Sur Direttur,
għeżież tfal,
membri tal-istaff,
ħbieb,

 

Nirringrazzjakom tal-laqgħa tant entużjasta li tajtuni.  Grazzi tal-ħin li qed tippermettuli nqatta’ magħkom

Għeżież tfal, nixtieq nagħmlilkom mistoqsija, ħa nara jekk tgħinunix?   Qaluli li intom intelliġenti ħafna, u għalhekk iddeċidejt.  Ġesù irrabja xi darba?  Tiftakru meta?  Naf li hi mistoqsija iebsa, però se ngħinkom…..  Kien meta l-Appostli ma ridux lit-tfal jersqu lejH.  Din hija l-unika darba li fl-Evanġelju ta’ San Mark insibu din il-frażi (cfr 10, 13-15).  Xi ħaġa li tixbaħ kif ngħiduha aħna: imtela’ bil-korla.  Intom irrabjajtu xi darba?  Tajjeb, l-istess għamel Ġesù, meta ma ħallewhx ikun qrib tat-tfal, qrib tagħkom.  It-tfal huma fost l-aktar favoriti ta’ Ġesù.  Mhux għax ma jħobbx lill-kbar, imma kien iħossu hieni meta seta’ jkun magħhom.  Kien jieħu gost ħafna bil-ħbiberija u bil-kumpanija tagħhom.  Qal lid-dixxipli: «Jekk ma ssirux bħat-tfal ma tidħlux fis-Saltna tas-Sema» (Mattew 18,3).  It-tfal kienu bogħod u l-kbar ma riedux iħalluhom joqorbu lejn Ġesù, imma Ġesù sejħilhom, għannaqhom u qiegħdhom fin-nofs biex kulħadd jitgħallem ikun bħalhom.

Illum jgħid l-istess ħaġa lilna.  Iħares lejna u jgħidilna: tgħallmu minnhom.  Irridu nitgħallmu mingħandkom, mill-fiduċja li għandkom, mill-ferħ, mit-tenerezza.  Mill-ħila tagħkom li titqabdu, mill-qawwa tagħkom.  Mill-ħila li m’hawnx bħala li tirreżistu.

Veru kapaċi jitqabdu.  Hux veru mamijiet?  Hux veru papjiet u nanniet? 

Inħarsu lejkom u niksbu l-forza, niksbu l-qawwa biex ikollna fiduċja, biex nibqgħu mexjin ‘il quddiem.  Ommijiet, missirijiet, nanniet, naf li mhu faċli xejn li tkunu u hawn.  Ikun hemm waqtiet ta’ sofferenza kbira, ta’ inċertezza.  Ikun hemm mumenti ta’ dwejjaq kbar li jgħafsu l-qalb u jkun hemm mumenti ta’ ferħ kbir.  Iż-żewġ sentimenti li jgħammru flimkien ġewwa fina.  Imma ebda rimedju mhu aqwa mit-tenerezza tagħkom, mill-qrubija tagħkom.  U huwa ta’ ferħ għalija li naf li bejnietkom il-familji tgħinu ‘l xulxin, tqawwu qalb xulxin, issostnu lil xulxin biex tibqgħu tħarsu ‘l quddiem u tgħelbu dan il-waqt.

Tistgħu toqgħodu fuq it-tobba, l-infermieri u l-impjegati kollha ta’ din id-dar.  Grazzi għal din il-vokazzjoni ta’ servizz, li tgħinu mhux biss biex tikkuraw imma wkoll biex takkumpanjaw is-sofferenza ta’ ħutkom.

Ma ninsewx li Ġesù jinsab qrib uliedu.  Qiegħed qrib ħafna, qrib il-qalb.  Toqgħodux ittellgħu u tiżżlu biex titolbuh, tittitubawx biex titkellmu miegħu, biex taqsmu miegħu d-domandi tagħkom, it-tbatija.  Hu dejjem hemm qiegħed, dejjem, u mhux se jħallikom taqgħu.

U aħna ċerti minn ħaġa waħda u nikkonferma dan għal darb’oħra.  Fejn hemm it-tfal hemm l-omm.  Fejn hemm Ġesù hemm Marija, il-Verġni ta’ Caacupè.  Nitolbuha biex tħariskom taħt il-mant tagħha, biex tinterċedi għalikom u għall-familji tagħkom.

U tinsewx titolbu għalija.  Jien żgur li t-talb tagħkom jasal fis-sema.

 

 

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber