D. – Il-lejla t-tajba, Santità. Qabelxejn grazzi li sibt il-ħin – anki jekk għadek kemm wasalt Krakovja – għal dan il-kollegament magħna. Ma ridtx tibqa’ lura milli tkun hawn magħna, illejla. Grazzi, Santità. Hawn xi żgħażagħ hawn li, f’isem id-disgħin elf Taljan preżenti fi Krakovja, jixtiequ jagħmlulek xi mistoqsijiet, u jinsabu hawn, dawn iż-żgħażagħ.

             

Żagħżugħa:

Wara l-inċident bil-ferrovija tat-12 ta’ Lulju aħna bżajna naqbdu t-tren. Jien ta’ kuljum naqbad it-tren biex immur l-università, u dakinhar ma kontx fuq it-tren b’kumbinazzjoni. Kuljum noqgħod fl-ewwel kabini, u hemm kont niltaqa’ u nsellem lil Luciano, wieħed mis-sewwieqa li b’xorti ħażina tilef ħajtu fl-inċident. F’dawk mit-trejns aħna nħossuna d-dar, imma issa qed nibżgħu. Nixtieq nistaqsik: Kif nistgħu nerġgħu lura għan-normalità? Kif nistgħu negħlbu dan il-biża’ u nkomplu, nerġgħu niksbu l-ferħ imqar jekk fuq dawk it-trejns, li huma t-trejns tagħna, it-tieni dar tagħna?

 

Il-Papa Franġisku:

Dak li seħħ hu ġerħa; xi wħud, fl-inċident, indarbu f’ġisimhom, u int indrabt f’ruħek, fil-qalb tiegħek, u din il-ġerħa tissejjaħ biża’. U meta inti tħoss dan, tħoss il-ġerħa ta’ xokk. Int dritt tixxokkja ruħek, xokk li ma jħallixk toqgħod kwieta, iweġġgħek. Imma dan ix-xokk jagħtik ukoll l-opportunità li tegħleb lilek innifsek, li tmur lil hemm. U kif dejjem jiġri fil-ħajja, meta aħna nisfaw midruba, jibqgħu l-marki jew il-grif. Il-ħajja mimlija grif, il-ħajja mimlija grif, mimlija. U hekk int dejjem sa tiftakar f’Luciano, f’dak, fl-ieħor… li issa m’għadux magħna għax miet fl-inċident. U int, kull darba li tirkeb it-tren, ħa tħoss il-marka – biex ngħidu hekk – ta’ dik il-ġerħa, ta’ dik il-girfa, ta’ dak li jġagħlek tbati. U int għadek żagħżugħa, imma l-ħajja mimlija b’dawn l-affarijiet… U l-għerf, li titgħallem tkun raġel għaref, mara għarfa, hu propju dan: li f’ħajtek iġġorr kemm l-affarijiet sbieħ u kemm dawk koroh. Hemm ħwejjeġ li ma jistgħux jibqgħu hekk, u hemm ħwejjeġ sbieħ ħafna. Imma jiġri wkoll bil-kontra: kemm żgħażagħ bħalkom ma jistgħux jibqgħu jgħixu bil-ferħ ta’ ħwejjeġ sbieħ, u jippreferu jitilqu kollox, jaqgħu taħt difer id-droga, jew iħallu l-ħajja tirbħilhom! Fl-aħħar il-partita din hi: jew tirbaħ int jew tirbaħlek, il-ħajja! Irbħilha int lill-ħajja, aħjar! U dan agħmlu b’kuraġġ, anki bi tbatija. U meta hemm il-ferħ, dan agħmlu bil-ferħ, għax il-ferħ iżommok miexja u jsalvak minn marda kiefra: li tiġġennen u ssir nervuża. Nitlobkom, le, hekk le!

 

Żagħżugħa:

Għażiż Papa Franġisku, jisimni Andrea, għandi ħmistax-il sena u ġejja minn Bergamo. Wasalt l-Italja ta’ disa’ snin, jiġifieri xi sitt snin ilu. Sħabi tal-età tiegħi bdew jgħadduni biż-żmien, billi kont għadni kemm wasalt, u dan bi kliem pjuttost offensiv. Għall-bidu, billi t-Taljan ma tantx kont nifhmu, ma kontx naqbad il-kliem xi jfisser, u allura kont anki nħallihom jgħidu. Imbagħad, meta bdejt nifhem, ħadtha bi kbira ħafna, imma ma kontx inweġibhom: ma ridtx naqa’ għal-livell tagħhom. Hekk għaddejt ħafna snin, sal-aħħar tat-tielet sena tas-sekondarja, meta esaġerawha wisq bil-messaġġi offensivi fuq il-midja soċjali, li mħabba fihom prattikament kont inħossni inutli u kont iddeċidejt li ntemm ħajti b’idejja, għax skond jien f’dak iż-żmien ma kont għadni niswa għal xejn u kont inħossni mwarrba minn kulħadd, mid-dinja ċkejkna tiegħi… U għalhekk ippruvajt inneħħi ħajti, nagħmel suwiċidju. Ma rnexxilix, u ħaduni l-isptar. U hemm fhimt li ma kontx jien il-marida, li ma kontx jien li kelli bżonn il-kura, li ma kienx jixraqli li nkun hemm fl-isptar, magħluqa. Huma li kienu żbaljaw, huma li kellhom bżonn il-kura, mhux jien. Hekk għollejt il-moral u ddeċidejt li ma ridtx inneħħi iżjed ħajti għax ma kellix għalfejn, għax jien stajt inkun b’saħħti. U fil-fatt issa ninsab tajba u nħossni tassew b’saħħti. U minn naħa mnalla ttrattajt lili nnifsi hekk ħażin, għax issa jiena b’saħħti, xi ftit anki mertu tagħhom, għax huma ġabuni f’dik is-sitwazzjoni. Jien issaħħaħt għax emmint fija nnifsi, fil-ġenituri tiegħi, u emmint li stajt nasal, u fil-fatt irnexxieli. U ninsab hawn, u nħossni kburija li qiegħda hawn.

 

Jien xtaqt nistaqsik: billi jien xi ftit ħfirtilhom, għax ma rrid nobgħod lil ħadd, xi ftit ħfirtilhom, imma xorta għadni nħossni xi ftit ħażin… ridt nistaqsik: Kif nagħmel biex naħfer lil dawn il-persuni? Kif nagħmel biex naħfrilhom għal dak kollu li għamluli?

 

Il-Papa Franġisku:

Grazzi tax-xhieda tiegħek. Int tkellimt fuq problema komuni ħafna fost it-tfal u anki fost il-persuni li m’għadhomx tfal: il-kattiverija. Imma kun af li anki t-tfal xi drabi jistgħu jkunu kattivi, u kapaċi jferuk fejn l-iktar li jistgħu jweġġgħuk: iweġġgħulek qalbek, iweġġgħulek id-dinjità, iweġġgħulek anki n-nazzjonalità, kif inhu l-każ tiegħek, le? Ma kontx tifhem sew it-Taljan u kienu jgħadduk biż-żmien bl-ilsien, bil-kliem… Il-kattiverija hi atteġġjament uman li hu fil-qafas tal-gwerer kollha, ta’ kollha. Il-kattiverija li ma tħallix il-persuna l-oħra tikber, il-kattiverija li toqtol lill-ieħor, il-kattiverija li toqtol anki l-fama tajba ta’ persuna oħra. Meta persuna tqassas u ssekses kontra l-oħra, tkun kattiva: tkun kattiva għax teqred il-fama tal-persuna. Imma int taf, jien nieħu gost nuża din l-espressjoni meta nitkellem fuq din il-kefrija tal-ilsien: is-seksik hu terroriżmu; hu t-terroriżmu tat-tqassis. Il-kattiverija tal-ilsien, jew dik li int ħassejt, hi bħal min jixħet bomba biex jeqred lilek jew lil xi ħadd ieħor, u dak li jixħitha ma jinqeridx. Dan hu terroriżmu, hi ħaġa li rridu negħlbu. Kif negħlbuha din? Int għażilt it-triq it-tajba: is-skiet, is-sabar u għalaqt b’dik il-kelma hekk sabiħa: il-maħfra. Imma li taħfer mhix ħaġa ħafifa, għax wieħed jista’ jgħid: “Iva, jien naħfer imma ma ninsiex”. U int dejjem sa ġġorr miegħek din il-kattiverija, dan it-terroriżmu tal-kliem iebes, tal-kliem li weġġgħek u li pprova jixħtek ’il barra mill-komunità. Hemm kelma bit-Taljan li jien ma kontx naf xi tfisser. Tgħallimtha meta bdejt niġi hawn l-Italja: “extrakomunitarji”, b’riferenza għall-persuni ta’ pajjiżi oħra li jiġu jgħixu fostna. U propju din il-kattiverija tagħmel mod li int, li ġejja minn pajjiż ieħor, tħossok “extrakomunitarja”: iqalftuk ’il barra mill-komunità, ma jilqgħukx. U din ħaġa li rridu niġġeldulha ħafna. Int kont kuraġġjuża! Kont ħafna kuraġġjuża f’dan. Imma hemm bżonn niġġieldu kontra dan it-terroriżmu tal-ilsien, kontra dan it-terroriżmu tat-tqassis, tal-insulti, ta’ min irid ikeċċi lin-nies, iva, b’insulti jew billi jgħidilhom ħwejjeġ li jweġġgħulhom qalbhom. Nistgħu naħfru għalkollox? Hi grazzja li jeħtieġ nitolbu lill-Mulej. Aħna, minna nfusna, ma nistgħux: nagħmlu l-isforz, int għamiltu; imma din hi grazzja li jagħtik il-Mulej, il-maħfra, li taħfer lill-għadu, taħfer lil min weġġgħek, min għamillek id-deni. Meta Ġesù fil-Vanġelu jgħidilna: “Lil min jagħtik daqqa ta’ ħarta fuq ħaddek, dawwarlu l-ieħor”, qed ifisser: ħalli f’idejn il-Mulej dan l-għerf tal-maħfra, li hu grazzja. Imma aħna rridu nagħmlu dak kollu li nistgħu biex naħfru. Nirringrazzjak tax-xhieda tiegħek. U hemm anki mġiba oħra li teħodha sewwasew kontra dan it-terroriżmu tal-ilsien, sew jekk seksik, insulti u dan kollu: hi l-imġiba tal-ħlewwa. Tiskot, tittratta sew lill-oħrajn, ma tweġibx b’xi ħaġa oħra kerha. Bħal Ġesù: Ġesù kien ta’ qalb ħelwa. Il-ħlewwa tal-qalb. U aħna qed ngħixu f’dinja fejn għal insult int twieġeb b’ieħor, ħaġa normali din. Ninsultaw lil xulxin, u neqsin mill-ħlewwa tal-qalb. Ejjew nitolbu l-grazzja tal-ħlewwa, il-ħlewwa tal-qalb. U dik hi wkoll grazzja li tiftaħ it-triq għall-maħfra. Nirringrazzjak ta’ din ix-xhieda tiegħek.

 

Żagħżugħ:

Għażiż Papa Franġisku, aħna tliet żgħażagħ u saċerdot minn fost it-350 li telqu minn Verona biex jiġu għal dan il-JDŻ imma kellhom iwaqqfu l-vjaġġ tagħhom f’Munich, nhar il-Ġimgħa, wara l-attentat li lkoll għexna, għax konna hemm f’dawk is-sigħat. Qalulna nerġgħu lura d-dar, ġejna obbligati nerġgħu lura d-dar, għax aħna ridna nkomplu bil-vjaġġ tagħna imma ma ħallewniex. B’xorti tajba, meta rġajna lura, tawna l-possibbiltà li nerġgħu lura hawn u aħna ħtafnieha kollna ferħ, mimlijin bit-tama. Wara dak kollu li ġralna, wara l-biża’, staqsejna lilna nfusna – u nixtiequ nistaqsuk: Kif se nagħmlu aħna ż-żgħażagħ biex ngħixu u nxerrdu l-paċi f’din id-dinja hekk mimlija bil-mibegħda?

 

Il-Papa Franġisku:

Int għidt żewġ kelmiet li huma l-muftieħ biex nifhmu kollox: paċi u mibegħda. Il-paċi tibni l-pontijiet, il-mibegħda tibni l-ħitan. Issa trid tagħżel, fil-ħajja: jew nibni l-pontijiet, jew nibni l-ħitan. Il-ħitan jifirdu u l-mibegħda tikber: meta hemm il-firda, tikber il-mibegħda. Il-pontijiet jgħaqqdu, u meta hemm il-pont il-mibegħda tista’ ddabbar rasha, għax jien nista’ nisma’ lill-ieħor, nitkellem mal-ieħor. Nieħu gost naħseb li aħna għandna, fil-possibbiltajiet tagħna ta’ kuljum, il-ħila li nibnu pont uman. Meta int tnewwel idek lil ħabib, lil persuna, int tkun qed tibni pont uman. Int tibni pont. Imma, meta int tweġġa’ lil xi ħadd, tinsultah, int tkun qed tibni ħajt. Il-mibegħda tikber dejjem bil-ħitan. Xi drabi jiġri li int tkun trid tibni pont u jħalluk b’idek miftuħa imma min-naħa l-oħra ħadd ma jaqbadhielek: huma l-umiljazzjonijiet li fil-ħajja rridu ngħaddu minnhom biex nagħmlu xi ħaġa tajba. Imma dejjem għandna nibnu l-pontijiet. U int ġejt hawn: waqqfuk u bagħtuk lura d-dar; imbagħad ittentajt mill-ġdid tibni l-pont u terġa’ tipprova tiġi: dan għandu jkun l-atteġġjament, dejjem. Hemm diffikultà li qed iżżommni mill nagħmel xi ħaġa? Nerġa’ lura u nerġa’ nibda miexi, nerġa’ lura u nibda miexi mill-ġdid. Dan hu dak li għandna nagħmlu: nibnu l-pontijiet. Ma nħallux lil min iwaddabna mal-art, ma ngħidux: “Imma, ma nistax…”, le, dejjem irridu nfittxu mod kif nibnu l-pontijiet. Intom qegħdin hemm: b’dirgħajkom, ibnu pontijiet, intom ilkoll! Aqbdu jdejn xulxin… hekk. Irrid nara ħafna pontijiet umani… Araw, hekk: għolluhom tajjeb idejkom. Hekk. Dan hu l-programm tal-ħajja: tibnu l-pontijiet, pontijiet umani. Grazzi!

 

D. – Santità, grazzi, għax int illejla tajtna rigal mill-aqwa! Grazzi, Missier. Grazzi tassew.

 

Il-Papa Franġisku:

Grazzi lilkom u l-Mulej iberikkom. Itolbu għalija!

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard