Sur President,
Membri tal-Gvern u tal-Korp Diplomatiku,
Awtoritajiet Distinti,
Rappreżentanti ras-socjetà ċivili,
Sinjuri lkoll!

 

Hekk kif wasalt f’dal-post storiku, niżżi ħajr’ l Alla għall-opportunità li tani li għal darb’oħra nirfes fuq l-art Peruvjana.  Nixtieq li kliemi jkun tislima u gratitudni għal kull wieħed u waħda mill-ulied ta’ dal-poplu li mal-mixja taż-żmien għaraf ikompli jgħani l-għerf anċestrali tiegħu, li żgur hu wieħed mill-patrimonji prinċipali tiegħu.

Grazzi, Sur  Pedro Paolo Kuczynsky, President tan-nazzjon, tal-istedina biex inżur il-pajjiż u għall-kliem ta’ merħba li ndirizzajtli f’isem il-poplu tiegħek kollu.

Ġejt il-Perù bil-motto “magħqudin għat-tama”.  Ippermettuli ngħidilkom li ħarsa lejn din l-art hi fiha nfisha raġuni ta’ tama.

Parti mit-territorju tagħkom hu magħmul mill-Amażonja, li jien żort dalgħodu, u li fil-firxa tiegħu huwa l-akbar foresta tropikali u sistema ta’ xmajjar li hawn fil-pjaneta.  Dan “il-pulmun”, kif riedu jsejħulu, huwa żona ta’ biodiversità kbira fid-dinja, minħabba li fih jgħejxu ħafna speċi differenti.

Għandkom tagħkom pluralità kulturali ta’ għana kbir, dejjem aktar inter-attiva, li hija r-ruħ ta’ dal-poplu.  Ruħ immarkata minn valuri anċestrali bħalma huma l-ospitalità, l-istima lejn l-oħrajn, ir-rispett u l-gratitudni lejn ommna l-art u l-kreattività għall-proġetti ġodda, kif ukoll ir-responsabbiltà komunitarja għall-iżvilupp ta’ kulħadd li ssib il-milja tagħha fis-solidarjetà li ntweriet kemm-il darba quddiem it-traġedji naturali li għextu.

F’dal-kuntest, irrid niġbed l-attenzjoni dwar iż-żgħażagħ li huma l-preżent l-aktar vitali li għandha s-soċjetà.  Bid-dinamiżmu tagħhom u l-entużjażmu, jippromettu u jistiednu l-ħolm għal futur ta’ tama li jitnissel mil-laqgħa bejn il-milja tal-għerf anċestrali u l-għajnejn ġodda li toffri ż-żgħożija.

U nifirħilkom ukoll minħabba fatt storiku: fl-għarfien li t-tama f’din l-art għandha wiċċ ta’ qdusija.  Il-Perù welled qaddisin li fetħu t-triq tal-fidi għall-kontinent Amerikan kollu; biex insemmu wieħed biss, Martin de Porres, li, bħala iben ta’ żewġ kulturi, wera qawwa u rikkezza li jitwieldu mill-persuni li jqiegħdu l-imħabba fiċ-ċentru ta’ ħajjithom.  U nista’ nkompli għaddej fit-tul dwar dil-lista materjali u ideali tar-raġunijiet tat-tama.  Il-Perù huwa art ta’ tama li tistieden u tisfida l-poplu tagħha kollu għall-għaqda.  Dal-poplu għandu r-responsabbiltà li jżomm ruħu magħqud, preċiżament, fost l-affarijiet l-oħra, biex jiddefendi dawn ir-raġunijiet kollha ta’ tama.

Fuq dit-tama jidher dell, titla’ theddida.  “L-umanita qatt ma kellha tant setgħa fuqha nfisha u m’hemm xejn li jiggarantixxi li din se tużaha tajjeb, fuq kollox meta nqisu l-mod kif qed tużaha”. - għidt fl-Enċiklika Laudato si’ (1).  Dan jidher ċar mill-mod li bih qed inneżżgħu l-art mir-riżorsi naturali, li mingħajrhom ebda għamla ta’ ħajja m’hi possibbli.  It-telfien tal-foresti u l-boskijiet jimplika mhux biss it-telfien ta’ speċi ħajjin, li fil-futur għad jistgħu jidhru li huma riżorsi ta’ importanza assoluta, iżda wkoll it-telfien ta’ relazzjonijiet vitali li jispiċċaw biex jibdlu l-ekosistema kollu (2).

F’dal-kuntest, “magħqudin biex niddefendu t-tama” tfisser li nippromwovu u niżviluppaw ekoloġija integrali bħala alternattiva għall-”mudell ta’ żvilupp li issa għadda żmienu imma li qed ikompli jipproduċi degradazzjoni umana, soċjali u ambjentali” (3).  U dan jitlob li nisimgħu, nagħrfu u nirrispettaw il-persuni u l-popli lokali bħala nies validi li nistgħu nitkellmu magħhom.  Huma għandhom rabta diretta mat-territorju, jafu r-ritmi tiegħu u l-proċessi tiegħu u għalhekk jafu x’inhuma l-effetti katastrofiċi li, f’isem l-iżvilupp, qed iniedu bosta inizjattivi li jalteraw in-nisġa vitali li tagħmel lin-nazzjon.  Id-degradazzjoni tal-ambjent, sfortunatament, hu marbut mad-degradazzjoni morali tal-komunitajiet tagħna.  Ma nistgħux inħarsu lejhom bħala żewġ kwistjonijiet mifrudin minn xulxin.

Bħala eżempju, l-iskavar irregolari tal-minerali sar periklu li jeqred il-ħajja tan-nies; il-foresti u x-xmajjar qed jisfaw meqrudin għal kollox bl-għana kollu li fihom.  Dal-proċess ta’ degradazzjoni jimplika u jżoqq organiżżazzjonijiet li huma ‘l barra mill-istrutturi legali li qed jiddegradaw lil tant ħutna li qed jisfaw oġġett ta’ kummerċ uman – għamla ġdida ta’ skjavitù -, għax-xogħol irregolari, għad-delinkwenza... u għal ħażen ieħor li jolqot bil-kbir id-dinjità tagħhom, u fl-istess waqt, id-dinjità tan-nazzjon kollu.

Il-ħidma flimkien biex niddefendu t-tama titlob li nkunu attenti għal għamla oħra – spiss fina ħafna – ta’ degradazzjoni ambjentali li ftit ftit, tniġġes in-nisġa vitali kollha kemm hi: il-korruzzjoni.  Kemm ħsara jġib lill-popli tagħna latino-amerikani u lid-demokraziji ta’ dal-kontinent imbierek dan il-“virus” soċjali, fenomenu li jinfetta kollox, li minħabba fih il-foqra u ommna l-art huma l-aktar li jsofru.  Dak li jista’ jsir biex ikun miġġieled dal-flaġell għandu jingħata l-attenzjoni assoluta u l-impenn tagħna kollu; u dit-taqbida hi mpenn għalina lkoll. “magħqudin biex niddefendu t-tama” jimplika kultura akbar ta’ trasparenza mill-entijiet pubbliċi, mis-settur privat u mis-soċjetà ċivili mingħajr ma neskludi l-organiżżazzjonijiet ekkleżjastiċi.  Ħadd ma jista’ jħoss li hu barra minn dal-proċess; il-korruzzjoni nistgħu nevitawha u dan jeħtieġ l-impenn ta’ kulħadd.

Lil dawk li għandhom karigi ta’ responsabbiltà, f’kull settur, inħeġġiġhom u neżortahom biex jimpenjaw ruħhom f’das-sens ħalli joffru, lill-popli tagħkom u lil artkom, is-sigurtà li tinbet mill-konvinzjoni li l-Perù hu wesgħa ta’ tama u opportunitajiet....imma għal kulħadd, mhux għall-ftit!  Sabiex kull Peruvjan u kull Peruvjana jistgħu jħossu li dan il-pajjiż hu tagħhom, mhux ta’ xi ħadd ieħor, iħossu li fih jistgħu jsejsu relazzjonijiet ta’ fraternità u ugwaljanza mal-proxxmu u jgħinu lill-ieħor meta jkun fil-bżonn; art li fiha wieħed jista’ jilħaq l-għanijiet tal-futur tiegħu.  U b’hekk jinbena Perù li jagħti spazju lil “kull razza” (4), li fih tkun tista’ titwettaq “il-wegħda tal-ħajja Peruvjana” (5).

Nixtieq mill-ġdid niżgurakom mill-impenn tal-Knisja Kattolika, li akkumpanjat il-ħajja ta’ dan-nazzjon, f’dan l-isforz li jgħaqqadna flimkien biex immexxu ‘l quddiem il-ħidma ħalli l-Perù jkompli jkun art ta’ tama.

Santa Roża ta’ Lima tinterċedi għal kull wieħed u waħda minna u għal dan-nazzjon imbierek.

Mill-ġdid, grazzi.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber

 

[1] Ittra Enċ. Laudato si’, 104.

[2] Cfr ibid., 32.

[3] Messaġġ Urbi et Orbe, 25 ta’ Diċembru, 2017.

[4] José María Arguedas, Todas las sangres (Ir-razez kollha), Buenos Aires, 1964: trad. bit-TaljanTutte le stirpi, Turin 1974.

[5] Jorge Basadre, La promesa de la vida peruviana (Il-wegħda tal-ħajja Peruvjana) Lima 1958.