Il-warnofsinhar it-tajjeb!
Jien ktibt dan id-diskors u bnejtu fuq il-mistoqsijiet li wasluli u li mhumiex dawk kollha li intom għamiltuli. Għalhekk dak li hemm nieqes se nżidu jien u nitkellem biex, kemm jista’ jkun possibbli, nipprova nagħtikom fehmti dwar ir-riflessjonijiet tagħkom.
Inħossni hieni li ninsab magħkom, rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, biex naqsam magħkom il-ħolm u l-ideali ta’ futur aħjar, u wkoll il-problemi. Nirringrazzja lill- Mons. Adalberto Martínez Flores, Segretarju tal-Konferenza Episkopali tal-Paragwaj, għall-kliem ta’ merħba li indirizzali f’isem kulħadd. U nirringrazzja lis-sitt persuni li tkellmu, li kull waħda minnhom ippreżentat xi aspett tar-riflessjonijiet tagħkom.
Il-fatt li qed narakom ilkoll, nies ġejjin minn xi settur, minn organiżżazzjoni ta’ din il-maħbuba soċjetà Paragwajana, bil-ferħat tagħha, bil-preokkupazzjonijiet, btit-taqbid u t-tiftix, iġegħelni niżżi ħajr ‘l Alla. Jew aħjar, jidher li l-Paragwaj ma’ mietx, grazzi Mulej. Għax poplu li ma jżommx ħajjin il-preokkupazzjonijiet tiegħu, poplu li jgħix fin-nuqqas ta’ azzjoni u l-aċċettazzjoni passiva, hu poplu mejjet. Bil-maqlub, qed nara fikom l-ilma tal-ħajja li miexja u trid twarrad. Dan, Alla dejjem ibierku. Alla dejjem hu favur dak kollu li jgħin biex jerfa’, biex itejjeb il-ħajja ta’ uliedu. Ikun hemm affarijiet jmorru ħażin, minnu. Ikun hemm sitwazzjonijiet inġusti, minnu. Imma li qed narakom u nismagħkom qed jgħinni nġedded it-tama fil-Mulej, li jkompli jaħdem qalb il-poplu tiegħu. Intom ġejjin minn ambjenti ta’ fehmiet differenti, sitwazzjonijiet differenti u triqat ta’ tfittxija diversi, imma flimkien tiffurmaw il-kultura tal-Paragwaj. Ilkoll intom meħtieġa fit-tiftix tal-ġid komuni. «Fil-qagħdiet attwali tas-soċjetà dinjija, fejn naraw tant nuqqas ta’ ugwaljanza u fejn dejjem qed joktor l-għadd tal-persuni mormija» (Enċ. Laudato si’, 158), il-fatt li narakom hawn huwa rigal. Hu rigal għax fil-presuni li tkellmu rajt ir-rieda għall-ġid komuni tal-patrija.
1. Dwar l-ewwel mistoqsija, ħadt gost nisma’ minn fomm żgħażugħ il- preokkupazzjoni biex is-soċjetà ssir imkien ta’ fraternità, ġustizzja, paċi u dinjità għal kulħadd. Iż-żgħożija hi żmien ta’ ideali kbar. Jien spiss inħossni mnikket meta nara li żgħażugħ diġà bil-pensjoni. Kemm hu importanti li intom iż-żgħażagħ - u jekk hemmx żgħażagħ fil-Paragwaj!!- li intom iż-żgħażagħ, tifhmu li l-hena veru jasal fit-taqbida għall-Pajjiż fratern. U hu tajjeb li intom iż-żgħażagħ tinnutaw li l-hena u l-pjaċir m’għandhomx l-istess tifsira. Ħaġa hi l-hena u l-ferħ…… u ħaġ’oħra l-pjaċir li jgħaddi f’ħakka t’għajn. L-hena tibni, hija solida, tedifika. L-hena teħtieġ impenn u dedikazzjoni. Intom prezzjużi ħafna biex (taħlu ħajjitkom) qieskom “illuppjati”! Il-Paragwaj għandu abbundanza ta’ popolazzjoni żgħażugħa u dik hi rikkezza kbira. Għal din ir-raġuni naħseb li l-ewwel ħaġa li għandha ssir hi li jkun evitat li din il-forza, dan id-dawl li hemm ġewwa qlubkom, jintefa, u hemm bżonn li tkun miġġielda l-mentalità li dejjem tinfirex, li hu inutli u assurd li taspira għall-ħwejjeġ ta’ siwi: “ Le…… ħalli għaddej…… dwar dan ma jista’ jsir xejn….”. Minflok, il-mentalità li tifttex tmur ‘l hinn hi meqjusa bħala waħda assurda. Tirriskja għal xi ħaġa, tirriskja għal xi ħadd. Din hi l-vokazzjoni taż-żgħożija. U tibżgħux tifgħu kollox fil-basket. Ilagħbu bil-fjier, imma ilgħabu billi tagħtu kull ma tistgħu. Tibżgħux tagħtu l-aħjar tagħkom. Tippruvaw tfittxu ftehim minn qabel biex teħilsu mit-tbatija, mit-taqbida. Tixtrux lir-referi!
Dan iva, din it-taqbida tagħmluhiex waħedkom. Ippruvaw iddiskutu, approfittaw rwieħkom biex tisimgħu x’għandha xi tgħid il-ħajja, ir-rakkonti tal-persuni anzjani, tan-nanniet tagħkom, għax hemm jinsab l-għerf. Għaddu ħafna ħin isimgħu l-affarijiet tajbin li għandhom x’jgħallmukom. Huma l-ħarriesa ta’ dak il-patrimonju spiritwali ta’ fidi u ta’ valuri li jgħaġnu poplu u jiċċaraw it-triq. Fittxu l-faraġ ukoll fil-qawwa tat-talb, f’Ġesù. Fil-preżenza tiegħu magħna l-ħin kollu, ta’ kuljum. Hu ma jiddeludix. Ġesù jistieden permezz tal-fakra tal-poplu tagħkom, sabiex qalbkom tibqa’ dejjem ferrieħa fit-tiftix tal-fraternità, tal-ġustizzja, tal-paċi u tad-dinjità ta’ kulħadd. Għax dan jista’ jkun periklu: “Iva, iva, jien irrid il-fraternità, il-ġustizzja, il-paċi, id-dinjità….” Imma dan jista’ jkun biss isem. Kliem biss. Le. Il-fraternità, il-ġustizzja, il-paċi, id-dinjità jew huma konkreti jew ma jiswew xejn. Huma ħwejjeġ ta’ kuljum. Għalhekk jien nistaqsik, żgħażugħ: kif qed tibnihom bil-konkret, jum wara l-ieħor, dawn l-ideali? Anki jekk tiżbalja, ikkoreġi ruħek u ibqa’ miexi: imma bil-konkretezza. Nistqarr li kultant itini ftit fastidju, jew biex ngħidha bi kliem anqas “pulit” “il-ħmieġ” meta tisma’ diskorsi elokwenti b’ħafna kliem sabiħ u meta wieħed ikun jaf lill-persuna jgħid: Giddieb li int! Għalhekk il-kliem waħdu ma jiswa xejn. Jekk tgħid kelma, għandha tkun impenn! Aħdem fuqha jum wara l-ieħor. Issagrifika ruħek għaliha! Impenja ruħek!
Għoġbitni l-poeżija ta’ Carlos Miguel Giménez, li kkwota Mons. Adalberto [Martínez Flores]. Naħseb li tiġbor fiha dak kollu li ridt ngħidilkom: «Noħlom ġenna mingħajr gwerra bejn l-aħwa, għanja bi bnedmin f’saħħithom fir-ruħ u fil-qalb…. U Alla li jbierek il-qawmien ġdid tagħhom». Iva, hija ħolma. U hemm żewġ garanziji: li tqum mill-ħolma u ssib li hi r-realtà ta’ kuljum, u li Alla jkun magħruf bħala l-garanzija tad-dinjità tagħna bħala bnedmin. Iva, Alla huwa l-garanzija tad-dinjità tagħna bħala bnedmin.
2. It-tieni mistoqsija kienet dwar id-djalogu bħala mezz biex jibni proġett ta’ nazzjon li jinkludi lil kulħadd. Id-djalogu mhux faċli. Jeżisti wkoll “id-djalogu teatru”, jew aħjar rappreżentazzjoni tad-djalogu, logħba bid-djalogu …… u mbagħad nitkellmu bejnietna t-tnejn, u dak jitħassar. Id-djalogu jrid isir bil-miftuħ. Jekk fid-djalogu int ma tistqarrx dak li verament qed tħoss, dak li taħseb, u ma timpenjax ruħek biex tisma’ lill-ieħor u tikkoreġi dak li taħseb u tiddiskuti, id-djalogu ma jiswa xejn, tkun biss lagħaqa żebgħa. Ċertament, hu minnu li d-djalogu mhux faċli, wieħed irid jegħleb ħafna diffikultajiet u kultant donnnu li aħna nwebbsu rasna u nagħmlu s-sitwazzjoni aktar diffiċli. Biex ikun hemm id-djalogu hi meħtieġa ħaġa fundamentali, identità. Ċertament. Per eżempju jien naħseb dwar id-djalogu tagħna, id-djalogu inter-reliġjuż, fejn nitkellemu ma rappreżentanti ta’ diversi reliġjonijiet. Niltaqgħu kultant biex nitkellmu…. Bl-opinjoni tagħna, imma kull min ikun preżenti jitkellem a bażi tal-identità personali. “jien Buddista, jien Evanġeliku, jien Ortodoss, jien Kattoliku”. Kull wieħed jesprimi ruħu skont l-identità tiegħu mingħajr ma “jinnegozja” l-identità personali. Li jfisser li biex ikun hemm id-djalogu jeħtieġ li jkun hemm din il-bażi fundamentali. U liema hi l-identità ta’ Pajjiż? – hawn qed nitkellmu dwar id-djalogu soċjali – l-imħabba lejn il-patrija. L-ewwel il-patrija, imbagħad l-interessi tiegħi. L-ewwel il-patrija. Din hi l-identità. Għalhekk jien, nibda minn din l-identità u nibda niddjaloga. Jekk nibda niddjaloga mingħajr din l-identità, id-djalogu ma jiswa xejn. Minbarra dan, id-djalogu jitlob, jesiġi minna, li nfittxu l-kultura tal-laqgħa. Laqgħa li tagħraf li d-diversità mhux biss hi tajba, imma hi neċessarja. L-uniformità xxejjinna. Ir-rikkezza tal-ħajja tinsab fid-diversità. Għaldaqstant il-punt tat-tluq ma jistax ikun: “Jien se nibda niddjaloga, imma dak qed jiżbalja”. Le u le, ma nistgħux nersqu bl-idea li l-ieħor qed jiżbalja. Jien nieħu dak li hu tiegħi u nisma dak li għandu xi jgħid l-ieħor, kif l-ieħor lili se jagħmilni aktar għani, kif dak li jgħidli jgħinni nifhem li qed niżbalja, u x’nista’ nagħti jien lill-ieħor. Hu process li bih tagħti u tirċievi, tagħti u tirċievi imma b’qalb miftuħa. Jekk ikollna diġà l-idea li l-ieħor qed jiżbalja, aħjar immorru lura d-dar u ma nibdew id-djalogu xejn.
Hu process li bih wieħed jagħti u jirċievi, imma b’qalb miftuħa. Jekk nibdew id-djalogu mimlijin bil-preġudizzju li l-ieħor qed jiżbalja, aħjar tmur lura lejn id-dar u ma tibda d-djalogu xejn. Mhux hekk? Id-djalogu jiswa għall-ġid komuni, u l-ġid komuni nfittxuh billi nibdew mid-differenzi ta’ bejnietna, u nħallu dejjem il-wisa’ għal alternattivi ġodda. Li jfisser: infittxu xi ħaġa ġdida. Kull meta jkun hemm djalogu veru dejjem nispiċċaw biex – ippermettuli l-kelma, qed ngħidha b’sens nobbli – ikollna ftehim ġdid, fejn ilkoll qbilna li ftehemna dwar xi ħaġa. Hemm id-differenzi? Dawk jibqgħu fil-ġenb, jibqgħu riżerva. Imma dak il-punt, dawk il-punti li fuqhom ilħaqna ftehim, nimpenjaw ruħna u niddefenduhom. Dak ikun pass ‘il quddiem. Din hi l-kultura tal-laqgħa. Id-djalogu mhux negozjati. Fin-negozjati kulħadd jipprova jfittex li jikseb “il-biċċa” tiegħu. Ħa naraw kif se nikseb tiegħi. Le, le, hekk ma tkunx qed tiddjaloga tkun qed titlef il-ħin. Jekk tmur (għad-djalogu) b’dal ħsieb toqgħodx titlef ħin. (Id-dajlogu) Hu tiftix tal-ġid komuni għal kulħadd. Niddiskutu flimkien u naħsbu għall-aħjar soluzzjoni li tkun taqbel lil kulħadd. Ħafna drabidin il-kutura tal-laqgħa tiddeġenera f’kunflitt. Jiġifieri….. Għadna kif rajna “ballet” sabiħ. Kollox kien koordinat, b’orkestra li kienet verament sinfonija ta’ akkordji. Kollox kien perfett. Kollox mar tajjeb. Imma fid-dajlogu mhux dejjem hekk, mhux kollox “ballet” perfett jew orchestra intunata. Fid-djalogu jidħol il-kunflitt: hi ħaġa loġika u ħaġa li tistenniha. Għax jekk jiena naħsibha mod u inti ieħor, u nibdew nikkonfrontaw lil xulxin, jinħoloq il-kunflitt. Ma rridux nibżgħu minnu! M’għandniex ninjoraw il-kunflitt. Għall-kuntraarju aħna mistednin biex naċċettaw il-kunflitt. Jekk ma naċċettawx il-kunflitt – “Le, qed jaqbadni wġiegħ ta’ ras! - hu jmur luraa lejn daru bl-idea tiegħu u jiena nibqa’ b’tiegħi” – ma nistgħu qatt niddjalogaw. Dan ifisser: «Naċċetta u nissaporti l-kunflitt, insolvih u nibdlu f’ħolqa ta’ rabta lejn proċess ġdid» (Il-Ferħ tal-Vanġelu, 227). Nibdew niddjalogaw, hemm il-kunflitt, naċċettah, insolvih u nagħmlu ħolqa biex nibda process ġdid (ibid, 228). Il-kunflitt jeżisti. Jeħtieġ naċċettawh, jeħtieġ nipruvaw insolvuh sa fejn nistgħu, imma bil-ħsieb li naslu għal-għaqda li mhix uniformità, imma għaqda fid-diversità. Għaqda li ma tkissirx id-differenzi, imma li tgħixhom f’komunjoni ta’ soldarjetà u komprensjoni, billi nippruvaw nifhmu r-raġunijiet tal-ieħor, billi nisimgħu l-esperjenzi tiegħu, xewqatu, u b’hekk inkunu nistgħu nifhmu li, fil-biċċa l-kbira tagħhom, huma aspirazzjonijiet li jaqblu ma’ tagħna. U din hi l-bażi tal-laqgħa: aħna lkoll aħwa, ulied l-istess Missier, Missier ċelesti, u kull wieħed u waħda minna, bil-kultura tiegħu/tagħha, bil-lingwa, it-tradizzjonijiet, għandu/ha ħafna x’joffri lill-komunità. Issa jien lest li naċċettah dan? Jekk jien lest li naċċettah, u lest li niddjaloga hekk, allura nista’ noqgħod bilqegħda niddiskuti; jekk jien mhux lest għal dan, aħjar ma nitlifx żmien. Il-kulturi awtentiċi qatt mhuma magħluqin fihom infushom – imutu, imutu jekk jingħalqu fihom infushom – imma huma msejħin biex jiltaqgħu ma’ kulturi oħra u joħolqu realtajiet ġodda. Meta nistudjaw l-istorja nsibu kulturi li damu eluf ta’ snin imma issa għebu. Mietu minħabba ħafna raġunijiet. Imma waħda mir-raġunijjiet hi li ngħalqu fihom infushom. Mingħajr dawn il-premessi essenzjali, mingħajr din il-bażi ta’ fraternità ikun diffiċli ħafna li naslu għad-djalogu. Jekk xi ħadd jaħseb li hem, persuni, kulturi, sitwazzjonijiet sekondarji jew tat-tielet jew ir-raba’ kategorija… żgur li xi ħaġa se tmur ħażin, għax ikun nieqes il-minimu, jiġifieri l-għarfien tad-dinjità tal-ieħor. Mhemmx persuni tal-ewwel, tat-tieni, tat-tielet, tar-raba’ kategorija: kulħadd qiegħed fuq l-istess livell.
3. U dan itini spunt biex inwieġeb għat-tħassib li stqarret it-tielet mistoqsija: nilqgħu l-għajta tal-foqra biex nibnu soċjetà aktar inklussiva. Kurjuża din: l-egoista jbarri lilu nnifsu, aħna rridu ninkludu. Tiftakruha l-parabbola tal-iben il-Ħali: dak l-iben li talab wirtu lil missieru, ħa l-flus kollha, berbaqhom fix-xalar, u fl-aħħar, wara ħafna żmien li kien tilef kollox, għax kellu wġigħ fl-istonku minħabba l-ġuħ, ftakar f’missieru? U missieru kien qed jistennih. Hija x-xbieha ta’ Alla, li jistenniena dejjem. U meta rah ġej, għannqu u għamillu festa. Imma l-iben l-ieħor, dak li kien baqa’ d-dar, irrabja u warrab ‘l hemm: “Jien ma rridx ikolli x’naqsam ma’ nies bħal dawn, jien ġibt ruħi sew… Jien għandi kultura kbira, studjat fit-tali università, il-familja tiegħi għandha għeruq importanti u ma dawn m’għandix x’naqsam….” Ma neskludu lil ħadd, imma lanqas neskludu lilna nfusna, għax kulħadd għandu bżonn kulħadd.
Dan hu aspett fiundamentali biex immexxu ‘l quddiem lill-foqra u anki l-mod kif inħarsu lejhom. Ħarsa ideoloġika ma tiswiex, ħarsa li tispiċċa biex tuża l-foqra għas-servizz ta’ interessi politiċi jew personali oħra (cfr ibid., 199). L-ideoloġiji jispiċċaw ħażin, ma jiswewx. Ir-relazzjoni tal-ideoloġiji jew mhix sħiħa, jew hi marida jew taħqar lill-poplu. L-ideoloġiji ma jgħabbux fuq spallejhom lill-poplu. Għaldaqstant, osservaw, fejn spiċċaw l-ideoloġiji tas-seklu li għadda? Saru dittaturi, dejjem. Jaħsbu għall-poplu, imma ma jħallux lill-poplu jaħseb. Jew kif kien jgħid dwar l-ideoloġija dak il-kritiku għaref meta qalulu: “Iva, imma dawn in-nies mimlijin rieda tajba u jippruvaw jagħmlu xi ħaġa għall-poplu……” “Iva, iva, kollox għall-poplu, imma xejn mal-poplu!” Dawn huma l-ideoloġiji.
Biex infittxu verament il-ġid tal-foqra, l-ewwel ħaġa li hemm bżonn hi preokkupazzjoni awtentika għall-persuna tagħhom, napprezzawhom għat-tjubija tagħhom. Imma apprezzament veru jitlob li aħna nkunu lesti li nitgħallmu mill-foqra. Il-foqra għandhom ħafna x’jgħallmuna fejn tidħol l-umanità, it-tjubija, is-sagrifiċċju, is-solidajetà. U aħna l-Insara għandna raġuni aktar biex inħobbu u naqdu lill-foqra: għax fihum għandna l-wiċċ, naraw ix-xbieha u l-laħam ta’ Kristu, li ftaqar biex jagħni lilna permezz tal-faqar tiegħu (cfr Kor. 8,9). Il-foqra huma l-laħam ta’ Kristu. Jien inħobb nistaqsi lil dak li jkun, meta nkun qed inqarar – issa ma tantx għandi opportunità li naqrar bħalma kelli fid-djoċesi ta’ qabel – imma jien inħobb nistaqsi: “Int tgħinhom lin-nies?” – “Iva, iva, jien nagħti l-karità” – “Ah, għidli, meta tagħti l-karità, int tmiss id dak li tkun qed tagħtih il-karità, jew titfa’ l-munita tagħmel hekk? (tiġbed idek lura)”. Huma modi kif wieħed iġib ruħu. “Meta int tagħti dik il-karità, tħares lejn l-għajnejn jew tħares lejn xi mkien ieħor?” Hekk tkun qed tiddisprezza lill-fqir. Dawn huma foqra. Naħsbu sewwa dwar dan. Hu bniedem bħali. Jekk għaddej minn waqt ikraħ għal elf raġuni – ekonomiċi, politiċi, soċali jew personali – jien nista’ nkun minfloku u nkun qed nittama li xi ħadd jgħinni. U minbarra li nixtieq li xi ħadd jgħinni, jekk insib ruħi f’dik is-sitwazzjoni għadni dritt li nkun rispettat. Nirrispettaw lill-fqir. Ma nużawhx bħala oġġett biex naħslu l-ħtijiet tagħna. Nitgħallmu mill-foqra, minn dak li jgħidu, mill-affarijiet li għandhom, mill-valuri tagħhom. U aħna l-Insara għandna wkoll din ir-raġuni: dawn huma l-laħam ta’ Ġesù.
Ċertament, għall-Pajjiż, it-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-ġid, u li dan jasal għand iċ-ċittadini kollha, mingħajr ħadd ma jibqa’ barra, hu ħtieġa, hu neċessarju. Il-ħolqien ta’ din ir-rikkezza dejjem għandu jkollu bħala għan aħħari l-ġid komuni, ta’ kulħadd u mhux tal-ftit. U f’dan hemm bżonn inkunu ċari ħafna. «Il-qima lejn l-għoġol antik tad-deheb (cfr Eż. 32, 1-35) għandha l-verżjoni bla skruplu fil-kilba għall-flus u fid-dittatura ta’ ekonomija bla wiċċ» (Eż. App. Il-Ferħ tal-Vanġelu, 55). Dawk li għandhom il-vokazzjoni li jgħinu fl-iżvilupp ekonomiku għandhom id-dmir jiżguraw li dan ikollu dejjem wiċċ uman. L-iżvilupp ekonomiku għandu jkollu wiċċ uman. Le għal ekonomija mingħajr wiċċ! F’idejhom għandhom il-possibiltà li joffru xogħol lil ħafna nies u b’hekk jagħtu t-tama lil tant familji. Il-ħobż id-dar, saqaf għall-ulied, l-offerta tas-saħħa u l-edukazzjoni, huma aspetti essenzjali tad-dinjità umana, u l-imprendituri, il-politiċi, l-ekonomisti, dawn huma l-prinċipji li għandhom jagħmlu mistoqsijiet dwarhom lilhom infushom. Nitlobkom biex ma ċċedux għall-mudell ekonomiku tal-idolatrija li għandu bżonn jissagrifika ħajjiet umani fuq l-altar tal-flus u tal-profitt. Fl-ekonomija, fil-fabbirka, fil-politika, l-ewwel ma tiġi hija dejjem il-persuna u l-ambjent li fih hi tgħix.
Ġustament, il-Paragwaj hu magħruf mad-dinja kollha għax kien l-art fejn beda “t-tnaqqis”, waħda mill-esperjenzi ta’ evanġeliżżazzjoni u organiżżazzjoni soċjali fost l-aktar interessanti fl-istorja. Fihom, l-Evanġelju kien ir-ruħ u l-ħajja tal-komunità li ma kinitx bil-ġuħ, ma kienx hemm nies qegħeda, lanqas analfabetiżmu u oppressjoni. Din l-esperjenza storika tgħallimna li llum hu possibbli li jkun hemm soċjetà aktar umana. Intom għextuha fl-għeruq tagħkom hawnhekk. Hu possibbli. Meta jkun hemm l-imħabba lejn il-bniedem, ir-rieda li jkun servut, hu possibbli li jinħolqu l-kundizzjonijiet biex kulħadd ikun jista’ jgawdi dak li hu meħtieġ mingħajr ħadd ma jisfa mwarrab. Dejjem u f’kull każ hemm bżonn li s-soluzzjonijiet jinkisbu bid-djalogu.
Dwar ir-raba’ mistoqsija weġibt meta tkellimt dwar li l-ekonomija għandha tkun għas-servizz tal-persuna u mhux tal-flus. Is-sinjura, l-imprenditriċi, tkellmet dwar kemm mhumiex validi ċerti toroq. U semmiet waħda li jiena semmejt ukoll fl-eżortazzjoni Appostolika Il Ferħ tal-Vanġelu, jiġfieri l-populiżmu irresponsabbli, mhux jekk? U donnu li mhux qed iħalli effett…… u hemm ħafna teoriji…… X’jista jsir? Nemmen li minn dak li ngħid dwar l-ekonomija b’wiċċ uman wieħed jista’ jsib l-ispirazzjoni biex titwieġeb dil-mistoqsija.
Dwar il-ħames mistoqsija naħseb li t-tweġiba tinsab f’dak li għidt meta tkellimt dwar il-kulturi. Jew aħjar, hemm kultura akkademika, li hi kultura, hija tajba u għandha tgawdi rispett, ċertament. Per eżempju, illum, f’ħin minnhom waqt “il-ballet” indaqqet mużika ta’ kultura akkademika u tajba. Imma hemm kultura oħra, li għandha l-istess valur, u hija l-kultura tal-popli, tal-popli oriġinarji, tal-etniji differenti. Kultura li nażżarda nsejħilha – fis-sens tajjeb – kultura popolari. Il-popli għandhom il-kultura tagħhom u jagħmlu l-kultura fis-sens l-aktar wiesa’ tal-kelma. Mhix kultura li hi biss frott tal-istudju jew it-tgawdija ta’ kunċert, jew il-qari ta’ ktieb interessanti, imma l-kultura hi elf ħaġ’oħra. Per eżempju, tkellimtu dwar in-nisġa ta’ Ñandutí: dik hi kultura. U hija kultura li nibtet mill-poplu. Biex nagħti eżempju.
Qabel ma nagħlaq hemm żewġ affarijiet li rrid nirreferi għalihom. U din, minħabba li hawn preżenti politiċi u hawn ukoll il-President tar-Repubbika, se ngħidha fraternament. Xi ħadd staqsieni:”Isma, hemm dak li jinsab arrestat taħt sekwestru mill-eżerċtu, agħmel xi ħaġa!” Jien ma ngħidx jekk hux veru jew le, jekk hux ġust jew le, imma wieħed mill-metodi li kellhom id-dittaturi tas-seklu li għadda, li rriferejt għalihom ftit ħin ilu, kien li jwarrbu n-nies min-nofs jew billi jeżiljawhom jew bil-priġinerija, jew fil-każ tal-kampijiet tal-qerda Nażisti jew Stalinisti, kienu jwarrbuhom bil-mewt. Biex fil-poplu jkun hemm kultura vera, kultura politika u ġid komuni, hemm bżonn ta’ ġudizzji ċari u malajr, ġudizzji trasparenti. U mhemm bżonn ta’ ebda strataġemma oħra. Ġustizzja ċara u trasparenti. Dan jgħinna lkoll. Jien ma nafx jekk dan jeżistix hawn jew le, u ngħidha bir-rispett kollu. Qaluhieli jien u dieħel, qaluhieli hawn. U talbuni ninterċedi ma nafx għal min… l-isem ma smajtux sew.
U mbagħad hemm ħaġ’oħra li onestament inħoss li għandi ngħid: metodu li jxekkel il-libertà tal-persuna biex bir-responsabbiltà taqdi dmirha fil-bini tas-soċjetà, hija r-rikatt. Ir-rikatt hu dejjem korruzzjoni. “Jekk int tagħmel hekk, nagħmlulek hekk u b’hekk nirvinawk”. Il-korruzzjoni hi s-susa, hija l-kankrena ta’ poplu. Per eżempju, ebda politiku ma jista’ jaqdi dmiru, il-ħidma tiegħu, jekk jinsab taħt rikatt minħabba atteġġjamenti ta’ korruzzjoni: ”Tini din, tini dis-setgħa, tini dik, inkella se nagħmillek hekk… jew hekk……” Dan jiġri fil-popli kollha tad-dinja – għax dan isir – jekk poplu jrid iżomm id-dinjità tiegħu, għandu jelimina dan. Qed nitkellem dwar problema universali.
U nispiċċa. Għalija hu ta ferħ kbir li nara tant kwalità u varjetà ta’ assoċjazzjonijiet li huma impenjati fil-bini tal-Paragwaj u biex ikun pajjiż dejjem aħjar u prosperu, imma jekk ma tiddjalogawx, ma jiswa xejn. Jekk intom timxu bir-rikatt, ma jiswa xejn. Dan l-għadd kbir ta’ gruppi u persuni huma bħal sinfonija, kull parti għandha l-karatteristiċi u l-għana tagħha, imma tfittex l-armonija finali, l-armonija, u dan hu dak li jgħodd. U tibżgħux mill-kunflitt, imma tkellmu dwaru u fittxu s-soluzzjonijiet. Ħobbu l-patrija tagħkom, liċ-ċittadini ħutkom, imma fuq kollox ħobbu lill-aktar foqra. B’hekk, quddiem id-dinja intom tkun xhieda li jeżisti u huwa possibbli mudell ieħor ta’ żvilupp. Jien konvint, li, minħabba l-istorja tagħkom għandkom l-akbar forza li teżisti: l-umanità tagħkom, il-fidi tagħkom, l-imħabba tagħkom. Dawn huma l-karatteristiċi tal-poplu Paragwajan li jiddistingwuh b’mod tant għani, min-nazzjonijiet oħra tad-dinja.
Nitlob lill-Ommna l-Verġni ta’ Caacupè biex tieħu ħsiebkom, tipproteġikom u ssostnikom fl-isforzi tagħkom. Alla jberikkom u itolbu għalija. Grazzi!
[Wara l-kant]
Parir qabel insellmilkom u qabel il-barka: l-agħar li jista jiġri lil kull wieħed u waħda minnkom meta toħorġu minn hawn hu, li taħsbu: “Kemm hu tajjeb dak li qal il-Papa lil dak u lill-ieħor….” Jekk xi ħadd minnkom jidhirlu li għandu jaħseb hekk – għax il-ħsieb jiġi spiss, anki lili jiġini dal-ħsieb kultant -, imma jeħtieġ li nkeċċuh minn moħħna -, għandu jgħid: “Il-Papa lil min qalu dan?” “Lili?” Kulħadd, hu min hu jgħid: “Lili”.
U nistednikom titolbu lill-Missier tagħna lkoll, flimkien, kulħadd bil-lingwa tiegħu:
Missierna li inti fis-smewwiet……..
Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber