Dawn l-artijiet għandhom togħma ta’ Vanġelu. L-ambjent kollu li mdawrin bih u dan il-baħar immens fl-isfond jgħinuna nifhmu aħjar l-esperjenza li għexu l-Appostli ma’ Ġesù u li llum aħna wkoll imsejħin ngħixu. Kemm qed nieħu gost li ġejtu minn diversi postijiet fit-tramuntana tal-Perù biex tiċċelebraw dan il-ferħ tal-Vanġelu!

 

Id-dixxipli tal-bieraħ, bħal ħafna minnkom illum, kienu jaqilgħu x’jieklu mis-sajd. Kienu joħorġu fuq id-dgħajjes kif għadhom jagħmlu ħafna minnkom fuq iż-“żwiemel żgħar tat-totora” [dgħajjes ċkejkna għal bniedem wieħed mibnija minn xitla msejħa totora], u kemm huma u kemm intom għall-istess għan: biex taqilgħu l-ħobża ta’ kuljum. F’hekk jikkonsisti ħafna mit-taħbit tagħna ta’ kuljum: biex ngħajxu l-familji tagħna u naqilgħulhom dak li jista’ jgħinhom jibnu futur aħjar.

 

Din l-“għadira b’ħut tad-deheb”, kif riedu jsejħulha, kienet għajn ta’ ħajja u barka għal ħafna ġenerazzjonijiet. Mal-medda taż-żmien għarfet iżżomm ħajja tant ħolm u tamiet.

 

Intom, bħall-Appostli, tafu x’qawwa għandha n-natura u ġarrabtu d-daqqiet tagħha. Kif huma ħabbtu wiċċhom mat-tempesta fl-għadira, intom kellkom tħabbtu wiċċkom mad-daqqa ta’ ħarta qawwija tan-“Niño costiero”, li l-konsegwenzi tiegħu għadhom jinħassu sal-lum fit-tbatija ta’ tant familji, speċjalment dawk li għadu ma rnexxilhomx jibnu mill-ġdid id-djar tagħhom. Għalhekk ukoll ridt niġi u nitlob magħkom hawnhekk.

 

Ejjew f’din l-Ewkaristija rressqu wkoll dan il-mument hekk iebes li jisfidana u ħafna drabi jġib fid-dubju l-fidi tagħna. Irridu ningħaqdu ma’ Ġesù. Hu jaf x’inhuma t-tbatija u l-provi; hu għadda mit-tbatijiet kollha biex seta’ jimxi magħna f’dawk tagħna. Ġesù fuq is-salib irid ikun qrib ta’ kull sitwazzjoni ta’ tbatija biex inewlilna jdejh u jgħinna nqumu mill-ġdid. Għax hu daħal fl-istorja tagħna, ried jaqsam magħna l-mixja tagħna u jmiss il-ġrieħi tagħna. Ma għandniex xi Alla barrani għal dak li nħossu u nbatu; bil-maqlub, qalb it-tbatija hu joffrilna idu.

 

Dawn l-iskossi jpoġġu fid-diskussjoni l-valur tal-ispirtu tagħna u tal-atteġġjamenti l-aktar bażiċi tagħna. Hawn nintebħu kemm hu importanti ma nkunux waħidna imma magħqudin, mimlija b’dik l-għaqda li hi frott tal-Ispirtu s-Santu.

 

Xi ġralhom ix-xebbiet tal-Vanġelu li smajna [ara Mt 25:1-13]? Ħin bla waqt jisimgħu għajta li tqajjimhom u ċċaqlaqhom. Uħud minnhom intebħu li ma kellhomx iż-żejt meħtieġ biex idawlu t-triq fid-dlam, waqt li oħrajn imlew l-imsiebaħ tagħhom u setgħu jsibu u jdawlu t-triq li twassalhom għand l-għarus. Fil-ħin indikat, kull waħda wriet biex kienet imliet ħajjitha. No tenemos un Dios ajeno a lo que sentimos y sufrimos, al contrario, en medio del dolor nos entrega su mano.

 

L-istess jiġri lilna. F’ċirkustanzi partikulari nifhmu biex inkunu mlejna ħajjitna. Kemm hu importanti nimlew ħajjitna b’dak iż-żejt li bih nistgħu nixegħlu l-imsiebaħ tagħna fid-diversi sitwazzjonijiet ta’ dalma u nsibu t-toroq biex nibqgħu mexjin ’il quddiem!

 

Naf li, fil-mument tad-dalma, meta ħassejtu d-daqqa tan-Niño, dawn l-artijiet għarfu jiċċaqilqu minn posthom u dawn l-artijiet kellhom iż-żejt biex setgħu jmorru jħaffu jagħtu l-għajnuna tagħhom ta’ veri aħwa. Kien hemm iż-żejt tas-solidarjetà, tal-ġenerożità li ċaqilqitkom u mortu tiltaqgħu mal-Mulej b’għadd kbir ta’ ġesti konkreti ta’ għajnuna. Qalb id-dalma, flimkien ma’ ħafna oħrajn, kontu msiebaħ jixegħlu u dawwaltu t-triq b’dirgħajn miftuħa u disponibbli biex ittaffu t-tbatija u taqsmu mill-faqar tagħkom.

 

Fil-qari mill-Vanġelu, nistgħu ninnotaw kif ix-xebbiet li ma kellhomx żejt daħlu r-raħal jixtruh. Fil-mument kruċjali ta’ ħajjithom, intebħu li l-imsiebaħ tagħhom kienu battala, li kien jonqoshom l-essenzjal biex isibu t-triq tal-ferħ veru. Kienu waħidhom u hekk baqgħu, waħidhom, barra mill-festa. Hemm affarijiet, kif tafu tajjeb, li ma tistax timprovizzahom u wisq inqas tixtrihom. Ir-ruħ ta’ komunità titkejjel minn kif jirnexxielha tingħaqad biex taffronta l-mumenti diffiċli, ta’ taħbit, biex iżżomm it-tama ħajja. B’dan l-atteġġjament qed tagħtu l-akbar xhieda evanġelika. Il-Mulej jgħidilna: “Minn dan jagħrafkom kulħadd li intom dixxipli tiegħi: jekk tħobbu lil xulxin” (Ġw 13:35). Għax il-fidi tiftħilna qalbna biex ikollna mħabba konkreta, mhux ta’ ideat, imma konkreta, magħmula minn opri, minn dirgħajn miftuħa, minn ħniena; li taf tibni u terġa’ tibni t-tama meta kollox jidher mitluf. Hekk insiru parteċipi fl-azzjoni divina, dik li jfissrilna l-Appostlu Ġwanni meta jurina Alla li jixxotta d-demgħat ta’ wliedu. U din l-opra divina Alla jwettaqha bl-istess ħlewwa ta’ omm li tfittex tixxotta dmugħ uliedha. Kemm hi sabiħa l-mistoqsija li jista’ jagħmel lil kull wieħed u waħda minna l-Mulej fi tmiem il-ġurnata: Kemm dmugħ ixxuttajt illum?

 

Tempesti oħra jistgħu jaħbtu għal dawn il-kosti u, fil-ħajja ta’ wlied dawn l-artijiet, ikollhom effetti qerrieda. Tempesti li jisfidawna anki bħala komunità u jġibu fid-dubju l-valur tal-ispirtu tagħna. Dawn jissejħu vjolenza organizzata, bħas-“sikarjat” u l-inċertezzi li dan joħloq; jissejħu nuqqas ta’ opportunitajiet ta’ edukazzjoni u ta’ xogħol, speċjalment fost l-iżjed żgħażagħ, li jżommhom milli jibnu futur b’dinjità; in-nuqqas ta’ post fiż-żgur għall-familji fejn joqogħdu, li jkollhom jgħixu f’żoni ta’ instabbiltà qawwija u bla aċċess fiż-żgur; kif ukoll tant sitwazzjonijiet oħra li intom tafu u tbatu minnhom, li bħall-agħar tempesti tal-baħar jaħbtu għall-fiduċja reċiproka, hekk meħtieġa biex nistgħu nibnu xibka ta’ għajnuna lil xulxin u ta’ tama. Tempesti qalila li jħarbtu r-ruħ u jitolbu minna ż-żejt li għandna maħżun biex inħarsu ruħna. Kemm għandek żejt?

 

Ħafna drabi nistaqsu lilna nfusna kif ħa naffrontaw dawn it-tempesti, jew kif nistgħu ngħinu lil uliedna u negħlbu dawn is-sitwazzjonijiet. Irrid ngħidilkom: m’hemmx triq aħjar minn dik tal-Vanġelu, u jisimha Ġesù Kristu. Imlew dejjem il-ħajja tagħkom bil-Vanġelu. Irrid inħeġġiġkom biex tkunu komunità li tħallu lill-Mulej tagħha jidlikha biż-żejt tal-Ispirtu. Hu jibdel kollox, iġedded kollox, ifarraġ kollox. F’Ġesù għandna l-qawwa tal-Ispirtu biex ma naċċettawx bħala normali dak li jagħmlilna l-ħsara, ma nagħmluhx ħaġa naturali, ma “ninnaturalizzawx” dak li jnixxfilna l-ispirtu u, agħar minn hekk, li jisirqilna t-tama. Il-Peruvjani, f’dan il-waqt tal-istorja tagħhom, ma għandhomx dritt iħallu lil min jisirqilhom it-tama! F’Ġesù għandna l-Ispirtu li jżommna magħquda biex ngħinu wieħed lill-ieħor u nżommu sħaħ quddiem dak li jrid ipappiha minn fuq dar il-familji tagħna. F’Ġesù, Alla jagħmilna komunità li temmen u li kapaċi twieżen lilha nfisha; komunità li tittama u għalhekk titqabad biex twarrab minnha u tibdel il-ħafna kuntrarju; komunità li tħobb għax ma tafx toqgħod b’idejha fuq żaqqha. Ma’ Ġesù r-ruħ ta’ dan il-poplu ta’ Trujillo tista’ tibqa’ tissejjaħ “il-belt tar-rebbiegħa eterna”, għax miegħu kollox isir okkażjoni ta’ tama.

 

Naf xi mħabba għandha din l-art lejn il-Madonna, u naf kemm id-devozzjoni lejn Marija hi għalikom għajnuna biex twassalkom għand Ġesù. U hi tagħtina l-uniku parir li dejjem ittenni: “Agħmlu dak li jgħidilkom hu” (ara Ġw 2:5). Nitolbu lilha tqegħidna taħt il-mant tagħha u twassalna dejjem għand Binha; imma dan ngħiduh billi nkantaw dan l-innu sabiħ tal-baħħara: “Madonnina tal-bieb, agħtini l-barka tiegħek. Madonnina tal-bieb, aqlgħalna s-sliem u ħafna mħabba”. Tafu tkantawh? Inkantawh flimkien? Min ħa jibda jkanta? “Madonnina tal-bieb…”. Ħadd mhu ħa jkanta? Lanqas il-kor? Allura ejja ngħiduh, jekk mhux ħa nkantawh. Flimkien: “Madonnina tal-bieb, agħtini l-barka tiegħek. Madonnina tal-bieb, aqlgħalna s-sliem u ħafna mħabba”. Mill-ġdid! “Madonnina tal-bieb, agħtini l-barka tiegħek. Madonnina tal-bieb, aqlgħalna s-sliem u ħafna mħabba”.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard