Għeżież żgħażagħ, il-wara nofs in-nhar it-tajjeb!

 

Wara li qara l-Vanġelu, Orlando ġie ħdejja biex isellimli u qalli: “Nitolbok titlob għal-libertà ta’ kull wieħed u waħda minna, tagħna lkoll”.  Din hi l-barka li talab Orlando għal kull wieħed u waħda minna.  Hi l-barka li nitolbu issa lkoll flimkien: il-libertà.  Għax il-libertà hi don li jagħtina Alla, imma jeħtieġ nagħrfu nilqgħuh, jeħtieġ nagħrfu jkollna l-qalb ħielsa.  Għax ilkoll nafu li fid-dinja hemm kemm-il lazz li jorbtilna qalbna u ma jħallilniex qalbna ħielsa.  L-isfruttament, in-nuqqas ta’ mezzi ta’ għajxien, il-vizzju tad-droga, id-dwejjaq… dawn il-ħwejjeġ kollha jisirqulna l-libertà.  U allura lkoll flimkien… nirringrazzaw lil Orlando li talab din il-barka, li jkollna qalbna ħielsa, qalb li tista’ tgħid dak li taħseb u li tħoss: hekk tkun qalb ħielsa!…  U dan hu dak li issa nitolbu lkoll flimkien, din il-barka li Orlando talab għal kulħadd.  Tennu flimkien miegħi [il-Papa jlissen it-talba frażi frażi u ż-żgħażagħ iwieġbu]: Mulej Ġesù, agħtini qalb ħielsa.  Ħalli ma tkunx ilsira tan-nasbiet tad-dinja.  Ħalli ma tkunx ilsira tal-kumdità, ta’ l-ingann.  Ħalli ma tkunx ilsira ta’ ħajja komda.  Ħalli ma tkunx ilsira tal-vizzji.  Ħalli ma tkunx ilsira ta’ libertà falza, li tfisser nagħmel dak li jogħġob lili l-ħin kollu.

 

Grazzi, Orlando, li fakkartna li jeħtieġ nitolbu li jkollna qalb ħielsa.  Dan itolbuh ta’ kuljum!

 

Smajna żewġ xhieda: dik ta’ Liz u dik ta’ Manuel.  Liz tgħallimna ħaġa.  Kif Orlando għallimna nitolbu li jkollna qalb ħielsa, Liz b’ħajjitha tgħallimna li m’għandniex inkunu bħal Ponzju Pilatu, naħslu jdejna!  Liz setgħet bil-jedd kollu titfa’ lil ommha f’dar ta’ l-anzjani, lin-nanna tagħha f’dar oħra u tgħix ħajjitha ta’ żagħżugħa, tiddeverti, tistudja dak li trid.  U qalet: “Le.  In-nanna, il-ma…”.  U Liz saret qaddejja, seftura u, jekk triduha iżjed qawwija, ilsira ta’ ommha u ta’ nannitha.  U dan għamlitu bi mħabba!  Sal-punt – kif qalet hi – li saħansitra nbidlu r-rwoli u hi spiċċat tagħmilha ta’ omm għal ommha, bil-mod kif kienet tieħu ħsiebha.  Ommha, b’dik il-marda hekk kiefra li tikkonfondi l-affarijiet ta’ madwarha.  U hi ħarqet ħajjitha, sal-lum, sa ħamsa u għoxrin sena, isservi lil ommha u nannitha.  Waħidha?  Le, Liz ma kinitx waħidha.  Hi qalet żewġ affarijiet li għandhom jgħinuna.  Tkellmet dwar anġlu, dwar zija li kienet bħal anġlu għaliha; u semmiet ukoll il-laqgħa tagħha ma’ sħabha fl-aħħar tal-ġimgħa, mal-komunità taż-żgħażagħ li jevanġelizzaw, mal-grupp ta’ żgħażagħ li kien jgħinha fil-fidi tagħha.  U dawk iż-żewġ anġli – iz-zija li kienet tgħinha u l-grupp ta’ żgħażagħ – kienu jagħtuha iktar saħħa biex tibqa’ miexja.  U din tissejjaħ solidarjetà.  Xi nsejħulha? [iż-żgħażagħ iwieġbu: “Solidarjetà!”].  Meta nagħmlu tagħna l-problema ta’ l-ieħor.  U hi sabet hemm oasi ta’ paċi għall-qalb għajjiena tagħha.  Imma hemm ħaġa li qed taħarbilna.  Hi ma qalitx: “Nagħmel dan u daqshekk”.  Studjat.  U hi infermiera.  U hi u tagħmel dan kollu, l-għajnuna, is-solidarjetà li rċiviet minn għandkom, mill-grupp tagħkom, li rċiviet minn għand dik iz-zija li kienet bħal anġlu għaliha, għenuha biex tibqa’ miexja ’l quddiem.  U l-lum, ta’ ħamsa u għoxrin sena, għandha l-grazzja li Orlando riedna nitolbu: għandha qalb ħielsa.  Liz qed tqiegħed fil-prattika r-raba’ kmandament: “Weġġaħ lil missierek u lil ommok”.  Liz tesprimi l-ħajja tagħha – taħraqha! – fis-servizz lejn ommha.  Hu grad l-aktar għoli ta’ solidarjetà, grad għoli ħafna ta’ mħabba.  Xhieda.  “Dun, allura possibbli tħobb?”.  Hawn għandna xi ħadd li jgħallimna nħobbu.

 

L-ewwel: il-libertà, il-qalb ħielsa.  Mela, ilkoll flimkien [maż-żgħażagħ]: “L-ewwel, qalb ħielsa”.  It-tieni: solidarjetà biex insieħbu lill-oħrajn.  Solidarjetà.  Dan hu dak li tgħallimna din ix-xhieda.

 

U Manuel ma kellux ħajja ħafifa.  Manuel m’hux “it-tifel t’ommu”, ma kienx “pupu”; ma kienx xi tifel, u l-lum ġuvni, li kellu ħajja faċli.  Qal żewġ kelmiet iebsin: “Ġejt abbużat, ġejt ittrattat ħażin, bir-riskju li naqa’ fid-dipendenzi…  Kont waħdi”.  Abbuż, maltrattament u solitudni.  U minflok ma għamel ħwejjeġ negattivi, flok ma mar jisraq, daħal jaħdem!  Flok ivvendika ruħu mill-ħajja, ħares ’il quddiem!  U Manuel inqeda b’din il-frażi sabiħa: “Stajt nibqa’ miexi ’l quddiem, għax fil-qagħda li fiha sibt ruħi kien diffiċli titkellem dwar futur”.  Kemm żgħażagħ, intom, il-lum għandhom il-possibbiltà li jistudjaw, li ta’ kuljum ipoġġu mal-mejda mal-familja, għandhom il-possibbiltà li m’humiex neqsin mill-essenzjal?  Kemm minnkom għandhom dawn l-affarijiet?  Ilkoll flimkien, dawk li għandhom dan, ħa jgħidu: “Grazzi, Mulej!” [żgħażagħ: “Grazzi, Mulej!”].  Għax hawn kellna quddiemna xhieda ta’ ġuvni li sa minn meta kien għadu tifel ra x’kienet it-tbatija, id-dwejjaq, li ġie abbużat, ittrattat ħażin, li ma kellux x’jiekol u kien waħdu.  Mulej, salva lit-tfal li jinsabu f’din is-sitwazzjoni!  U għalina, Mulej, ngħidulek grazzi.  “Grazzi, Mulej!” [żgħażagħ: “Grazzi, Mulej!”].

 

Libertà tal-qalb – ftakru –, libertà tal-qalb, dak li qalilna Orlando.  Servizz, solidarjetà, dak li qaltilna Liz.  Tama, xogħol, nissieltu għall-ħajja, nibqgħu mexjin: dak li qalilna Manuel.

 

Kif tistgħu taraw, il-ħajja għal ħafna żgħażagħ m’hix ħafifa.  U nixtieq li tifhmuh dan.  Nixtieq iddaħħluh f’raskom.  “Jekk għalija l-ħajja hi relattivament faċli, hemm żgħażagħ oħra li għalihom m’hix relattivament faċli”.  Saħanistra, hemm xi wħud li d-disperazzjoni twassalhom għad-delinkwenza, għall-qtil, biex jikkollaboraw mal-korruzzjoni.  Lil dawn iż-żgħażagħ irridu ngħidulhom li aħna ninsabu qrib tagħhom, li nixtiequ nnewlulhom idejna, li nixtiequ ngħinuhom, b’solidarjetà, bi mħabba, b’tama.

 

Hemm żewġ frażijiet li qalu dawn it-tnejn li tkellmu, Liz u Manuel.  Żewġ frażijiet, sbieħ.  Isimgħuhom.  Liz qalet li bdiet issir taf min hu Ġesù, bdiet issir taf lil Ġesù, u dan hu li tiftaħ il-bieb għat-tama.  U Manuel qal: “Sirt naf lil Alla, il-qawwa tiegħi”.  Jiġifieri, issir taf lil Alla, tersaq lejn Ġesù, hi tama u qawwa.  U dan hu li għandna bżonn insibu fiż-żgħażagħ tal-lum: żgħażagħ b’tama u żgħażagħ b’qawwa.  Ma rridux żgħażagħ ta’ “bla stoffa”, żgħażagħ ta’ “sa hawn u mhux iżjed”, la iva u lanqas le.  Ma rridux żgħażagħ li jegħjew dritt u jgħixu għajjenin, dejjem b’geddum sa l-art.  Nixtiequ żgħażagħ b’saħħithom.  Irridu żgħażagħ b’tama u qawwa.  Għaliex?  Għax jafu lil Ġesù, għax iltaqgħu ma’ Alla.  Għax għandhom qalb ħielsa.  Qalb ħielsa!  Irrepetu warajja! [iż-żgħażagħ kull darba jirrepetu].  Solidarjetà!  Xogħol!  Tama!  Impenn!  Insir naf lil Ġesù!  Nagħraf lil Alla l-qawwa tiegħi!  Żagħżugħ li jgħix hekk jista’ jkun bil-geddum? [“Le!”].  Ikollu qalbu sewda? [“Le!”].  Din hi t-triq!

 

Imma għal dan hemm bżonn is-sagrifiċċju, hemm bżonn immorru kontra l-kurrent.  Il-Beatitudnijiet li qrajna ftit tal-ħin ilu huma l-pjan ta’ Ġesù għalina.  U dan hu proġett kontra l-kurrent.  Ġesù qed jgħidilkom: “Henjin il-foqra fl-ispirtu”.  Ma jgħidx: “Henjin l-għonja, dawk li jrekknu l-flus”.  Le.  Il-foqra fl-ispirtu, dawk li jafu kif jersqu lejn il-fqir u jifhmuh.  Ġesù ma jgħidx: “Henjin dawk li jpappuha tajjeb”, imma jgħid: “Henjin dawk li kapaċi jbatu minħabba fit-tbatija ta’ l-oħrajn”.  U l-bqija…  Jien nirrikkmandalkom li, wara, taqraw id-dar il-Beatitudnijiet, li ssibuhom fil-ħames kapitlu ta’ San Mattew.  F’liema kapitlu qegħdin? [iż-żgħażagħ: “Fil-ħames”].  Ta’ liema Vanġelu? [“San Mattew].  Aqrawhom u mmeditawhom, għax jiswielkom ta’ ġid.

 

Nixtieq nirringrazzja lilek, Liz; nirringrazzjak, Manuel; u nirringrazzjak, Orlando.  Qalb ħielsa, hekk għandha tkun.

 

U ħa jkolli mmur… [żgħażagħ: “Le!”].  L-aħħar darba, wieħed saċerdot qalli b’ċajta: “Iva, int kompli għid liż-żgħażagħ biex jagħmlu l-istorbju, kompli sejjer hekk…  Imma mbagħad, l-istorbju li jagħmlu ż-żgħażagħ aħna rridu nitqannew bih!”.  Agħmlu l-istorbju, imma mbagħad għinu wkoll biex tieħdu ħsieb u torganizzaw l-istorbju li tagħmlu.  Agħmlu l-istorbju u organizzawh tajjeb!  Storbju li jagħtina qalb ħielsa, storbju li jagħtina solidarjetà, storbju li jagħtina t-tama, storbju li joħroġ mil-laqgħa tiegħi ma’ Ġesù u għax naf li Alla, li jien iltqajt miegħu, hu l-qawwa tiegħi.  Dan hu l-istorbju li rridkom tagħmlu.

 

Billi kont naf bil-mistoqsijiet, għax kienu għaddewhomli qabel, kont ktibt diskors għalikom, biex nagħtihulkom, imma d-diskorsi jdejqu…, u għalhekk se ngħaddih lill-Isqof inkarigat miż-Żgħażagħ, biex jippubblikah.

 

U issa, qabel immur, [“Le!”], nitlobkom: l-ewwel, li tkomplu titolbu għalija; it-tieni, li tkomplu tagħmlu l-istorbju; it-tielet, li tgħinu biex jiġi organizzat l-istorbju li tagħmlu biex ma jkunx hemm diżastri.

 

U lkoll flimkien, issa, fis-skiet, ngħollu qalbna lejn Alla.  Kull wieħed fil-qalb tiegħu, minn taħt l-ilsien, itenni dawn il-kelmiet:

 

Mulej Ġesù, irroddlok ħajr li ninsab hawn.  Irroddlok ħajr li tajtni aħwa bħal Liz, Manuel u Orlando.  Irroddlok ħajr li tajtni tant aħwa bħalhom, li ltaqgħu miegħek, Ġesù, li jafuk, Ġesù, li jafu li Int, Alla tagħhom, int il-qawwa tagħhom.  Ġesù, nitolbok għaż-żgħażagħ li ma jafux li Int il-qawwa tagħhom, u li jibżgħu jgħixu, jibżgħu ikunu ferħana, jibżgħu joħolmu.  Ġesù, għallimna noħolmu, noħolmu ħwejjeġ kbar, ħwejjeġ sbieħ, ħwejjeġ li mqar jekk jidhru ta’ kuljum, huma ħwejjeġ li jwessgħu l-qalb.  Mulej Ġesù, agħtina l-qawwa, agħtina qalb ħielsa, agħtina t-tama, agħtina l-imħabba, u għallimna naqdu.  Amen.

 

Issa nagħtikom il-barka tiegħi u nitlobkom, jekk jogħġobkom, biex titolbu għalija, u biex titolbu għal tant żgħażagħ li m’għandhomx il-grazzja li għandkom intom li ltqajtu ma’ Ġesù, li jagħtikom it-tama, jagħtikom qalb ħielsa u jagħmilkom b’saħħitkom.

 

[Barka]

 


 

Diskors imħejji mill-Papa:

 

Għeżież żgħażagħ,

 

Kemm jien kuntent li nista’ niltaqa’ magħkom f’din il-klima ta’ festa.  Li nista’ nisma’ x-xhieda tagħkom u naqsam fil-ħeġġa u l-imħabba tagħkom għal Ġesù.

 

Grazzi lil Mons. Ricardo Valenzuela, responsabbli mill-Pastorali maż-Żgħażagħ, tal-kelmtejn tiegħu.  Grazzi, Manuel u Liz, għall-kuraġġ li kellkom taqsmu l-esperjenzi u x-xhieda tagħkom matul din il-laqgħa.  M’hux faċli titkellem fuq ħwejjeġ personali, wisq inqas quddiem tant nies.  Intom qsamtu magħna l-ikbar teżor li għandkom, l-istejjer tagħkom, il-ħajja tagħkom u kif Ġesù daħal fiha.  Biex inwieġeb għall-mistoqsijiet tagħkom nixtieq nagħfas fuq xi ħwejjeġ li qsamtu magħna.

 

Manuel, int għidtilna xi ħaġa fuq kif: “Il-lum inħoss xewqa kbira li naqdi lill-oħrajn, nixtieq nirbaħ lili nnifsi”.  Għaddejt minn mumenti iebsin, sitwazzjonijiet ta’ tbatija kbira, imma l-lum għandek ħeġġa kbira biex taqdi, biex toħroġ, biex taqsam ħajtek ma’ l-oħrajn.

 

Liz, m’hu xejn faċli tagħmilha ta’ omm għall-ġenituri tiegħek u wisq inqas meta wieħed ikun għadu żagħżugħ, imma, kemm għerf u kemm maturità hemm fi kliemek meta għidtilna: “Il-lum nilgħab magħha, inbiddlilha l-ħrieqi, huma kollha ħwejjeġ li jien noffri lil Alla, u bilkemm qiegħda rrodd lura dak li ommi għamlet miegħi”.

 

Intom, żgħażagħ Paragwajani, intom tassew kuraġġjużi!

 

Qsamtu wkoll ma’ l-oħrajn x’għamiltu biex stajtu tibqgħu mexjin ’il quddiem, mnejn ksibtu l-qawwa.  It-tnejn għidtu: “Fil-parroċċa”.  Fi sħabkom tal-parroċċa u fl-irtiri spiritwali li kienu jiġu organizzati hemm.  Żewġt imfietaħ importanti ħafna: il-ħbieb u l-irtiri spiritwali.

 

Il-ħbieb.  Il-ħbiberija hi wieħed mill-ikbar doni li persuna, żagħżugħ jista’ jkollu u jista’ joffri.  Hu minnu dan.  Kemm hu diffiċli tgħix mingħajr ħbieb!  U nnutaw li din hi waħda mill-isbaħ affarijiet li jgħid Ġesù: “Sejjaħtilkom ħbieb, għax dak kollu li smajt minn għand Missieri jiena għarrafthulkom” (Ġw 15:15).  Wieħed mill-ikbar sigrieti tan-Nisrani għandu għeruqu fil-ħbiberija, fil-ħbiberija ma’ Ġesù.  Meta wieħed irid il-ġid lil xi ħadd, jibqa’ qrib tiegħu, jieħu ħsiebu, jgħinu, jgħidlu kif jaħsibha, iva, imma qatt ma jitilqu.  Hekk iġib ruħu Ġesù magħna, qatt ma jitlaqna waħidna.  Il-ħbieb jissapportjaw lil xulxin, isieħbu lil xulxin, jipproteġu lil xulxin.  Hekk jagħmel il-Mulej magħna.  Jissapportjana.

 

L-irtiri spiritwali.  Sant’Injazju għandu meditazzjoni famuża msejħa taż-żewġt ibnadar.  Minn naħa jiddeskrivi l-bandiera tad-Demonju u mill-oħra l-bandiera ta’ Kristu.  Xi ftit bħaż-żewġ timijiet bil-flokkijiet differenti, u jistaqsina ma’ liema wieħed nixtiequ nilagħbu.

 

B’din il-meditazzjoni, jgħinna nistħajlu xi jfisser tkun tagħmel parti minn dan it-tîm jew l-ieħor.  Qisu qed jistaqsina: Ma’ min tixtieq tilgħab fil-ħajja?  U jgħid Sant’Injazju li d-Demonju biex iħarreġ plejers miegħu jwiegħed lil dawk li jilagħbu miegħu għana, unuri, glorja, poter.  Isiru famużi.  Kulħadd jibda jadurahom.

 

Min-naħa l-oħra, jippreżentalna l-istil ta’ kif jilgħab Ġesù.  Mhux bħala xi ħaġa fantastika.  Ġesù ma jippreżentalniex ħajja ta’ stilel, ta’ ċelebritajiet, imma għall-kuntrarju jgħidilna li jekk nilagħbu miegħU, din hi stedina għall-umiltà, għall-imħabba, għall-qadi tal-proxxmu.  Ġesù ma jigdbilniex.  Jeħodna bis-serjetà.

 

Fil-Bibbja, id-Demonju hu msejjaħ missier il-gideb.  Dak li wegħidek, jew aħjar, li bellagħhielek li jekk tagħmel ċerti affarijiet, sa tkun ferħan.  U mbagħad intbaħt li ma kont xejn ferħan, li kont ġrejt wara xi ħaġa li hi ’l bogħod milli ġġiblek il-ferħ, anzi, ġagħlitek tħossok iżjed vojt, iżjed imdejjaq.  Ħbieb: ix-xitan hu “bejjiegħ tad-duħħan”.  Iwiegħdek, iwiegħdek, imma ma jagħtik xejn, qatt ma jżomm kelmtu fuq dak li jwiegħdek.  Ma jħallas qatt.  Iġagħlek tixtieq ħwejjeġ li ma jiddipendux minnu, sew jekk tiksibhom u sew jekk le.  Iġagħlek isserraħ tamietek fuq xi ħaġa li qatt m’hi ħa tagħmlek ferħan.  Din il-logħba tiegħu, l-istrateġija tiegħu.  Jgħid ħafna, iwiegħed ħafna u ma jagħmel xejn.  Hu “bejjiegħ kbir tad-duħħan”, għax dak kollu li jipproponilna hu frott tal-firda, tal-kompetizzjoni ma’ l-oħrajn, ta’ min irid itajjar ras l-oħrajn biex jakkwista dak li jrid hu.  Hu “bejjiegħ tad-duħħan” għax, biex tilħaq dan kollu, l-unika triq hi li twarrab għall-ġenb lil sħabek, ma tgħin lil ħadd.  Għax kollox jinbena fuq id-dehra.  Iġagħlek temmen li l-valur tiegħek jiddependi fuq kemm għandek ġid.

 

Min-naħa l-oħra għandna lil Ġesù, li qed joffrilna l-logħba tiegħu.  Ma juriniex duħħan, ma jwegħidniex ħwejjeġ li jidhru kbar biss minn barra.  Ma jgħidilniex li l-kuntentizza qiegħda fl-għana, fil-poter, fil-kburija.  Bil-kontra.  Jurina li t-triq hija oħra.  Dan il-Kowċ jgħid hekk lill-plejers tiegħu: Imberkin, henjin il-foqra fl-ispirtu, dawk li jibku, ta’ qalbhom ħelwa, dawk li għandhom il-ġuħ u l-għatx għall-ġustizzja, dawk li juru ħniena, is-safja f’qalbhom, dawk li jġibu l-paċi, l-ippersegwitati minħabba fil-ġustizzja.  U jagħlaq billi jgħidilhom biex jifirħu għal dan kollu (ara Mt 5:1-12).

 

Għaliex?  Għax Ġesù ma jigdbilniex.  Jurina triq li hi ħajja u verità.  Hu nnifsu l-akbar prova ta’ dan.  Dan hu l-istil tiegħu, il-mod ta’ kif jgħix il-ħajja, il-ħbiberija, ir-relazzjoni mal-Missier.  U dan hu li jistedinna għalih.  Biex inħossuna wlied.  Ulied maħbuba.

 

Hu ma jbegħlikx duħħan.  Għax jaf li l-ferħ, dak veru, dak li jimla l-qalb, ma jinsabx fil-ħwejjeġ lussużi li nilbsu, fiż-żraben li nilbsu, fit-tikketta ta’ xi marka partikulari.  Hu jaf li l-ferħ veru qiegħed f’li jkollna qalb li kapaċi tħoss għall-oħrajn, f’li nitgħallmu nibku ma’ min jibki, f’li nkunu qrib ta’ dawk li huma mnikkta, f’li nnewlu jdejna, tgħanniqa.  Min ma jafx jibki, ma jafx jidħak u allura ma jafx jgħix.  Ġesù jaf li f’din id-dinja ta’ tant kompetizzjoni, għira u aggressività, il-veru ferħ ġej milli nitgħallmu nistabru, nirrispettaw lill-oħrajn, ma nikkundannawx u lanqas niġġudikaw lil ħadd.  Min jirrabja, jitlef, jgħid il-qawl.  Terħux qalbkom lir-rabja, lill-korla.  Henjin dawk li juru ħniena.  Henjin dawk li jafu jidħlu fiż-żarbun ta’ l-oħrajn, li kapaċi jgħannqu, jaħfru.  Kollha xi darba għexnieh dan.  Kollha f’xi waqt jew ieħor ħassejna ruħna maħfura.  Xi ġmiel!  Bħal meta terġa’ lura għall-ħajja, bħal meta jkollok opportunità ġdida.  M’hemm xejn isbaħ milli tingħata opportunità ġdida.  Qisha l-ħajja tkun ħa tibda mill-ġdid.  Għalhekk, henjin dawk li jġibu ħajja ġdida, opportunitajiet ġodda.  Henjin dawk li jħabirku għal dan, li kapaċi jgħinu lill-oħrajn fl-iżbalji tagħhom.  Li huma ħbieb tassew u ma jabbandunaw lil ħadd.  Huma s-safja f’qalbhom, dawk li jirnexxielhom jaraw lil hemm mill-kuntrarju immedjat u jegħlbu kull diffikultà.  Henjin dawk li fuq kollox jaraw it-tajjeb li hemm fl-oħrajn.

 

Liz, int semmejt lil Chikitunga, din il-Qaddejja ta’ Alla mill-Paragwaj.  Għidt li kienet qisha oħtok, ħabiba tiegħek, il-mudell tiegħek.  Hi, bħal ħafna oħrajn, turina li l-mixja tal-Beatitudnijiet hi mixja ta’ sħuħija, mixja possibbli, reali.  Li timla l-qalb.  Dawn huma l-ħbieb u mudelli tagħna li issa spiċċaw jilagħbu f’dan il-“grawnd”, imma saru dawk il-plejers indispensabbli li wieħed josserva biex joħroġ l-aħjar minnu nnifsu.  Huma l-prova li Ġesù m’hux “bejjiegħ tad-duħħan”, li l-proposta tiegħu hi l-milja.  Imma, fuq kollox, hi proposta ta’ ħbiberija, ta’ ħbiberija vera, dik il-ħbiberija li lkoll neħtiġuha.  Ħbieb fl-istil ta’ Ġesù.  Mhux biex nibqgħu magħluqin fina nfusna, imma biex ninżlu “fil-grawnd”, biex noħorġu nagħmlu ħbieb ġodda.  Biex id-dinja “tittieħed” minn din il-ħbiberija tagħkom ma’ Ġesù, kull fejn tkunu, fuq ix-xogħol, fl-istudju, fid-divertiment, fuq Whatsapp, Facebook jew Twitter.  Meta tmorru tiżfnu, jew intom u tixorbu xi ħaġa tajba.  Fil-pjazza jew intom u tilagħbu partita fil-grawnd tal-kwartier tagħkom.  Hawn jinsabu l-ħbieb ta’ Ġesù.  Mhux ibigħu d-duħħan, imma b’perseveranza.  Il-perseveranza li nafu li aħna henjin, għax għandna Missier fis-Smewwiet.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard