Sur President,
Awtoritajiet Distinti,
Distinti Membri
tal-Korp Diplomatiku,
Retturi Manifiċi,
Si
njuri,

Bir-rispett insellem lis-Sur President u nirringrazzjah għall-laqgħa ġeneruża u l-kliem ġentili li qalli.  Inħossni ferħan insellem lid-distinti membri tal-Gvern u tal-parlament, lir-Retturi Universitarji, lill-Awtoritajiet reġjonali u ta’ dil-belt, kif ukoll lill-membri tal-Korp Diplomatiku u l-Awtoritajiet l-oħra preżenti.  Hija l-ewwel darba li qed inżur l-Ewropa ċentrali tal-lvant u nħossni hieni li bdejt mill-Polonja, li fost uliedha kellha lil qatt minsi San Ġwanni Pawlu II, ideatur u organiżżatur tal-Jum Dinji taż-Żgħażagħ.  Hu kien iħobb jitkellem dwar Ewropa li tieħu n-nifs biż-żewġ pulmuni tagħha: il-ħolma ta’ umaneżmu Ewropew ġdid hu animat min-nifs kreattiv u armoniku ta’ dawn iż-żewġ pulmuni u taċ-ċiviltà komuni li għandha l-għeruq l-aktar solidi tagħha fil-Kristjaneżmu.

It-tifkira hi l-identità tal-poplu Pollakk.  Minn dejjem impressjonani s-sens ħaj tal-istorja tal-Papa Ġwanni Pawlu II.  Meta hu kien jitkellem dwar il-popli, kien jitkellem dwar l-istorja tagħhom biex juri t-teżori ta’ umanità u spiritwalità karatteristiċi tagħhom.  L-għarfien tal-identità, ħielsa minn kumplessi ta’ superjorità, hi indispensabbli biex il-komunità nazzjonali tkun organiżżata fuq il-pedament tal-partimonju uman, soċjali, politiku, ekonomiku u reliġjuż tagħha, biex ikunu l-ispirazzjoni tas-soċjetà u tal-kultura ħalli jżommhuom fidili lejn it-tradizzjoni u fl-istess waqt miftuħin għat-tiġdid u għall-futur.  F’dil-perspettiva, ftit ilu għadkom kif iċċelebrajtu l-1050 anniversarju tal-Magħmudija tal-Polonja.  Żgur li kien mument ta’ għaqda nazzjonali qawwija, li kkonferma kif l-armonija, minkejja l-opinjonijiet differenti, hi t-triq żgura biex jinkiseb il-ġid komuni għall-poplu Pollakk kollu.

Anki l-kollaborazzjoni internazzjonali li tagħti l-frott, u r-rispett reċiproku, jimmaturaw peremzz tal-għarfien u r-rispett lejn l-identità propja u dik tal-oħrajn.  Però. fil-ħajja ta’ kuljum ta’ kull individwu, kif ukoll f’kull soċjetà, hemm żewġ tipi ta’ memorja: tajba u ħażina, pożittiva u negattiva.  Il-memorja t-tajba hi dik li turina l-Bibbja fil-Magnificat, il-kantiku ta’ Marija, li tfaħħar lill-Mulej u l-opra tas-salvazzjoni tiegħu.  Il-memorja negattiva hi dik li żżomm il-ħarsa tal-menti u tal-qalb iffissata fuq il-ħażen b’mod ossessiv, l-aktar fuq dak ta’ ħaddieħor.

Meta nara l-istorja reċenti tagħkom niżżi ħajr ‘l Alla għax intom għaraftu żżommu ħajja l-memorja t-tajba: per eżempju meta ċċelebrajtu l-50 sena tal-maħfra reċiproka mogħtija u milqugħa bejn l-episkopati Pollakk u Ġermaniż, wara t-tieni gwerra dinjija.  L-inizjattiva li għall-ewwel kienet tinteressa lill-komunitajiet ekkleżjali, tat bidu wkoll għal proċess soċjali, politiku, kulturali u reliġjuż li ma jħarisx lura, u li bidel l-istorja tar-relazzjonijiet bejn iż-żewġ popli.  Rigward dan, niftakru wkoll fid-Dikjarazzjoni konġjunta bejn il-Knisja Kattolika tal-Polonja u dik Ortodossa ta’ Moska: att li ta bidu għal proċess ta’ qrubija u fraternità mhux biss bejn iż-żewġ Knejjes, imma wkoll bejn iż-żewġ popli.

B’hekk in-nazzjon nobbli Pollakk juri kif tista’ titkabbar il-memorja t-tajba u tintesa dik ħażina.   Għal dan hemm bżonn ta’ tama sħiħa u fiduċja f’Dak li jmexxi d-destin tal-popli, jiftaħ il-bibien magħluqa, jibdel id-diffikultajiet f’opportunitajiet u joħloq xenarji ġodda fejn jidher impossibbli li dan isir.  Xhieda ta’ dan hi l-istorja tal-Polonja: wara t-tempesti u d-dlam, il-poplu tagħkom, bid-dinjità miksuba mill-ġdid, seta’ jkanta, kif għamlu l-Għebrej huma w ġejjin lura mill-Babilonja: «Ħsibna li qed noħolmu.  (...) fommna mtela bit-tbissim, ilsienna bil-ferħ» (Salm 126, 1-2).  L-għarfien tal-mixja li għamiltu u l-ferħ għall-kisbiet li għamiltu jagħtukom il-forza u s-serenità biex taffrontaw l-isfidi tal-mument, li jitolbu minnkom il-kuraġġ tal-verità u impenn etiku ma jaqta’ xejn, biex il-proċessi deċiżjonali u operattivi, kif ukoll ir-relazzjonijiet umani, jirrispettaw dejjem id-dinjità tal-persuna.  Dan jolqot kull attività: anki l-ekonomija, ir-relazzjoni mal-ambjent u l-istess mod kif jitmexxa l-fenomenu kumplikat tal-migrazzjoni.

Dan tal-aħħar jitlob aktar għaqal u ħniena biex tkun megħluba l-biża’ u jitwettaq l-akbar ġid.  Hemm bżonn li jkunu studjati r-raġunijiet tal-emigrazzjoni ‘l barra mill-Polonja u tingħata għajnuna lil minn irid jerġa’ lura.  Fl-istess ħin hemm bżonn tkunu disponibbli biex tilqgħu lil dawk li qed jaħarbu mill-gwerrer u mill-ġuħ; is-solidarjetà ma’ dawk imċaħħdin mid-drittijiet fundamentali tagħhom, fosthom dik li jistqarru l-fidi tagħhom bil-libertà u fiż-żgur.  Fl-istess waqt jeħtieġ imbuttatura urġenti u sinerġija fuq livell internazzjonali biex jinstabu soluzzjonijiet għall-kunflitti u l-gwerrer li jġegħelu tant nies jitilqu minn djarhom u minn pajjiżjom.  Ifisser li jsir dak kollu li meħtieġ biex jittaffew it-tbatijiet tagħhom, mingħajr ma nehdew naħdmu bl-inteliġenza u mingħajr waqfien għall-ġustizzja u l-paċi, billi bil-fatti nagħtu xhieda tal-valuri umani u Kristjani.

Fid-dawl tal-istorja millenarja tiegħu, nistieden lin-Nazzjon Pollakk biex iħares lejn il-futur u lejn il-kwistjonijiet li għandu quddiemu, bit-tama.   Dan l-atteġġjament jinkoraġġixxi l-ħolqien ta’ klima ta’ rispett bejn l-oqsma kollha tas-soċjetà u konfront kostruttiv bejn il-pożizzjonijiet differenti; minbarra hekk, joħloq il-kundizzjonijiet meħtieġa għat-tkabbir ċivili, ekonomiku u saħansitra demografiku, għax inissel il-fiduċja li toffri ħajja tajba lil uliedkom.  Infatti, humam mhux biss ikollhom jaffrontaw il-problemi, imma jkunu jistgħu wkoll igawdu s-sbuħija tal-ħolqien, il-ġid li nkunu nafu nagħmlu u nxerrdu, it-tama li nagħrfu ntuhom.  Il-politika soċjali nfisha għandha tkun favur il-familja, in-nukleju ewlieni u fundamentali tas-soċjetà, biex ikunu megħjunin dawk l-aktar dgħajfa u foqra u jsibu l-għajnuna biex jilqgħu l-ħajja b’mod responsabbli, u b’hekk ikunu aktar effettivi.  Il-ħajja għandha dejjem tkun milqugħa u mħarsa – iż-żewġ affarijiet flimkien: milqugħa u mħarsa – mill-konċepiment sal-mewt naturali, u lkoll aħna msejħin biex nirrispettawha u nieħdu ħsiebha.  Min-naħa l-oħra hu dmir tal-Istat, tal-Knisja u tas-soċjetà li jakkumpanjaw u jgħinu konkretament lil kull min isib ruħu f’sitwazzjonijiet ta’ diffikultà gravi, biex il-wild ma jinħassx bħala piż, imma bħala rigal, u biex il-persunu l-aktar fraġli u foqra ma jisfawx abbandunati.

Sur President,

In-Nazzjon Pollakk jista’ jorbot, kif ġara matul il-mixja tal-istorja twila tiegħu, fuq il-kollaborazzjoni tal-Knisja Kattolika, biex fid-dawl tal-prinċipji Kristjani li sawwru l-istorja u l-identità tal-Polonja, jsir konxju li, fil-kundizzjonijiet storiċi issa mibdulin, jagħraf jisseddaq fil-mixja tiegħu ‘l quddiem, fidil lejn l-aktar tradizzjonijiet sbieħ tiegħu u mimli bil-fiduċja u t-tama, anki fil-waqtiet diffiċli.

Filwaqt li nġedded il-gratitudni tiegħi, nawgura lilek u lil kull min hawn preżenti, servizz fejjiedi u seren lejn il-ġid komuni.

Il-Madonna ta’ Czestochowa tbierek u tipporteġi l-Polonja!

 

Miġjub għall Malti mit-Taljan minn Joe Huber