Mill-Vanġelu Mqaddes skont San Luqa (10:38-42)

Huma u sejrin, [Ġesł] daħal f'raħal, u laqgħetu għandha waħda mara jisimha Marta. Din kellha oħtha, jisimha Marija, li niżlet bilqiegħda f'riġlejn il-Mulej tisimgħu x'kien qiegħed jgħid. Iżda Marta kienet moħħha fuq il-ħafna xogħol tad-dar. Mbagħad resqet u qaltlu: "Mulej, m'intix tara kif oħti ħalliet ix-xogħol kollu fuqi biss? Mela għidilha taqbad tagħmel xi ħaġa miegħi!" Qabeż il-Mulej u qalilha: "Marta Marta! Inti taħseb wisq u tinkwieta fuq ħafna ħwejjeġ; imma waħda hi meħtieġa. U Marija għażlet l-aħjar sehem, li ma jitteħdilhiex."

* * *

 

Għeżież żgħażagħ, il-wara nofsinhar it-tajjeb.

Fl-aħħar iltqajna! Grazzi ta' din il-merħba sabiħa. Nirringrazzja lill-Kardinal Dziwisz, l-Isqfijiet , ir-reliġjużi, is-seminaristi u dawk kollha li qed jakkumpanjawkom. Grazzi lil dawk li għamlu possibbli l-preżenza tagħna hawnhekk illum, li "ntefgħu f'ruħhom u ġisimhom" sabiex aħna nkunu nistgħu niċċelebraw il-fidi.

F'din art twelidu, nixtieq nirringrazzja b'mod speċjali lil San Ġwanni Pawlu II, li ħolom u mbotta dawn il-Laqgħat. Mis-sema hu jakkumpanjana waqt li jara bosta żgħażagħ minn ġnus, kulturi, ilsna hekk differenti b'għan wieħed: jiċċelebraw il-fatt li Ġesł huwa ħaj f'nofsna. U li ngħidu li huwa ħaj, ifisser irridu inġeddu x-xewqa tagħna li nimxu warajh, inġeddu ix-xewqa taħraq tagħna li nkunu dixxipli tiegħu. X'opportunita aħjar hemm biex inġeddu l-ħbiberija tagħna ma' Ġesł minn dik li tibnu ħbiberiji bejnietkom! X'mod aħjar hemm biex insaħħu l-ħbiberija tagħna ma' Ġesł minn dik li naqsmuha mal-oħrajn! X'mod aħjar hemm biex nagħmlu esperjenza tal-ferħ tal-Vanġelu mix-xewqa li ndakkru bl-Aħbar it-Tajba tiegħu f'tant sitwazzjonijiet ta' tbatija u diffiċli!

Ġesł huwa dak li ġabarna għal dan il-31 Jum Dinji taż-Żgħażagħ; huwa Ġesł li jgħidilna: "Henjin dawk li jħennu, għax huma jsibu ħniena" (Mt 5:7). Henjin huma dawk li jafu jaħfru, li jafu jkollhom qalb li tħoss mal-oħrajn, li jafu jagħtu l-aħjar tagħhom infushom lill-oħrajn.

 

Għeżież żgħażagħ, f'dawn il-ġrantet il-Polonja xxidd l-ilbies ta' festa; f'dawn il-ġranet il-Polonja trid tkun il-wiċċ dejjem żagħżugħ tal-Ħniena. Minn din l-art, magħkom - u magħquda ma' ħafna żgħażagħ li llum ma jistgħux ikunu hawn, imma li qegħdin magħna permezz tad-diversi mezzi ta' komunikazzjoni -, ilkoll flimkien se nagħmlu minn dan il-Jum tassew festa tal-Ġublew.

Fis-snin tiegħi bħala Isqof tgħallimt ħaġa: m'hemm xejn isbaħ milli tikkontempla ix-xewqat, l-isforz, il-passjoni u l-enerġija li bihom tant żgħażagħ jgħixu l-ħajja. Meta Ġesł jmiss il-qalb ta' żagħżugħ, ta' żagħżugħa, dawn isiru kapaċi jagħmlu affarijiet tassew kbar. Tħossok aħjar tismagħhom jaqsmu bejnithom il-ħolm tagħhom, il-mistoqsijiet tagħhom, u x-xewqa tagħhom li jieqfu lil dawk kollha li jgħidu li l-affarijiet ma jistgħux jinbidlu. Hija għotja mis-sema meta tara ħafna minnkom li, bil-mistoqsijiet tagħkom, tfittxu li ssibu mod kif tibdlu l-affarijiet. Hu sabih, u jfarraġli qalbi, narakom bla mistrieħ. Il-Knisja, illum, tħares lejkom u trid titgħallem mingħandkom, biex iġġedded il-fiduċja tagħha fil-Ħniena tal-Missier li għandu wiċċu dejjem żagħżugħ u ma jieqaf qatt jistedinna biex nidħlu fis-Saltna tiegħu.

Billi naf x'passjoni tqiegħdu fil-missjoni, nażżarda ntenni: il-ħniena għandha dejjem il-wiċċ żagħżugħ. Għaliex qalb ħanina għandha il-kuraġġ li tħalli l-kumdita; qalb ħanina taf tmur tiltaqa' mal-oħrajn, jirnexxielha tgħannaq lil kulħadd. Qalb ħanina taf tkun kenn għal min qatt ma kellu dar jew li tilifha, taf toħloq l-ambjent ta' dar, ta' familja, għal min kellu jemigra, għandha l-ħila jkolla tenerezza u kompassjoni. Qalb ħanina taf taqsam il-ħobż ma' min hu bil-ġuħ, qalb ħanina tinfetaħ biex tilqa' il-maħrub u l-immigrant. Li ngħid "Ħniena" flimien magħkom, ifisser ngħid opportunita, ngħid għada, sforz, fiduċja, ftuħ, ospitalita, kompassjoni, ħolm.

 

Irrid nistqarr magħkom ħaġa oħra li tgħallimt f'dawn is-snin. Nitnikket meta niltaqa' ma' żgħażagħ donnhom "pensjonati" qabel iż-żmien. Ninkwieta nara żgħażagħ li "ħallew kollox itir mar-riħ" qabel ma bdiet il-partita. Li "ċedew" bla ma bdew jilgħabu. Li jimxu b'wiċċhom imdejjaq, bħallikieku ħajjithom ma tiswa xejn. Huma żgħażagħ imxebbgħin... u li jxebbgħu. Hu diffiċli, u fl-istess ħin iġiegħlna naħsbu, meta naraw żgħażagħ li jitilqu ħajjithom biex ifittxu l-"istordiment", jew dik is-sensazzjoni li jħossuhom ħajjin billi jgħaddu minn toroq mudlama li jwassluhom għall-"ħlas"... u ħlas għoli. Iġegħlek taħseb meta tara żgħażagħ li jitilfu s-snin sbieħ ta' ħajjithom u l-enerġiji tagħhom biex jiġru wara bejjiegħa ta' illusjonijiet foloz (f'art twelidi kieku ngħidu "bejjiegħa tad-duħħan") li jisirqulkom l-aħjar tagħkom infuskom.

Minħabba dan, għeżież ħbieb, inġbarna biex ngħinu lil xulxin, għax ma rridux min jisirqilna l-aħjar tagħna nfusna, ma rridux inħallu li jisirqulna l-enerġiji, il-ferħ, il-ħolm b'illużjonijiet foloz.

Għeżież ħbieb, nagħmlilkom mistoqsija: tridu għal ħajjitkom dak l-"istordiment" aljenanti jew inkella tridu tħossu l-qawwa li tagħtikom li tħossukom ħajjin, mimlija? Stordiment aljenanti jew qawwa tal-grazzja? Sabiex tkunu mimlijin, sabiex tiġġeddu fil-qawwa, hemm tweġiba waħda; m'hijiex xi ħaġa, mhix xi oġġett, hija persuna u hija ħajja, u jisimha Ġesł Kristu.

Ġesł Kristu huwa dak li jaf jagħti passjoni tassew lill-ħajja, Ġesł Kristu huwa dak li ma jħallinix nikkuntentaw bil-ftit u jwassalna biex nagħtu l-aħjar tagħna nfusna; huwa Ġesł Kristu li jistaqsina, li jistedinna u jgħinna nqumu kull darba li nħossuna mirbuħa. Huwa Ġesł Kristu li jimbottana biex nerfgħu ħarsitna u noħolmu fil-għoli.

Fil-Vanġelu smajna kif Ġesł, waqt li kien sejjer Ġerusalemm, waqaf f'dar - dik ta' Marta, Marija u Lażżru - li tilqgħu. Fi triqtu, jidħol f'darhom biex joqgħod magħhom; iż-żewġ nisa jilqgħu lil dak li jafu li għandu l-ħila jħoss. Il-ħafna xogħol jagħmilna bħal Marta: attivi, distratti, dejjem bil-ġirja 'l hawn u 'l hemm... imma sikwit aħna wkoll bħal Marija: quddiem veduta sabiħa, jew xi vidjow li jibgħatilna xi ħabib fuq il-mobajl, nieqfu nirriflettu, nisimgħu. F'dawn il-jiem tal-JDŻ, Ġesł jrid jidħol fid-dar tagħna; se jara t-tħassib tagħna, il-ġiri tagħna, kif għamel ma' Marta... u se jistenna li nisimgħuh bħal Marija: li, f'nofs ix-xogħol kollu, ikollna l-kuraġġ li nintelqu fih. Jalla jkunu jiem għal Ġesł, iddedikati biex nisimgħu lilna nfusna, li nilqgħuh f'dawk li magħhom qed naqsmu d-dar, it-triq, il-grupp jew l-iskola.

U min jilqa' lil Ġesł, jitgħallem iħobb bħal Ġesł. Allura huwa jistaqsina jekk irridux ħajja mimlija: Trid ħajja mimlija? Ibda billi tħalli lilek innifsek tinfetaħ u tisma'. Għaliex l-hena tinbet u tikber fil-ħniena: din hija t-tweġiba tiegħu, din hija l-istedina tiegħu, l-isfida tiegħu, l-avventura tiegħu: il-ħniena. Il-ħniena għandha dejjem il-wiċċ żagħżugħ; bħal dak ta' Marija ta' Betanja, bilqegħda f'riġlejn Ġesł bħala dixxiplu, li tħobb tisimgħu għax taf li hemm jinsab is-sliem. Bħall-wiċċ ta' Marija ta' Nażaret, li ntefgħet bl-"iva" tagħha fl-avventura tal-ħniena, u li kull nisel se jseħilha hienja, imsejħa minna lkoll "Omm tal-Ħniena".

 

Mela lkoll flimkien, ejjew issa nitolbu dan lill-Mulej: imbottana fl-avventura tal-ħniena! Imbottana fl-avventura tal-bini ta' pontijiet u tat-tiġrif tal-ħitan; imbottana fl-avventura li ngħinu lill-fqir, lil min iħossu waħdu u abbandonat, lil min ma jistax jara aktar sens għal ħajtu. Imbottana, bħal Marija ta' Betanja, għas-smiegħ ta' dawk li ma nifhmuhomx, ta' dawk li ġejjin minn kulturi oħra, ġnus oħra, ukoll ta' dawk li nibżgħu minnhom għax naħsbu li jistgħu jagħmlulna d-deni. Agħmel li ndawru l-ħarsa tagħna, bħal Marija ta' Nażaret ma' Eliżabetta, lejn l-anzjani biex nitgħallmu mill-għerf tagħhom.

Hawn aħna, Mulej! Ibgħatna biex naqsmu l-Imħabba Ħanina tiegħek. Irridu nilqgħuk f'dan il-Jum Dinji taż-Żgħażagħ, irridu naffermaw li l-ħajja hija mimlija meta mmexxija mill-ħniena, li dan huwa l-aħjar sehem, li ma jitteħdilna qatt.

 

https://www.facebook.com/notes/jum-dinji-taż-żgħażagħ/