VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU FIL-POLONJA

FL-OKKAŻJONI TAL-XXXI JUM DINJI TAŻ-ŻGĦAŻAGĦ

(27-31 TA’ LULJU 2016)

LAQGĦA MAL-ISQFIJIET POLLAKKI

Katidral ta’ Krakovja

L-Erbgħa 27 ta’ Lulju 2016

 

Il-Papa Franġisku:

Qabel nibdew id-djalogu tagħna, bil-mistoqsijiet li ħejjejtu, nixtieq nagħmel opra ta’ ħniena magħkom kollha u nissuġġerixxi oħra. Naf li f’dawn il-jiem, bil-Jum Dinji taż-Żgħażagħ, ħafna minnkom kontu mħabbtin u ma stajtux tattendu għall-funeral tal-għażiż Mons. Zimowski. Li tidfen il-mejtin hi opra ta’ karità, u nixtieq li lkoll flimkien, issa, nagħmlu talba għal ruħ Mons. Zygmund Zimowski, u ħa tkun din wirja vera ta’ mħabba fraterna, nidfnu lil ħuna li ħalliena. MissiernaSliemaGlorja… Requiem æternam…

 

U mbagħad, l-opra l-oħra tal-ħniena li nixtieq nissuġġerixxi. Jien naf li intom inkwetati fuq dan: l-għażiż tagħna l-Kardinal Macharski li ma jiflaħ xejn… Tal-inqas tersqu qrib, għax naħseb li ma tistgħux tidħlu fejn qiegħed, mitluf minn sensih, imma tal-inqas toqorbu lejn il-klinika, lejn l-isptar, u għall-inqas tmissu l-ħajt biex qiskom tgħidulu: “Għażiż ħija, jien ninsab qrib tiegħek”. Li nżuru l-morda hi opra oħra ta’ ħniena. Anki jien ħa mmur inżuru. Grazzi.

 

U issa, hemm fostkom min ħejja xi mistoqsijiet, tal-inqas waslu għandi. Qed nismagħkom.

 

L-E.T. Mons. Marek Jędraszewski (Arċisqof ta’ Łodź):

Santità, donnu l-fidili tal-Knisja Kattolika u b’mod ġenerali l-Insara kollha fl-Ewropa tal-Punent dejjem qed isibu ruħhom iżjed f’minoranza fil-kultura atea-liberali ta’ żmienna. Fil-Polonja qed naraw konfront qawwi, taqbida enormi bejn fidi f’Alla minn naħa, u min-naħa l-oħra ħsieb u stili ta’ ħajja qisu Alla ma kienx jeżisti. Fil-fehma tiegħek, Santità, x’tip ta’ azzjoni pastorali għandha taqbad il-Knisja Kattolika f’pajjiżna, biex il-poplu Pollakk jibqa’ fidil għat-tradizzjoni Nisranija millenarja tiegħu? Grazzi.

 

Il-Papa Franġisku:

Eċċellenza, int Isqof ta’…?

 

L-E.T. Mons. Marek Jędraszewski:

Ta’ Łodź, fejn bdiet il-mixja ta’ Santa Fawstina; għax propju hemm hi semgħet leħen Kristu jgħidilha tmur Varsavja u tidħol soru, propju f’Łodź. L-istorja ta’ ħajjitha bdiet fil-belt tiegħi.

 

Il-Papa Franġisku:

Xi privileġġ għandek!

 

Huwa minnu, id-dekristjanizzazzjoni, is-sekularizzazzjoni tad-dinja moderna hi qawwija. Qawwija ħafna. Imma xi ħadd jista’ jgħid: Iva, hi qawwija, imma jidhru wkoll fenomeni ta’ reliġjożità, bħallikieku s-sens reliġjuż qed jerġa’ jistenbaħ. U dan jista’ jkun periklu wkoll. Naħseb li aħna, f’din id-dinja hekk sekularizzata, għandna wkoll il-periklu l-ieħor, tal-ispiritwalizzazzjoni Injostika: din is-sekularizzazzjoni tagħtina l-possibbiltà li nkattru ħajja spiritwali xi ftit Injostika. Niftakru li din kienet l-ewwel ereżija tal-Knisja: l-Appostlu Ġwanni attakka lill-Injostiċi – u kif, b’liema qawwa! –, fejn hemm spiritwalità suġġettiva, mingħajr Kristu. Kif naraha jien, l-ikbar problema ta’ din is-sekularizzazzjoni hi d-dekristjanizzazzjoni: li nneħħu lil Kristu, inqaċċtu lill-Iben. Jiena nitlob, inħoss… u xejn iżjed. Dan hu Injostiċiżmu. Hemm ereżija oħra li wkoll qiegħda moda, bħalissa, imma sa nħalliha għall-ġenb għax il-mistoqsija tiegħek, Eċċellenza, teħodna f’din id-direzzjoni. Hemm anki l-Pelaġjaniżmu, imma din inħalluha għalissa, u nitkellmu fuqha ħin ieħor. Li ssib lil Alla mingħajr Kristu: Alla bla Kristu, poplu mingħajr Knisja. Għaliex? Għax il-Knisja hi l-Omm, dik li tagħtik il-ħajja, u Kristu hu Ħuk il-kbir, Bin il-Missier, li hu marbut mal-Missier, li jurina isem il-Missier. Knisja ltima: l-Injostiċiżmu tal-lum, propju għax huwa dekristjanizzazzjoni, bla Kristu, iwassalna għal Knisja, jew biex ngħidu aħjar, għal Insara, għal poplu ltim. U aħna lill-poplu tagħna rridu nuruh b’dan.

 

X’parir nagħti jien? Qed tiġini f’moħħi – imma wara kollox din hi l-prattika tal-Vanġelu, fejn hemm l-istess tagħlim tal-Mulej – il-qrubija. Illum aħna, qaddejja tal-Mulej – isqfijiet, saċerdoti, ikkonsagrati, lajċi konvinti –, jeħtieġ inkunu qrib tal-poplu ta’ Alla. Bla qrubija jkun hemm biss kelma bla laħam. Ejja naħsbu – nieħu gost naħseb f’dan jien – fiż-żewġ pilastri tal-Vanġelu. Liema huma ż-żewġ pilastri tal-Vanġelu? Il-Beatitudnijiet, u mbagħad Mattew 25, il-“protokoll” li fuqu aħna lkoll għad niġu ġġudikati. Konkretezza. Qrubija. Immissu b’idejna. L-opri tal-ħniena, kemm dawk korporali, kemm dawk spiritwali. “Imma int qed tgħid dan għax din is-sena hi moda titkellem fuq il-ħniena…”. Le, dan hu l-Vanġelu! Il-Vanġelu, l-opri tal-ħniena. Hemm dak is-Samaritan, eretiku u ma jemmen f’xejn, li jitqanqal u jagħmel dak li għandu jagħmel, u anki flusu jirriskja! Imiss b’idejh. Hemm Ġesù li kien dejjem qalb in-nies u mal-Missier. Jew jitlob, waħdu mal-Missier, jew qalb in-nies, hemm, mad-dixxipli. Qrib tan-nies. Imiss b’idejh. Din hi l-ħajja ta’ Ġesù… Meta hu tqanqal, f’bieb il-belt ta’ Najn (ara Lq 7:11-17), tqanqal, mar u mess it-tebut u qalilha: “Tibkix…”. Qrubija. U l-qrubija tfisser li tmiss il-ġisem ta’ Kristu li qed ibati. U l-Knisja, il-glorja tal-Knisja, huma l-martri, ċertament, imma huma wkoll tant irġiel u nisa li ħallew kollox u qattgħu ħajjithom fl-isptarijiet, fl-iskejjel, mat-tfal, mal-morda… Niftakar, fl-Afrika Ċentrali, soru ċkejkna, kellha xi 83 jew 84 sena, irqiqa, brava, b’tarbija f’dirgħajha… Ġiet issellimli: “Jien m’iniex minn hawn, jien min-naħa l-oħra tax-xmara, mill-Kongo, imma kull darba, darba fil-ġimgħa, niġi nixtri minn hawn għax iktar jaqbilli”. Qaltli kemm kellha żmien: 83 jew 84 sena. “Ilni hawn minn meta kelli 23 sena: naħdem bħala infermiera fil-Maternità, wellidt elfejn/tlitt elef tarbija…” – “Aħ… u waħdek tiġi hawn?” – “Iva, iva, bil-kanù…”. Ta’ 83 sena! Kienet tagħmel siegħa bil-kanù biex tasal. Din il-mara – u tant oħrajn bħalha – ħallew pajjiżhom – hi Taljana, minn Brescia – ħallew pajjiżhom biex jiġu hawn imissu l-ġisem ta’ Kristu. Jekk aħna mmorru f’dawn il-pajjiżi tal-missjoni, fl-Amażonja, fl-Amerika Latina, fiċ-ċimiterji nsibu l-oqbra ta’ tant reliġjużi rġiel u nisa li mietu żgħar, għax għall-mard ta’ dik l-art ma kellhomx antikorp, u kienu jmutu żgħar. L-opri tal-ħniena: tmiss, tgħallem, tfarraġ, “taħli l-ħin”. Taħli l-ħin. Darba ħadt gost ħafna nisma’ dwar wieħed li mar iqerr u fis-sitwazzjoni li kienet fiha ma setax jirċievi l-assoluzzjoni. Mar xi ftit beżgħan, għax mhux l-ewwel darba li kienu bagħtuh lura: “Le, le… itlaq ’l hemm”. Il-qassis semgħu, fissirlu s-sitwazzjoni, qallu: “Imma int itlob. Alla jħobbok. Jien se nagħtik il-barka, imma int erġa’ ejja, twegħidni?”. U dan il-qassis qagħad “jaħli l-ħin” ma’ dan ir-raġel biex jiġbdu lejn is-sagramenti. Din hi qrubija. U la qed inkellem lill-Isqfijiet dwar qrubija, nemmen li għandi nkellimkom dwar l-iktar qrubija importanti: dik mas-saċerdoti. L-isqof għandu jkun dejjem disponibbli għas-saċerdoti tiegħu. Meta kont l-Arġentina smajt minn ħafna saċerdoti… – ħafna, ħafna drabi, meta kont immur għall-Eżerċizzi, għax kont nieħu gost nagħti l-Eżerċizzi –; kont ngħidilhom: “Tkellem mal-Isqof tiegħek fuq hekk…” – “Le, jien ċempiltlu, u s-segretarja tgħidli: Le, hu mħabbat ħafna ħafna, imma jista’ jarak fi żmien tliet xhur oħra”. Imma dan is-saċerdot qed iħossu ltim, bla missier, bla ħadd qribu, u se jibda nieżel ’l isfel. Meta isqof fil-lista tat-telefonati li daħlu, filgħaxija, xħin jidħol lura, jara t-telefonata ta’ saċerdot, jew dakinhar stess jew l-għada għandu jċempillu. “Iva, imħabbat, imma urġenti?” – “Le, le, imma ejja niftehmu…”. Jalla s-saċerdot iħoss li għandu missier. Jekk lis-saċerdoti nċaħħduhom mill-paternità tagħna, ma nistgħux nistennew minnhom li jkunu missirijiet. U hekk is-sens tal-paternità ta’ Alla aktar jitbiegħed. L-opra tal-Iben hi li jmiss il-miżerji umani: spiritwali u korporali. L-opra tal-Missier: li jkun missier, isqof-missier.

 

Imbagħad, iż-żgħażagħ – għax jeħtieġ nitkellmu fuq iż-żgħażagħ f’dawn il-jiem. Iż-żgħażagħ “idejquna”! Għax dejjem jiġu jgħidulna l-istess affarijiet, jew “jien naħsibha hekk…”, jew “il-Knisja messha…”, u trid il-paċenzja maż-żgħażagħ. Meta kont ġuvni jien sirt naf lil xi qassisin: kien żmien meta l-konfessjonarju kienu jfittxuh ħafna iżjed mil-lum, kienu jgħaddu sigħat sħaħ jisimgħu, jew fl-uffiċċju parrokkjali, jisimgħu l-istess affarijiet… imma b’ħafna paċenzja. U mbagħad, kienu jieħdu liż-żgħażagħ fil-kampanja, fil-muntanji… Aħsbu ftit f’San Ġwanni Pawlu II, x’m’għamilx mal-istudenti universitarji? Iva, kien ikun hemm l-iskola, imma mbagħad kien imur magħhom fil-muntanji! Qrubija. Kien jismagħhom. Kien iqatta’ l-ħin maż-żgħażagħ…

 

Ħaġa tal-aħħar nixtieq nagħfas fuqha, għax nemmn li l-Mulej qed jitlobhielhi: in-nanniet. Intom, li batejtu l-Komuniżmu, l-ateiżmu, dan tafuh: kienu n-nanniet li salvaw u għaddew il-fidi. In-nanniet għandhom il-memorja ta’ poplu, għandhom il-memorja tal-fidi, il-memorja tal-Knisja. Tarmuhomx lin-nanniet! F’din il-kultura tal-iskart, li ġiet propju dekristjanizzata, qed narmu dak li m’għandniex bżonn, li ma jogħġobniex. Le! In-nanniet huma l-memorja tal-poplu, huma l-memorja tal-fidi. U noħolqu kuntatt bejn iż-żgħażagħ u n-nanniet: anki din hi qrubija. Inkunu qrib u noħolqu qrubija. Hekk inwieġeb jien għal din il-mistoqsija. Ma hemmx riċetti, imma rridu ninżlu fl-għalqa. Jekk noqogħdu nistennew it-telefon iċempel jew li jħabbtulna l-bieb… Le. Irridu noħorġu u nfittxu aħna, bħalma jagħmel ir-ragħaj, li joħroġ ifittex in-nagħġiet li ntilfulu. Ma nafx, hekk jiġini li ngħid. Sempliċement.

 

Mons. Sławoj Leszek Głódź (Arċisqof ta’ Danzig):

Għażiż Papa Franġisku, fuq kollox aħna grati ħafna li l-Papa Franġisku niżel aktar fil-fond tat-tagħlim fuq il-ħniena li kien beda San Ġwanni Pawlu II propju hawn fi Krakovja. Ilkoll nafu li qed ngħixu f’dinja maħkuma mill-inġustizzja: l-iżjed għonja qed jistagħnew iżjed, il-foqra f’iktar miżerja, hawn it-terroriżmu, għandna etika u morali liberali, bla Alla… U l-mistoqsija tiegħi hi din: Kif napplikaw it-tagħlim fuq il-ħniena, u ma’ min, fuq kollox? Il-Papa wegħidna mediċina li tissejjaħ “miżerikordina”, li jien ġibt miegħi: grazzi tar-riklam…

 

Il-Papa Franġisku:

imma issa ġejja l-“miżerikordina plus”: din aqwa!

 

L-E.T. Mons. Sławoj Leszek Głódź:

iva, u grazzi ta’ dan il-“plus”. Aħna għandna wkoll il-programm “plus” li l-Gvern stess jipprovdi lill-familji kbar fl-għadd. Dan il-“plus” issa sar  moda. Għal min u kif, fuq kollox? L-ewwel nett, min għandu jkun oġġett tat-tagħlim tagħna fuq il-ħniena? Grazzi.

 

Il-Papa Franġisku:

Grazzi. Din tal-ħniena mhix ħaġa li qabdet u ġiet f’moħħi. Dan hu proċess. Jekk inħarsu lura, diġà l-Beatu Pawlu VI kien tkellem xi ftit fuq il-ħniena. Imbagħad, San Ġwanni Pawlu II kien il-ġgant tal-ħniena, bl-Enċiklika Dives in misericordia, il-kanonizzazzjoni ta’ Santa Fawstina, u mbagħad l-Ottava tal-Għid: miet lejlet dak il-jum. Hu proċess ta’ snin sħaħ fil-Knisja. Jidher li l-Mulej kien qed jitlob lill-Knisja li terġa’ tqajjem fiha dan l-atteġġjament ta’ ħniena fost il-fidili. Hu l-Ħanin li kollox jaħfer. Lili jolqotni ħafna l-kapitell Medjevali fil-Bażilika ta’ Santa Marija Maddalena f’Vézelay, fi Franza, fejn jibda l-Pellegrinaġġ ta’ Santiago. F’dak il-kapitell, fuq naħa hemm Ġuda mgħallaq, b’għajnejh miftuħa, ilsienu barra, u fuq in-naħa l-oħra hemm ir-Ragħaj it-Tajjeb li qed jerfgħu fuq spallejh. U jekk inħarsu sewwa, bir-reqqa, wiċċ ir-Ragħaj it-Tajjeb, xofftejh minn naħa huma mdejqa, imma min-naħa l-oħra jidhru jitbissmu. Il-ħniena hi misteru, hi misteru. Hi l-misteru ta’ Alla. Għamluli intervista, li mbagħad minnha ħareġ il-ktieb jismu L-isem ta’ Alla huwa ħniena, imma din hi espressjoni ġurnalistika, naħseb li nistgħu ngħidu li Alla hu l-Missier ħanin. Tal-inqas, Ġesù fil-Vanġelu hekk jurihulna. Jikkastiga biex iwassal għall-konverżjoni. U mbagħad il-parabboli tal-ħniena, u l-mod kif hu ried isalvana… Meta waslet il-milja taż-żminijiet, għamel li Ibnu jitwieled minn mara: bil-ġisem, isalvana bil-ġisem; mhux bil-biża’, imma bil-ġisem. F’dan il-proċess tal-Knisja aħna nirċievu daqshekk grazzji.

 

U int qed taraha din id-dinja marida bl-inġustizzja, b’nuqqas ta’ mħabba, b’korruzzjoni. Imma dan hu minnu, dan hu minnu. Illum, fuq l-ajruplan, aħna u nitkellmu fuq dan is-saċerdot ta’ fuq tmenin sena li nqatel fi Franza: ilni ngħid li d-dinja tinsab fi gwerra, li qed ngħixu t-Tielet Gwerra Dinjija f’biċċiet. Aħsbu fin-Niġerija… Ideoloġiji, iva, imma liema hi l-ideoloġija tal-lum, li tinsab propju fil-qalba u li hi omm il-korruzzjoni kollha, il-gwerer kollha? L-idolatrija tal-flus. M’għadux il-bniedem fil-quċċata tal-ħolqien, hemm qegħidna lill-alla flus, u kollox jinxtara u jinbiegħ bil-flus. Fiċ-ċentru poġġejna l-flus. Nisfruttaw in-nies. U t-traffikar tal-persuni fi żmienna? Dejjem hekk kien: il-kefrija! Tkellimt fuq dan is-sentiment ma’ Kap ta’ gvern u qaltli: “Dejjem kien hawn il-kefrija. Il-problema hi li issa aħna qed narawha fuq it-televiżjoni, qorbot ħafna iżjed lejn ħajjitna”. Imma dejjem dik il-kefrija. Qtil, għall-flus. Sfruttar tan-nies, sfruttar tal-ħolqien. Kap ta’ gvern Afrikan, elett dan l-aħħar, meta ġie f’udjenza għandi, qalli: “L-ewwel att li għamilt bħala gvern kien ir-riforestazzjoni tal-pajjiż, li kien ġie deforestat u meqrud”. M’aħniex nieħdu ħsieb tal-ħolqien! U dan jissarraf f’iżjed foqra, iżjed korruzzjoni. Imma x’naħsbu aħna meta t-80% – ftit jew wisq, fittxu sew l-istatistiċi u jekk mhumiex 80, huma 82 jew 78 – tal-ġid jinsab f’idejn inqas mill-20% tan-nies! “Dun, titkellemx hekk ta, għax tkun Komunista!”. Le, le, dawn huma l-istatistiċi! U min qed iħallas għal dan? Qed tħallas in-nies, il-poplu ta’ Alla: it-tfajliet abbużati, iż-żgħażagħ bla xogħol. Fl-Italja, minn 25 sena ’l isfel l-40% huma bla xogħol; fi Spanja, il-50%; fil-Kroazja, is-47%. Għaliex? Għax hemm ekonomija likwida, li tiffavorixxi l-korruzzjoni. Wieħed Kattoliku kbir irrakkontali skandalizzat li mar għand ħabib tiegħu imprenditur: “Ħa nurik kif naqla’ għoxrin elf dollaru bla ma niċċaqlaq mid-dar”. U bil-kompjuter, mill-Kalifornja, xtara ma nafx xiex u biegħu liċ-Ċina: f’għoxrin minuta, f’inqas minn għoxrin minuta, kien qala’ dawn l-għoxrin elf dollaru. Kollox sar likwidu! U ż-żgħażagħ m’għandhomx il-kultura tax-xogħol, għax m’għandhomx xogħol! L-art mietet, għax ġiet sfruttata bla għaqal. U nistgħu nibqgħu sejrin. Id-dinja qed tisħon, għaliex? Għax irridu naqilgħu. Il-qligħ. “Ċedejna għall-idolatrija tal-flus”: dan qalhuli Ambaxxatur meta ġie għall-Kredenzjali. Din idolatrija.

 

Il-Ħniena Divina hi x-xhieda, ix-xhieda ta’ ħafna nies, ta’ tant irġiel u nisa, lajċi, żgħażagħ li jaħdmu: fl-Italja, ngħidu aħna, il-koperativiżmu. Iva, hemm ħafna moħħhom jilħqilhom qatigħ, imma dejjem isir il-ġid, isiru affarijiet tajbin. U mbagħad l-istituzzjonijiet għall-kura tal-morda: organizzazzjonijiet b’saħħithom. Ejja nimxu dik it-triq, nagħmlu li nistgħu biex tikber id-dinjità umana. Imma veru dak li qed tgħid int. Qed ngħixu l-analfabetiżmu reliġjuż, hekk li f’xi santwarji tad-dinja tibda titħawwad: tmur biex titlob, u ssib il-ħwienet mnejn tixtri oġġetti ta’ devozzjoni, il-kuruni… imma hemm xi wħud li jbigħu oġġetti ta’ superstizzjoni, għax qed infittxu s-salvazzjoni fis-superstizzjoni, fl-analfabetiżmu reliġjuż, dak ir-relattiviżmu li jħawwad ħaġa ma’ oħra. U hemm neħtieġu l-katekeżi, il-katekeżi tal-ħajja. Il-katekeżi li tfisser mhux biss nagħtu kunċetti, imma nsieħbu lil min jimxi. Li nsieħbu hu wieħed mill-atteġġjamenti l-iżjed importanti! Insieħbu l-maturità fil-fidi. Hi ħidma kbira u ż-żgħażagħ qed jistennewh dan! Iż-żgħażagħ qed jistennew… “Imma jekk nibda nitkellem jien, jiddejqu!”. Int agħtihom x’jagħmlu. Għidilhom biex fil-vaganzi jmorru jqattgħu ħmistax jgħinu fil-bini ta’ djar modesti għall-foqra, jew biex jagħmlu xi ħaġa oħra. Ħa jibdew iħossu li jiswew għal xi ħaġa. U hemm ħalli ż-żerriegħa ta’ Alla taqa’. Bil-mod. Imma bil-paroli biss il-ħaġa ma timxix! L-analfabetiżmu reliġjuż tal-lum irridu naffrontawh bi tliet lingwaġġi, bi tliet lingwi: il-lingwa tal-ħsieb, il-lingwa tal-qalb u l-lingwa tal-idejn. It-tlieta annuna ma’ xuxin.

 

Ma nafx… Qed inpaċpaċ ħafna! Huma ideat li qed naqsam magħkom. Intom, bil-prudenza tagħkom, tafu x’għandkom tagħmlu. Imma kunu dejjem Knisja li toħroġ. Darba ssograjt ngħid: hemm dak il-vers tal-Apokalissi: “Jien ninsab fil-bieb u qed inħabbat” (3:20); Hu qed iħabbat il-bieb, imma nistaqsi lili nnifsi kemm drabi l-Mulej iħabbat il-bieb minn ġewwa, biex aħna niftħuhulu u hu jista’ joħroġ magħna biex jieħu l-Vanġelu barra. Mhux magħluqin, imma barra! Noħorġu, noħorġu! Grazzi.

 

L-E.T. Mons. Leszek Leszkiewicz (Isqof Awżiljarju ta’ Tarnów):

Santità, l-impenn pastorali tagħna hu msejjes l-aktar fuq il-mudell tradizzjonali tal-komunità parrokkjali, imfassla fuq il-ħajja sagramentali. Mudell li hawn għadu jagħti l-frott tiegħu. Madankollu qed nintebħu li, anki hawn, il-kundizzjonijiet u ċ-ċirkustanzi tal-ħajja ta’ kuljum qed jinbidlu b’rata mgħaġġla u jqanqlu lill-Knisja biex tfittex modalitajiet pastorali ġodda. Ragħajja u fidili jixbhu xi ftit lil dawk id-dixxipli li jisimgħu, jagħmlu ħafna, imma mhux dejjem jagħrfu jaħsdu l-frott tad-dinamiżmu missjunarju interjuri u esterjuri tal-komunitajiet ekkleżjali. Santità, fl-Evangelii gaudium int titkellem dwar id-dixxipli missjunarji li b’ħeġġa jwasslu l-Bxara t-Tajba fid-dinja tal-lum. X’tissuġġerilna? Xi tħeġġiġna nagħmlu, biex nistgħu nibnu fid-dinja tagħna l-komunità tal-Knisja b’mod li jħalli l-frott, għammiel, bil-ferħ, b’dinamiżmu missjunarju?

 

Il-Papa Franġisku:

Grazzi! Nixtieq nagħfas fuq punt: il-parroċċa tibqa’ dejjem valida! Il-parroċċa trid tibqa’: hi binja li ma nistgħux narmuha mit-tieqa ’l barra. Il-parroċċa hi sewwasew id-dar tal-Poplu ta’ Alla, fejn hu jgħammar. Il-problema hi kif tippreżenta ruħha l-parroċċa! Hemm parroċċi b’segretarji parrokkjali li donnhom “dixxipli ta’ Satana”, li jwerwru n-nies! Parroċċi bil-bibien magħluqa. Imma hemm ukoll parroċċi bil-bibien miftuħa, parroċċi fejn, meta jiġi xi ħadd jistaqsi, jgħidulu: “Iva, iva… Poġġi bilqiegħda. X’inhi l-problema?…”. U jisimgħuh bis-sabar… għax biex tieħu ħsieb il-Poplu ta’ Alla mhix ħaġa ħafifa, tegħjik! Professur bravu universitarju, Ġiżwita, li jaf sew Buenos Aires, meta ħareġ bil-pensjoni talab lill-Provinċjal jibagħtu kappillan f’lokal biex jagħmel esperjenza oħra hemm. Darba fil-ġimgħa kien jiġi l-Fakultà – hu kien jiddipendi minn dik il-komunità – u jum wieħed qalli: “Għid lill-professur tiegħek tal-Ekkleżjoloġija li fit-trattat tiegħu hemm żewġ teżijiet neqsin” – “Liema?” – “L-ewwel: il-Poplu Qaddis ta’ Alla essenzjalment jegħjik. U t-tieni: il-Poplu Qaddis ta’ Alla ontoloġikament jagħmel dak li jidhirlu l-aħjar. U dan jegħjik!”. Illum li tkun kappillan hi ħaġa li tegħjik: li tmexxi parroċċa mhix biċċa xogħol ħafifa, f’din id-dinja tal-lum b’tant problemi. U l-Mulej sejħilna biex negħjew xi ftit, biex naħdmu bla mistrieħ. Il-parroċċa tegħjik meta hi mibnija tajjeb. It-tiġdid tal-parroċċa hu waħda mill-affarijiet li l-isqfijiet għandhom dejjem iżommu quddiem għajnejhom: Kif sejra din il-parroċċa? X’int tagħmel? Kif sejra l-katekeżi? Kif tgħallimha? Hi miftuħa? Tant ħwejjeġ… Qed tiġini f’moħħi parroċċa fi Buenos Aires; meta jiġu l-għarajjes: “Aħna nixtiequ niżżewġu hawn…” – “Iva”, tgħidilhom is-segretarja, “dawn huma l-prezzijiet”. Dan mhux sew, ma rridux parroċċa hekk. Kif qed nilqgħuhom lill-persuni li jiġu għandna? Kif qed nisimgħuhom? Dejjem issib lil xi ħadd fil-konfessjonarju? Fil-parroċċi – mhux dawk fil-kwartieri żgħar, imma fil-parroċċi taċ-ċentru, fit-toroq il-kbar – jekk hemm konfessjonarju bid-dawl mixgħul, in-nies dejjem ħa tmur. Dejjem! Parroċċa li tilqa’. Aħna l-isqfijiet jeħtieġ nistaqsu lis-saċerdoti tagħna: “Kif sejra l-parroċċa tiegħek? U int qed toħroġ? Iżżur il-ħabsin, il-morda, ix-xjuħ? U mat-tfal x’int tagħmel? Kif tipprovdilhom għal-logħob u tmexxi l-oratorju?”. Hi waħda mill-ikbar istituzzjonijiet parrokkjali, tal-inqas fl-Italja. L-oratorju: hemm it-tfal jilagħbu u ngħaddulhom kelma, xi ftit tal-katekeżi. Imorru lura d-dar għajjenin, kuntenti u b’żerriegħa tajba. Il-parroċċa hi importanti! Hemm min jgħid li l-parroċċa m’għadhiex tiswa, għax issa hi s-siegħa tal-movimenti. Dan mhuwiex minnu! Il-movimenti jgħinu, imma l-movimenti ma għandhomx ikunu alternattiva għall-parroċċa: għandhom jgħinu fil-parroċċa, imexxu ’l quddiem il-parroċċa, bħalma hemm il-Kongregazzjoni Marjana, bħalma hemm l-Azzjoni Kattolika, u tant realtajiet oħra. Infittxu l-ġdid u nibdelu l-istruttura parrokkjali? Dak li ħa ngħidilkom forsi jista’ jidher ereżija, imma dan kif ngħixu jien: nemmen li din hi ħaġa analoga għall-istruttura episkopali, hi differenti, imma analoga. Il-parroċċa ma tintmessx: għandha tibqa’ post ta’ kreattività, ta’ riferiment, ta’ maternità u dawn il-ħwejjeġ kollha. U hemm inwettqu dik il-ħila inventiva; u meta parroċċa timxi hekk, ikun jitwettaq dak li – f’riferiment għad-dixxipli missjunarji – jiena nsejjaħlu “parroċċa li toħroġ”. Ngħidu aħna, tiġini f’moħħi parroċċa – eżempju sabiħ li mbagħad ħafna imitawh – f’pajjiż li fih ma kienx komuni jgħammdu lit-tfal, għax ma kienx hemm flus; imma għall-festa tal-qaddis patrun il-festa kienu jippreparaw għaliha minn xi tlieta jew erba’ xhur qabel, biż-żjajjar fid-djar u hemm stajt tara kemm kien hemm tfal għadhom mhumiex mgħammda. Jiġu ppreparati l-familji u wieħed mill-atti tal-festa patronali kien ikun il-Magħmudija ta’ xi tletin jew erbgħin tifel u tifla li, kieku, kienu jibqgħu bla Magħmudija. Nivvintaw ħwejjeġ bħal dawn. In-nies m’għadhiex tiżżewweġ bil-knisja. Qed tiġini f’moħħi laqgħa ta’ saċerdoti; wieħed qam u qal: “Qatt ġiekom f’moħħkom għaliex?”. U ta ħafna raġunijiet li aħna ma napprovawx: il-kultura ta’ żmienna, u oħrajn. Imma hemm għadd kbir ta’ nies li ma jiżżewġux għax illum li tiżżewweġ sar jiswa ħafna flus! Kollox jiswa, it-tieġ… Hu fatt soċjali. U dan il-kappillan, li kien kreattiv ħafna, qal: “Min irid jiżżewweġ, jien qed nistennieh”. Għax fl-Arġentina hemm żewġ żwiġijiet: dejjem trid tmur l-uffiċċju taċ-ċivil u hemm isir iż-żwieġ ċivili, u mbagħad tmur fit-tempju tar-reliġjon tiegħek u tiżżewweġ. Xi wħud – ħafna! – ma jiġux jiżżewġu għax m’għandhomx flus biex jagħmlu tieġ kbir… Imma s-saċerdoti li jħaddmu ftit moħħhom jgħidulhom: “Le, le! Nistenniek!”. Dakinhar, l-uffiċċju ċivili ż-żwieġ isir fil-11.00-12.00-13.00-14.00: dakinhar jien ma norqodx waranofsinhar! Wara ż-żwieġ ċivili jiġu l-knisja, jiżżewġu u jmorru fis-sliem. Nivvintaw, infittxu, noħorġu, infittxu n-nies, nidħlu fiż-żarbun tan-nies. Imma parroċċa-uffiċċju llum mhix tajba! Għax in-nies mhix iddixxiplinata. Intom għandkom poplu dixxiplinat, u din hi grazzja minn Alla! Imma ġeneralment mhix iddixxiplinata. Qed naħseb f’pajjiżi: in-nies, jekk ma toħroġx tfittixha, jekk ma tippruvax tersaq lejha int, mhix ħa tiġi. U dan hu d-dixxiplu missjunarju, il-parroċċa li toħroġ. Noħorġu nfittxu, kif għamel Alla li bagħat lil Ibnu jfittixna.

 

Ma nafx jekk din kinitx tweġiba sempliċistika, imma jien m’għandix oħra. Miniex xi pastoralista għaref, ngħid dak li jiġini f’moħħi.

 

L-E.T. Mons. Krzysztof Zadarko (Isqof Awżiljarju ta’ Koszalin-Kołobrzeg):

Santità, waħda mill-eqqel problemi li qed tħabbat wiċċha magħhom l-Ewropa tal-lum hi l-kwistjoni tar-rifuġjati. Kif nistgħu ngħinuhom, ladarba huma daqshekk ħafna fl-għadd? U x’nistgħu nagħmlu biex negħlbu l-biża’ minn invażjoni jew aggressjoni tagħhom, li jaf jipparalizza lis-soċjetà kollha?

 

Il-Papa Franġisku:

Grazzi! Il-problema tar-rifuġjati… Mhux dejjem kienu hekk ir-rifuġjati. Ngħidu immigranti u rifuġjati, neħduhom bħala ħaġa waħda. Missieri hu immigrant. U jien kont qed nirrakkonta lill-President [tal-Polonja] li fil-fabbrika fejn kien jaħdem kien hemm ħafna immigranti Pollakki, ta’ wara l-Gwerra; kont għadi tifel u sirt naf ħafna minnhom. Pajjiżi hu pajjiż ta’ immigranti, kollha… U hemm ma kienx hemm problemi; kien żmien ieħor, verament. Illum, għaliex hawn tant immigrazzjoni? M’iniex nitkellem fuq l-emigrazzjoni mill-pajjiż ta’ dak li jkun għas-safar: dan minħabba nuqqas ta’ xogħol. Hu ċar li jmorru jfittxu x-xogħol barra. Din hi problema interna, li anki intom għandkom xi ftit… Qed nitkellem fuq dawk li jiġu għandna: jaħarbu mill-gwerer, mill-ġuħ. Il-problema hemm qiegħda. U għaliex qiegħda hemm il-problema? Għax f’dik l-art hemm sfruttament tan-nies, hemm abbuż tal-art, hemm abbuż għall-qligħ ta’ iżjed flus. Meta nisimgħu ekonomisti tad-dinja, li qed jiflu din il-problema, dawn jgħidu: ma ninvestux f’dawk il-pajjiżi; kieku jinvestu hemm, dawn ikollhom ix-xogħol u ma jkollhomx bżonn jemigraw. Imma hemm il-gwerra! Hemm il-gwerra tat-tribujiet, ċerti gwerer ideoloġiċi jew xi gwerer artifiċjali, magħmula mit-traffikanti tal-armi li jgħixu fuq hekk: jagħtu l-armi lilek li int kontra dawk, u lil dawk li huma kontrik. U hekk jgħixu huma! Tassew li l-korruzzjoni hi fl-għeruq tal-immigrazzjoni. Kif ħa nagħmlu? Jiena nemmen li kull pajjiż għandu jara kif u meta: mhux il-pajjiżi kollha l-istess; mhux il-pajjiżi kollha għandhom l-istess possibbiltajiet. Imma iva, kollha għandhom il-possibbiltà li jkunu ġenerużi! Ġenerużi bħala Nsara. Ma nistgħux ninvestu hemm, imma għal dawk li jiġu… Kemm u kif? Ma tistax tagħti tweġiba universali, għax l-akkoljenza tiddependi mis-sitwazzjoni ta’ kull pajjiż u anki mill-kultura. Imma żgur li jistgħu jsiru ħafna affarijiet. Ngħidu aħna t-talb: darba fil-ġimgħa l-adorazzjoni tas-Santissmu Sagrament b’talb għal dawk li qed iħabbtu fuq il-bieb tal-Ewropa u mhux jirnexxielhom jidħlu. Xi wħud jirnexxielhom, imma oħrajn le… Imbagħad jidħol wieħed u jaqbad triq li ġġib il-biża’. Għandna pajjiżi li għarfu jintegraw tajjeb l-immigranti, ilhom snin! Għarfu jintegrawhom tajjeb. F’oħrajn, b’xorti ħażina, inħolqu bħal ghetti. Trid issir riforma sħiħa, fuq livell dinji, għal dan l-impenn, għal din l-akkoljenza. Imma hu aspett relattiv: assoluta hi l-qalb miftuħa biex tilqa’. Dan hu l-assolut! Bit-talb, bl-interċessjoni, nagħmel dak kollu li nista’. Relattiv hu l-mod kif nista’ nagħmlu: mhux kulħadd jista’ jagħmlu bl-istess mod. Imma l-problema hi dinjija! L-isfruttament tal-ħolqien, u l-isfruttament tal-persuni. Qed ngħixu żmien li jrid iħassar ix-xbieha ta’ Alla fil-bniedem.

 

U hawn nixtieq nagħlaq b’dan l-aspett, għadx wara dan hemm l-ideoloġiji. Fl-Ewropa, fl-Amerika, fl-Amerika Latina, fl-Afrika, f’xi pajjiżi tal-Asja, għandna veri kolonizzazzjonijiet ideoloġiċi. U waħda minn dawn – qed insemmiha ċar b’“isimha u kunjomha” – hi [it-teorija] tal-ġeneru! Illum lit-tfal – lit-tfal! – l-iskola qed jgħallmuhom dan: li kulħadd jista’ jagħżel hu s-sess tiegħu. U għaliex qed jgħallmu dan? Għax il-kotba huma dawk tal-persuni u tal-istitituzzjonijiet li jagħtuk l-iżjed flus. Din hi l-kolonizzazzjoni ideoloġika, imwieżna wkoll mill-aktar pajjiżi influwenti. U din hi ħaġa kerha ħafna. Jiena u nitkellem mal-Papa Benedittu, li jinsab tajjeb u għandu moħħu ċar, qalli: “Santità, din hi l-epoka tad-dnub kontra Alla l-Ħallieq!”. X’intelliġenza! Alla ħalaq ir-raġel u l-mara; Alla ħalaq id-dinja hekk, hekk, hekk…, u aħna qed nagħmlu bil-maqlub. Alla tana stat “inkult”, biex aħna nikkulturawh; u mbagħad, b’din il-kultura, qed nagħmlu affarijiet li bihom nerġgħu lura għall-istat “inkult”! Dak li qal il-Papa Benedittu ta’ min jaħseb fuqu: “Hi l-epoka tad-dnub kontra Alla Ħallieq!”. U dan jista’ jgħinna.

 

Imma int, Kristofru, ħa tgħidli: “X’għandu x’jaqsam dan mal-immigranti?”. Dan hu xi ftit jew wisq il-kuntest, tafx? Dwar l-immigranti ngħidlek: il-problema hemm qiegħda, f’arthom. Imma kif għandna nilqgħuhom? Kull wieħed u waħda jrid jara hu kif. Imma lkoll għandu jkollna qalbna miftuħa u naħsbu kif nistgħu nqattgħu xi siegħa fil-parroċċa, xi siegħa fil-ġimgħa, ta’ adorazzjoni u ta’ talb għall-immigranti. It-talb iċaqlaq il-muntanji!

 

Dawn kienu l-erba’ mistoqsijiet. Ma nafx… Skużawni jekk paċpaċt ħafna, imma d-demm Taljan jittradini…

 

Grazzi ħafna tal-laqgħa ta’ merħba li tajtuni u nittamaw li dawn il-jiem jimlewna bil-ferħ: bil-ferħ, b’ferħ kbir. U nitolbu lill-Madonna, li hi Omm u li żżommilna dejjem idejna.

 

Salve Regina…

 

U lin-nanniet tinsewhomx, huma l-memorja ta’ poplu.

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard