Nhar is-Sibt, 11 ta’ Ġunju, il-Papa Franġisku laqa’ f’udjenza dawk li kienu qed jieħdu sehem fil-Kungress “U Int tiekol l-ikel fuq il-mejda tiegħi dejjem” (2 Samuel 9: 1-13)(“And You Shall Eat at My Table Always”) organizzat mit-taqsima tal-Katekeżi tal-Persuni b’Diżabilità fi ħdan l-Uffiċċju Kateketiku Nazzjonali Taljan, fl-okkażjoni tal-25 Anniversarju tal-Istituzzjoni.

F’ħin minnhom, il-Papa warrab id-diskors imħejji li kellu u wieġeb għall-mistoqsijiet li sarulu minn zewġt ibniet u saċerdot fuq kif għandhom jiġi ndirizzati mingħajr biża’ d-differenzi u kif għandha tiġi evitata l-eskluzzjoni anke f’komunitajiet Insara.

Din hija traduzzjoni fidila ta’ dak li qal il-Papa:

L-ewwel mistoqsija kienet tajba ħafna, tajba ħafna u rreferiet għad-differenzi. Aħna lkoll differenti: mhemmx wieħed li huwa l-istess bħal xi ħaddieħor. Hemm xi differenzi li huma akbar u oħrajn li huma inqas, imma aħna lkoll differenti. U inti, t-tifla li saqsiet id-domanda, għidt: “Bosta drabi aħna nibżgħu mid-differenżi.” Jagħmluna nibżgħu. Għaliex? Għax biex tiltaqa’ ma’ persuna li għandha differenzi, ejjew ngħidu mhux qawwijin imma kbar, huwa sfida, u kull sfida lilna tbeżżgħana. Huwa aktar komdu li ma tagħmel xejn; huwa aktar komdu li tinjora d-differenzi u tgħid: “Aħna lkoll l-istess, u jekk hemm xi ħadd li mhuwiex daqstant ‘l-istess’, ejjew inwarrbuh u nevitaw li niltaqgħu miegħu.” Hija l-biza’ li kull sfida tikkawżalna; kull sfida hija mimlija biza’, tbeżżagħna, tirrendina xi ftit jew wisq timidi. Imma le! Id-differenzi huma fil-fatt rikkezzi, għax jien għandi xi ħaġa, inti għandek xi  ħaġ’oħra, u b’dawn iż-żewġ affarijiet nistgħu noħolqu xi ħaġa akbar u aktar sabieħa. U hekk inkunu nistgħu nimxu ‘l quddiem. Ejjew naħsbu f’dinja fejn kulħadd huwa l-istess: tkun dinja monotona! Huwa veru li xi differenzi jweġġgħu. Dan kollha nafuh, dawn li għandhom xi għeruq fil-mard .... imma anke dawk id-differenzi jgħinuna; jisfidawna u jistanuna. Għalhekk, qatt m’għandna nibżgħu mid-differenzi: huwa tabilħaqq il-mod kif ittejjeb lilek innifsek, li ssir aħjar milli int.

U kif jista’ jsir dan? Billi niġbru flimkien dak li għandna. Nagħmlu kollox ħaġa waħda. Dan huwa ġest sabiħ li aħna, persuni umani, għandna; ġest li nagħmlu tista’ tgħid mingħajr ma naħsbu, imma huwa ġest profond ħafna; li nieħdu b’idejn xulxin, jien nagħtik dak li hu tiegħi u inti tagħtini dak li hu tiegħek. U din hi xi ħaġa li tagħmel ġid lil kulħadd. Nimxu ‘l quddiem bid-differenzi,  għax id-differenzi huma sfida, imma jsaħħuna. U ejjew naħsbu li kull darba li nieħu b’idejn ħaddieħor, jiena nagħti xi ħaġa li hi tiegħi u nirċievi xi ħaġa mingħand ħaddieħor. Din ikollna tagħmilna nikbru. Dan li jiġini f’moħħi bi tweġiba għall-ewwel mistoqsija.

Insejt ngħid xi ħaġa għal dik il-mistoqsija imma norbotha mad-domanda li għamlitli Serena. Serena tagħmel l-affarijiet diffiċli għalija ... għax jien ngħidha kif inħossha  .... Ftit li xejn qalet, tlieta jew erba’ linji kollox, imma poġġiethom mingħajr tlaqlieq! Serena tkellmet dwar waħda mill-agħar ħaġa li teżisti fostna: id-diskriminazzjoni. Hija ħaġa ħażina ħafna! “Inti mintix bħali, inti mur hemm u jien immur hawn.” “Imma nixtieq nagħmel katekeżi ......” – “Imma mhux f’din il-parroċċa. Din il-parroċċa hija għal dawk li huma l-istess, m’hemmx differenzi ....” Allura din il-parroċċa tajba jew le? [Risposta mis-sala: Leeeeee]. X’għandu jagħmel il-kappillan? ... Jikkonverti ruħu? Huwa minnu li jekk trid tirċievi s-Sagrament tat-Tqarbin, irid ikollok preparazzjoni; u jekk ma tifhemx din il-lingwa, per eżempju jekk tkun nieqes mis-smiegħ, għandu jkollok il-possibiltà  li f’dik il-parroċċa tipprepara ruħek bil-lingwa tas-sinjali. Taraw, dan hu importanti! Jekk inti differenti, ikollok ukoll il-possibilità li tkun l-aħjar; dan hu veru. Id-differenza ma tgħidx li xi ħadd li għandu ħames sensi li jaħdmu tajjeb huwa aħjar minn xi haddieħor li, per eżempju huwa trux u ma jistax jitkellem. Le, dan mhux veru! Aħna lkoll għandna l-istess possibiltà li nikbru, li nimxu ‘l quddiem, li nħobbu l-Mulej, li nagħmlu ħwejjeġ tajba, li nifhmu d-Duttrina Nisranija, u aħna lkoll għandna l-istess possibiltà li nirċievu s-Sagramenti. Ftehmna?

Meta bosta snin ilu – xi mitt sena ilu jew aktar – Il-Papa Piju X  qal li t-tfal jistgħu jibdew jitqarbnu, ħafna skandaliżżaw ruħhom. (Bdew jgħidu) “Imma t-tfal ma jifhmux, huma differenti, ma jifhmux sew .....” “Ħallu t-tfal jitqarbnu,”  qal il-Papa u mid-differenza għamel ugwaljanza, għax kien jaf li t-tfal jifhmu mod ieħor. Fl-iskola wkoll, fil-lokalità, kull persuna għandha r-rikkezzi tagħha, hija differenti, qisha qed titkellem b’ilsien differenti. Kull persuna hija differenti għax tesprimi ruħha b’mod differenti. U din hija rikkezza. Dak li qalet Serena jiġri bosta drabi; tiġri tant u hija waħda mill-agħar affarijiet, waħda mill-agħar affarijiet fl-ibliet tagħna, f’ħajjitna: diskriminazzjoni, anke bi kliem offensiv. Ħadd ma jkun iddiskriminat. Kull wieħed minna għandu l-mod tiegħu biex isir jaf affarijiiet li huma differenti: wieħed magħruf mod, ieħor b’mod ieħor, imma kollha jistgħu isiru jafu lil Alla. [Tifla żgħira tersaq lejn il-Papa]  Ejja, Ejja .......kemm hi kuraġġuża! Ejja .... ma tibżax, tieħu riskju, hija taf li d-differenzi huma rikkezzi; tieħu riskju u tatna lezzjoni. Hija qatt mhu se tkun iddiskriminata; taf kif għandha tiddefendi ruħha!

Qed tara, Serena. Ma nafx jekk weġibtx il-mistoqsija tiegħek. Fil-parroċċa, fil-Quddiesa, fis-Sagramenti kulħadd huwa ndaqs, għax kulħadd għandu l-istess Mulej: Ġesù u l-istess Omm: Il-Madonna. Qed niftehmu? [Tifla oħra żgħira tersaq lejh] Ejja, ejja … tifla kuraġġuża oħra. Il-qassis li tkellem l-ewwel staqsa ftit domandi li huma marbuta ma’ dak li qalet Serena: Kif nilqgħu lil kulħadd. Imma jekk inti … mhux qed ngħid għalik għax naf li tilqa’ lil kulħadd – imma kkunsidra qassis li ma jilqax lil kulħadd: x’parir jagħti l-Papa f’dak il-każ? “għalaq il-bieb tal-knisja, jekk jogħġbok!” jew (tilqa’) lil kulħadd jew lil ħadd. “imma le – naħsbu f’dak il-qassis li jiddefendi lilu nnifsu – imma le, mhux hekk ta: Nifhem lil kulħadd imma ma nistax nilqa’ lil kulħadd għax mhux kulħadd kapaċi jifhem….” “Inti ma tistax tifhem!”. Dak li l-qassis irid jagħmel, bl-għajnuna tal-lajċi, tal-katekisti, tal-ħafna u ħafna nies hu li jgħin lil kulħadd biex ikunu jistgħu jifhmu: jifhmu l-fidi, jifhmu l-imħabba, jifhmu kif jistgħu isiru ħbieb, jifhmu d-differenzi, jifhmu kif l-affarijiet huma kumplimentari ma’ xulxin, wieħed jista’ jagħti xi ħaġa, u iehor jista’ jagħti xi haġ’oħra. Dan li jfisser li tghin biex jifhmu.

U inti użajt żewġ kelmiet sbieħ: tilqa’ u tisma’. Tilqa’, jiġifieri tilqa’ lil kulħadd, kulħadd u li tisma’ lil kulħadd. Ngħidilkom din. Naħseb li llum ħafna affarijiet tajba jsiru bħala parti mill-kura pastorali tal-Knisja, isiru ħafna ħwejjeġ tajba: fil-katekeżi, fil-liturġija, fil-karità, mal-morda …..ħafna affarijiet tajbin isiru. Imma jeħtieġ li tista’ ssir aktar, anke mill-qassisin, anke mill-lajċi – imma l-qassis speċjalment iridu jagħmlu iżjed: l-appostolat tal-widna: li tisma’. “Imma, Father, imma xi dwejjaq toqgħod tisma’, għax huma dejjem l-istess stejjer, l-istess affarijiet ….” “Imma mhumiex l-istess persuni, u l-Mulej huwa fil-qalb ta’ kull wieħed mill-persuni, u jrid ikollok il-paċenzja li tisma’”. Mela ilqgħu u isimgħu lil kulħadd u nemmen li b’din weġibt għad-domandi.

Jiena ħejjejt diskors għalikom u l-Prefett [tar-residenza Pontifiċja] se jqassmu ħalli kulħadd ikun jaf il-kontenut tiegħu. Għax biex taqra diskors hu kemmxejn tedjanti ….. u jkun hemm waqt meta wieħed ikun     qed jaqra diskors, li matulu jibdew iħarsu lejn l-arloġġ, bħallikieku jgħidu: “Meta se jieqaf jitkellem?”. Għalhekk, id-diskors se taqrawh inthom.


Nirringrazzjakom ħafna għal dan id-djalogu, għal din iż-żjara, għal din is-sbuħija tad-differenzi li jagħmlu komunità: wieħed minn ieħor u bil-maqlub, u kollha jagħmlu l-unità tal-Knisja. Grazzi ħafna u itolbu għalija.

[Jersaq lejh tifel żgħir]. Ejja, inti wkoll ejja ....

Issa ibqgħu bilqegħda bil-kalma kollha u, bħala tfal tajba, ejjew nitolbu lill-Omm Tagħna, lill-Madonna. Ejjew ilkoll nitolbu lill-Madonna. Is-sliem għalik, Marija......

[Tberik tal-miġemgħa]

U jekk jogħġobkom, itolbu għalija. Grazzi

 

Miġjub għall-Malti minn Victor Formosa