Jien inrodd ħajr lilek Sur President, għall-kliem li ndirizzajtli u għall-laqgħa.  Bl-immaġinazzjoni u l-fantasija tiegħi irrid nivvinta beatitudni ġdida li llum qed napplikaha għalija f’dan il-mument: “Imbierak dak li jidħol fid-dar ta’ bniedem għaref u tajjeb”.  U jien qed inħossni beatu.  Grazzi verament mill-qalb.  

Sur President,
E
ċċellenzi,
Si
njuri,

Jien inħossni grat lejk, Sur President, għall-merħba li tajtni u għall-kliem ġentili u għaref li bih esprimejt it-tislima li tajtni. Jien inħossni kuntent li qed nerġa’ niltaqa’ miegħek hawn f’Ġerusalemm, belt li fiha hawn imħarsin l-Imkejjen Sagri li huma għall-qalb it-tliet reliġjonijiet kbar li jaduraw lil dak Alla li sejjaħ lil Abram.

L-imkejjen sagri mhumiex mużewijiet jew monumenti għat-turisti, imma postijiet fejn il-komunitajiet ta’ dawk li jemmnu, jgħixu l-fidi tagħhom, il-kultura u l-inizjattivi ta’ karità tagħhom.  Għalhekk jeħtieġ li jkunu mħarsin bla heda fis-sagralità tagħhom biex b’hekk ikun imħares ukoll mhux biss il-wirt tal-passat, imma jkunu mħarsin ukoll il-persuni li jżuruhom illum u dawk li għad jiġu jżuruhom.  Jalla Ġerusalemm tkun verament il-Belt tal-paċi!   Jalla jiddu fil-milja tagħhom l-identità u l-karattru sagru tagħha, il-valur reliġjuż u kulturali universali, bħala teżor għall-umanità kollha!  Kemm hu sabiħ meta l-pellegrini u r-residenti jkunu jistgħu jiffrekwentaw liberament l-imkejjen sagri u jieħdu sehem fiċ-ċelebrazzjonijiet!

Sur President, int magħruf bħala bniedem tal-paċi u awtur tal-paċi.  Jien nesprimi r-rikonoxxenza tiegħi lejk u l-ammirazzjoni għal dan l-atteġġjament tiegħek.  Il-bini tal-paċi jeħtieġ qabel kollox ir-rispett lejn il-libertà u d-dinjità ta’ kull persuna umana, li l-Lhud, l-Insara u l-Musulmani jemmnu kollha li kienet maħluqa minn Alla u destinata għall-ħajja eterna.  Meta nitilqu minn dan il-punt konkret li għandna komuni bejnietna, jkun possibbli nsegwu l-impenn għal soluzzjoni paċifika tal-kontroversji u l-kunflitti.  Dwar dan, inġedded it-tama li kull naħa tevita li tieħu inizjattivi u twettaq atti li jikkontradixxu r-rieda mistqarra li jintlaħaq ftehim veru u li bid-detreminazzjoni u l-koerenza qatt ma tnin it-tfittxija għall-paċi.

Għandu jkun rifjutat bil-qawwa kollha dak kollu li hu kontra l-mixja lejn il-paċi u li jxekkel il-konvivenza rispettuża bejn il-Lhud, l-Insara u l-Musulmani: l-użu tal-vjolenza u t-terroriżmu, kull tip ta’ diskriminazzjoni għal raġunijiet razzjali jew reliġjużi, il-pretensjoni li wieħed jimponi l-mod ta’ kif jaħseb hu billi jirfes id-drittijiet ta’ ħaddieħor, l-anti-semitiżmu f’kull forma possibbli tiegħu, kif ukoll il-vjolenza jew il-manifestazzjonijiet ta’ intolleranza kontra persuni u mkejjen ta’ kult Lhud, Insara u Musulmani.

Fl-Istat ta’ Iżrael jgħixu u jaħdmu komunitajiet Insara diversi.  Dawn jiffurmaw parti integrali mis-soċjetà u jieħdu sehem bid-dritt kollu fil-ħajja ċivili, politika u kulturali.  Il-fidili Nsara jixtiequ jagħtu, ibda’ mill-identità propja, il-kontribut tagħhom għall-ġid komuni u għall-bini tal-paċi, billi jirrifjutaw kull estremiżmu, u billi jimpenjaw ruħhom ħalli jkunu s-sensara tar-rikonċiljazzjoni u l-għaqda.

Il-preżenza tagħhom u r-rispett lejn id-drittijiet tagħhom – bħal ma’ huma d-drittijiet ta’ kull denominazzjoni reliġjuża oħra jew tal-minoranzi – huma garanzija ta’ pluraliżmu sân u prova tal-vitalità tal-valuri demokratiċi, tat-twaħħid reali tagħhom fil-prattika u fil-konkretezza mal-ħajja tal-Istat.

Sur President, inti taf li jien nitlob għalik u jiena naf li int titlob għalija, u niżgurak li nkompli nitlob għall-istituzzjonijiet u għaċ-ċittadini kollha ta’ Iżrael.  Nassigurak b’mod partikolari li jien kontinwament nitolb bil-ħerqa lil Alla biex tinkiseb il-paċi u l-ġid inestimabbli marbut strettament magħha, jiġifieri s-sigurtà, il-ħajja kalma, il-prosperità u – dak li hu l-isbaħ – il-fraternità.  Fl-aħħar indawwar ħsiebi lejn dawk kollha li qed jbatu minħabba l-konsegwenzi tal-kriżijiet li għadhom miftuħin fir-reġun tal-Lvant Nofsani, sabiex, mill-aktar fis possibbli, jittaffulhom it-tbatijiet tagħhom permezz ta’ soluzzjoni onorevoli tal-kunflitti.  Paċi lill-Iżrael u lill-Lvant Nofsani kollu.  Shalom!

 

Miġjub għall-Malti minn Joe Huber.