. Imma li ninħabbu man-niket ma jistħoqqx lill-qies spiritwali tagħna! Huwa virus li jinfetta u jibblokka kollox, li jagħlaq kull bieb, li jżommna milli nerġgħu nibdew ngħixu, milli nerġgħu nibdew darb’oħra. Alla, imma, huwa rasu iebsa fit-tama tiegħu: jemmen dejjem li nistgħu nerġgħu nqumu u ma jirrassenjax ruħu jarana mitfijin u bla ferħ. Huwa ta’ niket li tara żgħażagħ bla ferħ. Għaliex aħna dejjem uliedu l-maħbubin. Ejjew niftakru dan fil-bidu ta’ kull ġurnata. Jagħmlilna tajjeb kull filgħodu ngħidu dan fit-talb: Mulej, irroddlok ħajr għaliex tħobbni, jien żgur li inti tħobbni; agħmel li ninħabb ma’ ħajti!”. Mhux mad-difetti tiegħi, li għandhom jiġu kkoreġuti, imma mal-ħajja, li hija don kbir: hija ż-żmien biex tħobb u biex tkun maħbub.

 

Żakkew kellu t-tieni ostaklu fi triqtu biex jiltaqa’ ma’ Ġesù: il-mistħija li tipparalizza. Dwar dan għidna xi ħaġa lbieraħ filgħaxija. Nistgħu nistħajlu dak li seħħ fil-qalb ta’ Żakkew qabel tela’ fuq dik is-siġra tat-tin: hemm seħħet taqbida tal-għaġeb: minn naħa l-kurżità t-tajba, dik li jagħraf lil Ġesù; min-naħa l-oħra r-riskju li jaqa’ għaż-żuffjett waħda sew. Żakkew kien persunaġġ pubbliku; kien jaf li, li jipprova jitla’ fuq is-siġra, kien se jaqa’ għaċ-ċajt quddiem għajnejn kulħadd, hu, kap, raġel ta’ poter. Imma rebaħ il-mistħija, għaliex il-ġibda lejn Ġesù kienet aktar qawwija. Intom ġarrabtu dak li jiġri meta xi ħadd isir tant jiġbdek li tinħabb miegħu: jiġri li tagħmel minn qalbek affarijiet li kieku qatt ma tagħmel. Fil-qalb ta’ Żakkew jiġri xi ħaġa hekk, meta sema’ li Ġesù kien daqshekk importanti li kien lest jagħmel kwalunkwe ħaġa għalih, għaliex hu kien l-uniku li seta’ jaqilgħu minn ġot-tajn tad-dnub u tad-diqa. Hekk il-mistħija li tipparalizza ma rebħitx: Żakkew – jgħid il-Vanġelu – mar jiġril quddiem, ixxabbat u mbagħad, meta Ġesù sejjaħlu, niżel bla telf ta’ żmien (vv. 4, 6). Irriskja u lagħab kollox. Għalina wkoll, dan huwa s-sigriet tal-ferħ: ma nitfux il-kurżità s-sabiħa, imma nilagħbu kollox, għaliex il-ħajja mhix ta’ min jagħlaqha f’kexxun. Quddiem Ġesù ma nistgħux nibqgħu bilqiegħda nistennew b’idejna marbuta; lilu, li jagħtina l-ħajja, ma nistgħux inweġbuh bi ħsieb jew b’sempliċi messaġġ qasir!

 

Għeżież żgħażagħ, tistħux iġġibu quddiemu kollox, l-aktar id-dgħufijiet, l-għeja u d-dnubiet fil-Qrar: hu jaf jgħaġġibkom bil-maħfra tiegħu u bil-paċi tiegħu. Tibżgħux tgħidulu iva b’qalbkom kollha, tweġbuh b’ġenerożità, timxu warajh! Tħallux li ruħkom tkun illoppjata, imma mmiraw għall-imħabba sabiħa, li titlob ukoll iċ-ċaħdiet, u le qawwija għad-doping tas-suċċess kull kif u għad-droga tal-ħsieb biss tiegħek innifsek u tal-kumditajiet tiegħek.

 

Wara d-daqs qasir u l-mistħija li tipparalizza, hemm it-tielet ostaklu li Żakkew kellu jħabbat wiċċu miegħu, mhux aktar ġewwa fih, imma madwaru. Hija l-folla tgemgem, li l-ewwel ħbietu u mbagħad ikkritikatu: Ġesù ma kellux jidħol fid-dar tiegħu, fid-dar ta’ midneb! Kemm hu diffiċli tilqa’ tassew lil Ġesù, kemm hu iebes taċċetta Alla għani fil-ħniena (Efes 2:4). Jistgħu jwaqqfukom, billi jippruvaw iġagħlukom temmnu li Alla hul bogħod, riġidu u ftit li xejn sensibbli, tajjeb mat-tajbin u ħażin mal-ħżiena. Bil-maqlub, il-Missier tagħna jtella x-xemx tiegħu sew fuq il-ħżiena u sew fuq it-tajbin (Mt 5:45) u jistedinna għall-kuraġġ veru: li nkunu aktar qawwija mill-ħażen billi nħobbu lil kulħadd, saħansitra lill-għedewwa. Jistgħu jidħku bikom, għaliex temmnu fil-qawwa ħelwa u umli tal-ħniena. Tibżgħux, imma aħsbu fil-kliem ta’ dawn il-jiem: Henjin dawk li jħennu, għax huma jsibu ħniena (Mt 5:7). Jistgħu jgħidulkom li intom ħalliema, għaliex temmnu f’umanità ġdida, li ma taċċettax il-mibegħda bejn il-ġnus, ma tarax il-konfini tal-pajjiżi bħala ħitan u li tħares it-tradizzjonijiet ta’ kull wieħed bla egoiżmi u bla ma żżomm fil-komma. Taqtgħux qalbkom: bit-tbissima tagħkom u bl-idejn tagħkom miftuħa intom tipprietkaw it-tama u intom barka għall-familja waħda tal-bnedmin, li intom tirrappreżentaw tant tajjeb hawn!

 

Il-folla, dakinhar, iġġudikat lil Żakkew, ħarset lejh minn fuq għal isfel; Ġesù, imma, għamel bil-maqlub: refa’ għajnejh lejh (v. 5). Il-ħarsa ta’ Ġesù tmur lil hinn mid-difetti u tara lill-persuna; ma tiqafx fuq il-ħażen tal-imgħoddi, imma tilmaħ it-tajjeb fil-ġejjieni; ma tiqafx quddiem l-għeluq, imma tfittex it-triq tal-għaqda u tal-komunjoni; f’nofs kulħadd, ma tiqafx fuq dak li jidher, imma tħares lejn il-qalb – Ġesù jħares lejn il-qalb tagħna, il-qalb tiegħek, il-qalb tiegħi. B’din il-ħarsa ta’ Ġesù, intom tistgħu tkabbru umanità, bla ma tistennew min jgħidilkom bravi, imma għax tfittxu t-tajjeb għalih innifsu, ferħana li għandkom qalbkom nadifa u li tiġġieldu fis-sliem għall-onestà u għall-ġustizzja. Tiqfux fuq il-qoxra tal-affarijiet u tafdawx il-liturġiji mondani tal-apparenzi, bil-make-up tar-ruħ biex tidhru l-aħjar. Minflok, installaw tajjeb il-konnessjoni l-aktar stabbli, dik ta’ qalb li tara u xxandar it-tajjeb bla ma tagħja. U dak l-hena li rċevejtu b’xejn mingħand Alla, jekk jogħġobkom, b’xejn agħtuh (ara Mt 10:8), għaliex ħafna qed jistennewh!

 

Nisimgħu, fl-aħħar nett, il-kliem ta’ Ġesù lil Żakkew, li donnu ntqal apposta għalina, illum: Isa, inżel minn hemm, għax illum jeħtieġli noqgħod għandek; isa, inżel minn hemm, għax illum jeħtieġli noqgħod għandek (v. 5). Ġesù qed jagħmillek l-istess stedina: Illum jeħtieġli noqgħod għandek. Nistgħu ngħidu li l-Jum Dinji taż-Żgħażagħ jibda llum u jkompli għada, fi djarkom, ladarba huwa hemm li Ġesù jrid jiltaqa’ magħkom minn issal quddiem. Il-Mulej ma jridx jibqa’ biss f’din il-belt sabiħa jew fit-tifkiriet għeżież, imma jixtieq jiġi d-dar tiegħek, jgħammar fil-ħajja tiegħek ta’ kuljum: l-istudju u l-ewwel snin tax-xogħol, il-ħbiberiji u r-relazzjonijiet, il-proġetti u l-ħolm. Kemm jogħġbu li fit-talb inqiegħdu quddiemu dan kollu! Kemm jittama li fost il-kuntatti kollha u ċ-chat ta’ kuljum ikun hemm, fl-ewwel post, il-ħajta tad-deheb tat-talb! Kemm jixtieq li l-Kelma tiegħu tkellem lil kull ġurnata tiegħek, li l-Vanġelu tiegħu jsir tiegħek, u li jkun il-GPS tiegħek fil-mixi tul it-toroq tal-ħajja!

 

Waqt li jitolbok jiġi f’darek, Ġesù, bħalma għamel ma’ Żakkew, isejjaħlek b’ismek. Ismek hu prezzjuż għalih. L-isem ta’ Żakkew kien ifakkar, fl-ilsien ta’ dak iż-żmien, il-memorja ta’ Alla. Afdaw fil-memorja ta’ Alla: il-memorja tiegħu mhix hard disk riġidu li jirrekordja u jarkivja d-dettalji kollha tagħna, imma qalb tenera ta’ kompassjoni, li tifraħ tħassar darba għal dejjem kull ħjiel tal-ħażen tagħna. Ejjew nippruvaw anki aħna, issa, nixbhu l-memorja fidila ta’ Alla, u naħżnu t-tajjeb li rċivejna f’dawn il-jiem. Fis-skiet insorru f’tifkirietna din il-Laqgħa, inħarsu t-tifkira tal-preżenza ta’ Alla u tal-Kelma tiegħu, inkebbsu fina l-leħen ta’ Ġesù li jsejħilna f’isimna. Hekk nitolbu fis-skiet, nagħmlu tifkira, irroddu ħajr lill-Mulej li riedna hawn u li ltaqa’ magħna.

 

 

https://www.facebook.com/notes/jum-dinji-taż-żgħażagħ/