Il-Papa Franġisku ħabbar li l-pajjiż fejn se jsir il-Jum Dinji taż-Żgħażagħ li jmiss fl-2019 se jkun il-Panama

Il-Pajjiż tal-Amerika Ċentrali li tliet snin oħra se jorganiżża l-Jum Dinji taż-Żgħażagħ se jkun il-Panama.  Dan ħabbru l-Papa waqt l-Angelus fi tmiem il-quddiesa li għalqet il-Jum Dinji taż-Żgħażagħ 2016 fi Krakovja

Għeżież ħuti,

Fi tmiem din iċ-ċelebrazzjoni, nixtieq ningħaqad magħkom ilkoll biex nirringrazzja ‘l Alla, Missier ta’ ħniena bla tarf, li ppermettielna ngħejxu dan il-Jum Dinji taż-Żgħażagħ.  Irrodd ħajr lill-Kardinal Dziwisz u lill-Kardinal Rylko għall-kliem li ndirizzawli, u fuq kollox, għall-ħidma u t-talb li bihom huma ħejjew dan l-avveniment: u rrodd ħajr lil kull min ikollabora biex dan il-Jum Dinji jirnexxi.

Grazzi “immensa” lilkom, għeżież żgħażagħ!  Imlejtu Krakovja bl-entużjażmu li jittieħed tal-fidi tagħkom.  San Ġwanni Pawlu II feraħ fis-sema, u jgħinkom twasslu kullimkien il-ferħ tal-Evanġelju.

Matul dal-ġranet ħassejna l-ferħ tal-fraternità universali fi Kristu, ċentru u tama ta’ ħajjitna.  Smajna leħnu, leħen ir-Ragħaj it-Tajjeb, ħaj fostna.  Hu kellem il-qalb ta’ kull wieħed u waaħda minnkom: ġeddidkom b’imħabbtu, ħalliekom tħossu d-dawl ta-maħfra tiegħu, il-qawwa tal-grazzja tiegħu.

Takom l-esperjenza tar-realtà tat-talb.  Kienet “ossiġenu” spiritwali biex intom tgħejxu u timxu bil-ħniena darba terġgħu lura lejn il-Pajjiżi u lejn il-komunitajiet tagħkom.

Hawn qrib  l-altar hawn ix-xbieha tal-Verġni Marija meqjuma minn San Ġwanni Pawlu II fis-Santwarju ta’ Calvaria.  Hi, l-Omm tagħna, tgħallimna b’liema mod l-esperjenza li għexna fil-Polonja tista’ tagħti l-frott; tgħidilna biex nimitawha: ma naħlux ir-rigal li rċevejna, imma ngħożżuh f’qalbna ħalli jwarrad u jagħti l-frott, bil-ħidma tal-Ispirtu s-Santu.

B’dal-mod, kull wieħed u waħda minnkom, bil-limitazzjonijiet u d-dgħufijiet tiegħu, ikun xhud ta’ Kristu kull fejn ikun jgħix,fil-familja, fil-parroċċa, fl-assoċjazzjonijiet u fil-gruppi, fl-ambjenti tal-istudju, tas-servizz, tad-divertiment, kull fejn il-Providenza tmexxikom tul it-triq tagħkom.

Il-Providenza Divina dejjem tasal qabilna.  Aħsbu ftit: diġà ddeċidiet fejn se tkun it-tappa li jmiss ta’ dan il-pellegrinaġġ kbir mibdi minn San Ġwanni Pawlu II fl-1985!

U għalhekk inħabbrilkom bil-ferħ li l-Jum Dinji taż-Żgħażagħ li jmiss – wara t-tnejn li jsiru fuq livell djoċesan – se jsir fl-2019 fil-Panama.

Bl-interċessjoni ta’ Marija, ninvokaw l-Ispirtu s-Santu biex idawwal u jkun l-ispalla taż-żgħażagħ fil-Knisja u fid-dinja, ħalli tkunu dixxipli u xhieda tal-Ħniena t’Alla.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber