Kemm hi ħaġa sabiħa nitolbu l-Għasar flimkien!  Kif nistgħu ma noħolmux Knisja li tirrifletti u ttenni l-armonija ta’ l-ilħna u ta’ l-għana fil-ħajja ta’ kuljum?  U dan nagħmluh f’dan il-Katidral, li tant drabi kellu jibda mill-ġdid; dan il-Katidral hu sinjal tal-Knisja u ta’ kull wieħed u waħda minna: xi kultant it-tempesti minn barra u minn ġewwa jġagħluna nħottu dak kollu li nkunu bnejna u nibdew mill-ġdid, imma dejjem bit-tama tagħna f’Alla; u jekk inħarsu lejn dan il-bini, bla dubju ma ddeludiex lill-Paragwajani, għax Alla qatt ma jiddeludi u għal dan aħna kollna gratitudni nweġġħuh.

 

It-talb liturġiku, bl-istruttura tiegħu u l-forma ritmika tiegħu, irid jesprimi l-Knisja kollha, għarusa ta’ Kristu, li tfittex li titwaħħad mal-Mulej tagħha.  Kull wieħed u waħda minna fit-talb tagħna nixtiequ nsiru nixbhu iktar lil Ġesù.

 

It-talb jesternalizza dak li qegħdin ngħixu u li għandna ngħixu fil-ħajja tagħna ta’ kuljum, ta’ l-inqas dak it-talb li m’hux aljenazzjoni jew biss dekorattiv.  It-talb jimbuttana biex inwettqu jew nivverifikaw ruħna f’dak li jgħidu s-Salmi: aħna d-dirgħajn ta’ Alla li “jerfa’ mill-miżbla l-fqajjar” (Salm 112[113]:7) u aħna li nħabirku biex id-diqa ta’ l-isterilità tinbidel fil-ferħ ta’ l-art għammiela.  Aħna li ngħannu li “għażiża f’għajnejn il-Mulej hi l-mewt tal-ħbieb tiegħu” (Salm 116:15), aħna li nissieltu, inħabirku, inħarsu l-valur ta’ kull ħajja umana, mit-tnissil sa ma s-snin ikunu ħafna u s-saħħa ftit.  It-talb hu rifless fl-imħabba li nħossu għal Alla, għall-oħrajn, għad-dinja maħluqa; il-kmandament ta’ l-imħabba hu l-aħjar mod kif id-dixxiplu missjunarju jitwaħħad ma’ Ġesù.  Jekk nintrabtu ma’ Ġesù, dan jagħti profondità lill-vokazzjoni Nisranija, li, għax tħossha parti f’dak li “jagħmel” Ġesù – li hu ħafna iżjed mill-attivitajiet –, tfittex li tixbhU f’dak kollu li jwettaq.  Il-ġmiel tal-komunità ekkleżjali jitwieled mit-twaħħid ta’ kull wieħed u waħda mill-membri tagħha mal-persuna ta’ Ġesù, biex hekk jissawwar il-“flimkien vokazzjonali” fl-għana tal-varjetà armonika.

 

L-antifoni tal-kantiċi evanġeliċi ta’ tmiem din il-ġimgħa jfakkruna kif it-Tnax ġew mibgħuta minn Ġesù.  Dejjem għandna nikbru f’dan l-għarfien tal-ħidma appostolika fil-komunjoni.  Kemm hi ħaġa sabiħa tara min jikkollabora pastoralment, ħaġa li tibda dejjem min-natura u l-funzjoni ekkleżjali ta’ kull vokazzjoni u kull kariżma.  Nixtieq insejjaħ lilkom ilkoll, saċerdoti, reliġjużi, lajċi u seminaristi, isqfijiet, biex tirsistu għal din il-kollaborazzjoni ekkleżjali, speċjalment f’rabta mal-pjanijiet pastorali tad-djoċesijiet u l-missjoni kontinentali, waqt li tikkoperaw bid-disponibbiltà kollha tagħkom għall-ġid komuni.  Jekk il-firda bejnietna ġġib sterilità (ara l-Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 98-101), m’hemmx dubju li mill-komunjoni u l-armonija jitwieled frott ġdid, għax dawn jaqblu qatigħ ma’ dak li jrid l-Ispirtu s-Santu.

 

Ilkoll għadna l-limiti tagħna, ħadd ma jista’ jirriproduċi lil Ġesù Kristu b’mod sħiħ, imma mqar jekk kull vokazzjoni titwaħħad prinċipalment ma’ xi raġġi tal-ħajja u l-ħidma ta’ Ġesù, hemm xi wħud li huma komuni u inaljenabbli.  Għadna kemm faħħarna lill-Mulej għax “ma qagħadx ifittex tiegħu li hu daqs Alla” (Fil 2:6), u din hi karatteristika ta’ kull vokazzjoni Nisranija, “li ma toqgħodx tfittex tagħha li hi daqs Alla”: minn hu msejjaħ minn Alla, ma joqgħodx jiftaħar, ma joqgħodx ifittex rikonoxximenti u lanqas ċapċip li jispiċċa, ma jħossux li tela’ minn xi kategorija għall-oħra u ma jqisx lill-oħrajn qisu kien fuq xi pedistall.

 

Il-primat ta’ Kristu hu mfisser ċar fil-liturġija ta’ l-Ittra lil-Lhud; għadna kemm qrajna kważi l-għeluq ta’ din l-Ittra: “Jagħmilna perfetti bħar-Ragħaj il-kbir tan-nagħaġ” (ara 13:20-21) u dan jitlob l-għarfien li kull ikkonsagrat qed isir jixbah iktar lil Dak li tul ħajtu fuq din l-art, fost “talb u suppliki, b’leħen għoli u bid-dmugħ” (Lhud 5:7), laħaq il-perfezzjoni meta tgħallem, fit-tbatija, xi tfisser l-ubbidjenza; u anki dan jagħmel parti mis-sejħa.

 

Ejjew issa nagħlqu l-Għasar tagħna.  Il-kampnar ta’ dan il-Katidral reġa’ nbena iżjed minn darba; id-daqq tal-qniepen jiġi qabel u jsieħeb f’ħafna okkażjonijiet it-talba liturġika tagħna: imġedda minn Alla kull darba li nitolbu, sħaħ daqs kampnar, hienja li nistgħu nxandru l-għeġubijiet ta’ Alla, naqsmu dak il-Magnificat u nħallu lill-Mulej iwettaq – ħa jwettaq – permezz tal-ħajja kkonsagrata tagħna, ħwejjeġ kbar fil-Paragwaj.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard