Mill-Qari ta’ din il-Liturġija toħroġ ħjata divina, li tgħaddi mill-istorja tal-bniedem u tinseġ l-istorja kollha tas-salvazzjoni.

 

L-Appostlu Pawlu jkellimna dwar il-pjan għoli ta’ Alla: Meta waslet il-milja taż-żmien, Alla bagħat lil Ibnu, imwieled minn mara, imwieled taħt il-Liġi” (Gal 4:4). Madankollu, l-istorja turina li meta waslet din il-“milja taż-żminijiet”, jiġifieri meta Alla sar bniedem, il-bniedem ma kienx partikularment dispost biex jilqgħu u lanqas ma kien xi perjodu ta’ stabbiltà u ta’ paċi: ma kien hemm l-ebda “żmien tad-deheb”. Għalhekk ix-xena ta’ din id-dinja ma xerqithilhiex il-miġja ta’ Alla, anzi, “niesu ma laqgħuhx” (Ġw 1:11). Għalhekk il-milja taż-żmien kienet don ta’ grazzja: Alla mela ż-żmien tagħna bil-kotra tal-ħniena tiegħu, għall-imħabba – purament għall-imħabba! – nieda l-milja taż-żminijiet.

 

Fuq kollox, jolqotna kif titwettaq il-miġja ta’ Alla fl-istorja: “imwieled minn mara”. L-ebda dħul trijonfali, l-ebda manifestazzjoni imponenti ta’ Dak li jista’ kollox: hu ma jidhirx bħal xemx li tgħammex b’dawlha, imma jidħol fid-dinja bl-iktar mod sempliċi, bħala tarbija f’ħoġor ommha, b’dak l-istil li dwaru titkellem l-Iskrittura: bħax-xita fuq l-art (ara Is 55:10), bħall-iċken fost iż-żrieragħ li jnibbtu u jikbru (ara Mk 4:31-32). Hekk, bil-kontra ta’ dak li stennejna u forsi xtaqna, is-Saltna ta’ Alla, illum bħal dakinhar, “ma tiġix b’sinjali li jidhru” (Lq 17:20), imma taslilna fiċ-ċkunija, fl-umiltà.

 

Il-Vanġelu tal-lum jerġa’ jaqbad din in-nisġa divina li b’mod tassew delikat itterraq fl-istorja: mill-milja taż-żminijiet ngħaddu għat-“tielet jum” tal-ministeru ta’ Ġesù (ara Ġw 2:1) u għat-tħabbira tas-“siegħa” tal-fidwa (ara v. 4). Iż-żmien jiqsar, u d-dehra ta’ Alla sseħħ dejjem fiċ-ċokon. Hekk iseħħ l-ewwel wieħed fost is-sinjali tiegħu (v. 11) f’Kana tal-Galilija. M’hemm l-ebda ġest straordinarju mwettaq quddiem il-folla, lanqas intervent li jsolvi xi kwistjoni politika taħraq, bħalma kienet is-sottomissjoni tal-poplu għall-ħakma Rumana. Minflok, f’raħal ċkejken, iseħħ miraklu sempliċi, li jferraħ it-tieġ ta’ familja żagħżugħa, li lanqas biss nafu x’jisimha. U madankollu, l-ilma mibdul fi nbid fil-festa tat-tieġ hu sinjal kbir, għax jurina l-wiċċ ta’ Alla bħala l-għarus, ta’ Alla li jpoġġi magħna mal-mejda, li magħna joħlom u jwettaq il-komunjoni. Jgħidilna li l-Mulej ma jżommx id-distanzi, imma hu qrib u konkret, jinsab f’nofsna u jieħu ħsiebna, bla ma jiddeċiedi għalina u bla ma ħsiebu fi kwistjonijiet ta’ poter. Fil-fatt hu jippreferi li jidher f’dak li hu ċkejken, bil-kontra tal-bniedem, li donnu jrid jaħtaf taħt idejh x ħaġa dejjem ikbar. Il-ġibda għal dak li hu qawwi, kbir u li jidher hi traġikament umana, u hi tentazzjoni kbira li tfittex li tindiehes kullimkien; l-għotja għall-oħrajn, li teqred id-distanzi, u tgħammar f’dak li hu ċkejken u tgħix konkretement il-ħajja ta’ kuljum, din hi tassew ħaġa divina.

 

Mela Alla jsalvana billi jsir ċkejken, qrib u konkret. Qabelxejn, Alla jiċċekken. Il-Mulej, “ta’ qalb ħelwa u umli” (Mt 11:29), jippreferi ċ-ċkejknin, li lilhom intweriet is-Saltna ta’ Alla (Mt 11:25); huma l-kbar f’għajnejh u fuqhom jixħet ħarstu (ara Is 66:2). Jippreferihom, għax huma jeħduha kontra “l-kburija tal-ħajja”, li ġejja mid-dinja (ara 1 Ġw 2:16). Iċ-ċkejknin jitkellmu l-istess lingwa tiegħu: l-imħabba umli li teħles. Għalhekk isejjaħ persuni sempliċi u disponibbli biex isiru l-leħen tiegħu, u lilhom jafdalhom ir-rivelazzjoni ta’ ismu u s-sigriet ta’ Qalbu. Jiġu f’moħħna tant ulied tal-poplu tagħkom: il-martri, li fihom rajna tilma l-qawwa sempliċi tal-Vanġelu; il-persuni sempliċi imma straordinarji li qalb tiġrib kbir għarfu jagħtu xhieda tal-imħabba tal-Mulej; ix-xandara twajba u qawwija tal-Ħniena, bħal San Ġwanni Pawlu II u Santa Fawstina. Minn dawn il-“kanali” ta’ mħabbtu, il-Mulej wassal id-doni tal-għaġeb tiegħu lill-Knisja kollha u lill-bnedmin kollha. U hu sinifikattiv li dan l-anniversarju tal-Magħmudija tal-poplu tagħkom qed jaħbat f’dan il-Ġublew tal-Ħniena.

 

Barra minn hekk, Alla hu qrib tagħna, is-Saltna tiegħu hi fil-qrib (ara Mk 1:15): il-Mulej ma jixtieqx min jibża’ minnu qisu kien xi sovran qawwi u mbiegħed, ma jridx jibqa’ fuq xi tron fis-Sema u fil-kotba tal-istorja, imma jħobb jitbaxxa u jidħol fil-ġrajjiet tagħna ta’ kuljum, biex jimxi magħna. Meta naħsbu fuq id-don ta’ millennju mimli bil-fidi, nagħmlu sew jekk qabelxejn irroddu ħajr lil Alla, li mexa mal-poplu tagħkom, qabadlu idu, bħalma missier jagħmel lil ibnu, u sieħbu f’tant sitwazzjonijiet. Huwa dan li, anki bħala Knisja, aħna msejħin nagħmlu dejjem: nisimgħu, nindaħlu għall-oħrajn biex insiru proxxmu tagħhom, naqsmu fil-ferħ u fit-taħbit tan-nies, biex hekk il-Vanġelu jgħaddi għand id-dinja iżjed koerenti u jġib frott ikbar: b’radjazzjoni pożittiva, għax jgħaddi mit-trasparenza tal-ħajja.

 

Fl-aħħar nett, Alla hu konkret. Mill-Qari tal-lum joħroġ li fl-imġiba ta’ Alla kollox hu konkret: l-Għerf divin “jaħdem b’sengħa” u “jitliegħeb” (ara Prov 8:30), il-Verb isir laħam, jitwieled minn omm, jitwieled taħt il-liġi (ara Gal 4:4), għandu l-ħbieb tiegħu u jieħu sehem f’festa: l-etern jikkomunika lilu nnifsu biex jgħix fiż-żmien ma’ persuni u f’sitwazzjonijiet konkreti. Anki l-istorja tagħkom, magħġuna fil-Vanġelu, is-Salib u l-fedeltà lejn il-Knisja, ittieħdet pożittivament minn fidi ġenwina, mgħoddija minn familja għall-oħra, minn missier għal iben, u fuq kollox mill-ommijiet u min-nanniet, li rridu nirringrazzjawhom ħafna. B’mod partikulari, stajtu tmissu b’idejkom il-ħlewwa konkreta u providenzjali tal-Omm ta’ kulħadd, li hawn ġejt inqim bħala pellegrin u li sellimnielha fis-Salm bħala “ġieħ tal-poplu tagħna” (Ġudt 15:9).

 

Hu propju lejha li aħna, hawn miġbura, inħarsu. F’Marija nsibu l-korrispondenza sħiħa mal-Mulej: mal-ħjata divina hekk tintiseġ fl-istorja “ħjata Marjana”. Jekk hemm xi glorja umana, xi mertu tagħna fil-milja taż-żminijiet, dan huwa hi: hi dak l-ispazju, miżmum ħieles minn kull għelt, li fih Alla ra mera tiegħu nnifsu; hi t-tarġa li Alla rifes biex niżel għandna, ġie qrib tagħna u sar konkret; hi s-sinjal l-iżjed ċar tal-milja taż-żminijiet.

 

Fil-ħajja ta’ Marija nammiraw dan iċ-ċokon maħbub minn Alla, li “ħares lejn iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu” u “għolla liċ-ċkejknin” (Lq 1:48,52). Hu tant tgħaxxaq biha, li ried li minnha jintiseġ laħmu, hekk li l-Verġni saret dik l-Omm li nisslet lil Alla, kif jipproklama innu antik sew, li sa minn sekli sħaħ intom tkantaw. Lilkom, li qatt ma qtajtu tersqu għandha, tħaffu b’pass imgħaġġel lejn din il-kapitali spiritwali tal-pajjiż, hi tissokta turikom it-triq, u tgħinkom tinsġu, fil-ħajja tagħkom, il-ħjata umli u sempliċi tal-Vanġelu.

 

F’Kana, kif ukoll hawn f’Jasna Góra, Marija toffrilna l-qrubija tagħha, u tgħinna niskopru dak li jonqos mill-milja tal-ħajja. Dakinhar bħal-lum, dan tagħmlu b’għożża ta’ Omm, bil-preżenza u l-parir it-tajjeb, u tgħallimna naħarbu d-deċiżjonijiet mgħaġġla u t-tbarqim minn taħt fil-komunitajiet tagħna. Bħala Omm ta’ familja, tridna nieħdu ħsieb l-aspett ta’ flimkien, ilkoll flimkien. Il-mixja tal-poplu tagħkom fl-għaqda rnexxielha tegħleb ħafna mumenti iebsin; l-Omm, qawwija f’riġlejn is-salib u perseveranti fit-talb mad-dixxipli fl-istennija tal-Ispirtu s-Santu, tqanqalna bix-xewqa li mmorru lil hemm mill-iżbalji u l-ġrieħi tal-imgħoddi, u noħolqu komunjoni ma’ kulħadd, bla qatt inċedu għat-tentazzjoni li niżolaw jew nimponu ruħna.

 

F’Kana, il-Madonna wriet tant konkretezza: hi Omm li għandha għal qalbha l-problemi u tindaħal fihom, li taf liema huma l-mumenti iebsin u b’diskrezzjoni, effikaċja u determinazzjoni tara x’tagħmel biex tgħin. La hi patronizzanti u lanqas protagonista, imma Omm u qaddejja. Nitolbuha l-grazzja li nagħmlu tagħna dik is-sensibbiltà tagħha, il-fantasija tagħha fil-qadi lil min hu fil-bżonn, bla preferenzi u distinzjonijiet. Hi, kawża tal-ferħ tagħna, li ġġib il-paċi qalb il-kotra tad-dnub u t-taħwid tal-istorja, tiksbilna l-kotra bla tarf tal-Ispirtu, biex inkunu qaddejja tajba u fidili.

 

Bl-interċessjoni tagħha l-milja taż-żmien tiġġedded għalina wkoll. Ta’ xejn ma jiswa l-passaġġ minn qabel għal wara Kristu, jekk jibqa’ biss data fl-annali tal-istorja. Jalla jitwettaq, għal kulħadd u għal kull wieħed u waħda, passaġġ interjuri, Għid [mogħdija] tal-qalb lejn l-istil divin imlaħħam f’Marija: meta naħdmu fiċ-ċkunija u nsieħbu mill-qrib, b’qalb sempliċi u miftuħa.

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard