Santità, għeżież ħuti fi Kristu,

 

Hu ta’ ferħ kbir għalija u okkażjoni ta’ grazzja li qed niltaqa’ magħkom hawn, qrib il-qabar ta’ San Pietru. Bi mħabba kbira nilqagħkom, u rroddlok ħajr għall-kelmtejn sbieħ tiegħek. Permezz tagħkom, nixtieq nestendi t-tislima kordjali tiegħi fil-Mulej lill-Isqfijiet, is-saċerdoti u l-fidili kollha tal-Knisja Sirjana tal-Orjent. Bi kliem l-Appostlu Pawlu, li f’din il-belt xerred demmu għall-Mulej, nixtieq ngħidilkom: “Grazzja lilkom u sliem minn Alla Missierna u Sidna Ġesù Kristu” (Rum 1:7).

 

Din il-laqgħa u t-talba li llum se ngħollu flimkien quddiem il-Mulej isejħu propju għad-don tas-sliem. Fil-fatt qalbna hi maqsuma għal dak li għadna naraw iseħħ fil-Lvant Nofsani, speċjalment fl-Iraq u fis-Sirja. Hemm qed tixtered fuq mijiet ta’ eluf ta’ tfal innoċenti, ta’ nisa u ta’ rġiel il-vjolenza terribbli ta’ ġlied imdemmi, li l-ebda motivazzjoni ma tista’ tiġġustifika jew tippermetti. Hemm, ħutna Nsara, kif ukoll bosta minoranzi reliġjużi u etniċi, b’xorti ħażina draw ibatu minħabba provi kbar li jgħaddu minnhom ta’ kuljum.

 

Qalb tant tbatija, li nitolbu li tintemm, ta’ kuljum nilmħu Nsara li jimxu fit-triq tas-salib huma u jterrqu bil-ħlewwa fuq il-passi ta’ Ġesù, jixxierku miegħu, li bis-salib tiegħu ħabbibna mill-ġdid, għax “qered il-mibegħda” (Efes 2:16). Dawn ħutna huma mudelli li f’kull ċirkustanza qed jitolbuna nibqgħu magħqudin fil-Mulej, inħaddnu s-salib tiegħu, nafdaw fi mħabbtu. Qed juruna li fil-qalba tal-fidi tagħna dejjem hemm il-preżenza ta’ Ġesù, li qed jistedinna, anki qalb l-inkwiet, biex ma negħjew qatt ngħixu l-messaġġ tiegħu ta’ mħabba, ta’ rikonċiljazzjoni u ta’ maħfra. Dan nitgħallmu mill-martri u minn dawk kollha li llum, anki bi prezz għoli għal ħajjithom, jibqgħu fidili lejn il-Mulej u miegħu jirbħu l-ħażen bit-tajjeb (ara Rum 12:21). Aħna grati lejn dawn ħutna, li jħeġġuna nimxu fit-triq ta’ Ġesù biex negħlbu l-mibegħda. Kif demm Kristu, imċarċar bi mħabba, ħabbeb u għaqqad mill-ġdid, u hekk welled lill-Knisja, hekk id-demm tal-martri hu ż-żerriegħa tal-għaqda fost l-Insara. Hu jsejħilna naħdmu bi mħabba fraterna għall-komunjoni.

 

Irrodd ħajr lil Alla għar-rabtiet qawwija ta’ bejn l-aħwa li diġà jeżistu bejnietna u li din iż-żjara, tant mogħġuba u prezzjuża, qed tkompli ssaħħaħhom. Diġà ntmeddu bosta passi sinifikattivi. Il-predeċessur maħbub tiegħek, il-Patrijarka u Katolikos Mar Dinkha IV, li tant ħadt gost niltaqa’ miegħu sentejn ilu, iffirma hawn Ruma ma’ San Ġwanni Pawlu II d-Dikjarazzjoni Kristoloġika komuni. Grazzi għaliha nistgħu nistqarru l-istess fidi fil-Misteru tal-Inkarnazzjoni. Dan il-pass storiku fetaħ it-triq għall-pellegrinaġġ tagħna lejn il-komunjoni sħiħa, mixja li b’qalbi kollha nixtieq interrqu. F’din il-mixja nikkonferma l-impenn tal-Knisja Kattolika biex id-djalogu tagħna, li diġà ħalla tant frott, tkompli miexja ’l quddiem. Fil-ġejjieni din tista’ tikkontribwixxi biex tinbena mill-ġdid l-armonija sħiħa, għall-ġid tal-komunitajiet tagħna, li spiss diġà jgħixu f’kuntatt strett bejniethom. Għalhekk nawgura tabilħaqq li l-Kummissjoni konġunta għad-djalogu teoloġiku bejn il-Knisja Kattolika u l-Knisja Sirjana tal-Orjent tissokta tgħinna nwittu t-triq għal dan il-jum tant mixtieq, li fih għad inkunu nistgħu niċċelebraw is-Sagrifiċċju tal-Mulej fuq l-istess altar, dak is-sinjal veru tal-komunjoni ekkleżjali milħuqa għalkollox.

 

Sadanittant, għandna l-opportunità li mmiddu passi ħfief, nikbru fl-għarfien reċiproku u flimkien nagħtu xhieda tal-istess Vanġelu. Ħa tkun il-qrubija tagħna ħmira ta’ għaqda. Aħna msejħa naħdmu flimkien fl-imħabba kull fejn ikun possibbli, hekk li l-imħabba turi t-triq tal-komunjoni. Fil-Magħmudija skoprejna mill-ġdid il-bażi tal-komunjoni vera bejnietna. Kattoliċi u Sirjani, “ilkoll tgħammidna fi Spirtu wieħed” (1 Kor 12:13): nagħmlu parti mill-Ġisem wieħed ta’ Kristu, aħna aħwa fih. B’din iċ-ċertezza nibqgħu mexjin ’il quddiem, nimxu flimkien kollna fiduċja, inseddqu – fit-talb u speċjalment madwar l-altar tal-Mulej – l-imħabba li “hi l-qofol tal-perfezzjoni” (Kol 3:14). Hi ssewwi t-tifrik u tfejjaq it-tiċrit. Ma negħjew qatt nitolbu lill-Mulej, tabib divin, ifejjaq il-ġrieħi tal-imgħoddi bid-dilka fejjieda tal-ħniena tiegħu.

 

Jagħmlilna tajjeb ukoll inġeddu t-tifkira komuni tal-ħidmiet tagħna ta’ evanġelizzazzjoni. Dawn isibu l-għeruq veri tagħhom fil-komunjoni tal-Knisja tal-bidu. Minn hemm beda jixtered il-Vanġelu u, fiż-żerniq tal-fidi, laħaq Ruma u l-artijiet tal-Mesopotamja, benniena ta’ ċivilitajiet qodma qatigħ, u hekk xettel komunitajiet Insara kotrana. L-evanġelizzaturi l-kbar ta’ dak iż-żmien, il-qaddisin u martri ta’ kull żmien, kollha ċittadini ta’ Ġerusalemm tas-Sema, jitolbuna u jseħbuna issa biex flimkien niftħu toroq għammiela ta’ komunjoni u ta’ xhieda.

 

Santità, Ħija l-għażiż, bil-ferħ u r-rispett nixtieq nesprimi l-gratitudni tiegħi għaż-żjara tiegħek u għad-don ta’ din it-talba tagħna flimkien, għal xulxin, biex insejħu l-protezzjoni u l-ħarsien tal-Mulej, biex nitolbu li r-rieda ħanina tiegħu tkun milqugħa minna b’mod sħiħ u hekk bħala aħwa nagħtu xhieda tagħha.

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard