“Il-Mulej jagħtina x-xita u artna tagħti l-frott tagħha”, hekk jgħid is-Salm (ara 84:13).  Dan aħna mistiedna niċċelebraw, dik ix-xirka misterjuża bejn Alla u l-Poplu tiegħu, bejna u bejn Alla.  Ix-xita hi sinjal tal-preżenza tiegħu fl-art maħduma b’idejna.  Xirka li dejjem tagħti l-frott, dejjem tagħti l-ħajja.  Din il-fiduċja tnixxi mill-fidi, nafu li nistgħu norbtu fuq il-grazzja tiegħu, li dejjem tibdel u ssaqqi l-art tagħna.

 

Fiduċja li nitgħallmuha, nedukaw ruħna fiha.  Fiduċja li tissawwar fi ħdan komunità, fil-ħajja ta’ familja.  Fiduċja li ssir xhieda fl-uċuħ ta’ tant nies li jħossuhom imqanqla biex jimxu wara Ġesù, biex isiru dixxipli ta’ Dak li qatt ma jqarraq.  Id-dixxiplu jħossu mistieden jafda, iħossu mistieden minn Ġesù biex ikun ħabib tiegħu, biex jaqsam fid-destin tiegħu, biex jaqsam ħajtu miegħu.  “Ma nsejħilkomx aktar qaddejja, għax il-qaddej ma jafx x’jagħmel sidu; sejjaħtilkom ħbieb, għaliex kull ma smajt mingħand Missieri jiena għarrafthulkom” (Ġw 15:15).  Id-dixxipli huma dawk li jitgħallmu jgħixu fil-fiduċja tal-ħbiberija ta’ Ġesù.

 

U l-Vanġelu jkellimna fuq dan id-dixxipulat.  Jippreżentalna l-karta ta’ l-identità tan-Nisrani.  L-ittra ta’ preżentazzjoni tiegħu, il-kredenzjali tiegħu.

 

Ġesù jsejjaħ lid-dixxipli tiegħu u jibgħathom waqt li jagħtihom regoli ċari, preċiżi.  Jisfidahom b’serje ta’ atteġġjamenti, imġibiet li għandu jkollhom.  M’humiex ftit id-drabi li jistgħu jidhrulna esaġerati jew assurdi; atteġġjamenti li jkun iktar faċli taqrahom simbolikament jew “spiritwalment”.  Imma Ġesù hu ċar ħafna.  Ma jgħidilhomx: “Agħmlu mod” jew “agħmlu li tistgħu”.

 

Ejjew niftakru flimkien dawn it-twissijiet: “Tieħdu xejn magħkom fit-triq ħlief ħatar: la ħobż, la ħorġa, lanqas flus… ibqgħu f’dik id-dar li fiha jilqgħukom” (ara Mk 6:8-11).  Tidher xi ħaġa impossibbli.

 

Nistgħu nikkonċentraw fuq il-kelmiet “ħobż”, “flus”, “ħorġa”, “ħatar”, “qorq”, “libsa”.  U nagħmlu sew.  Imma jidhirli li hemm kelma-muftieħ, li quddiem l-impatt li jħallu fuqna dawk li għadni kemm semmejt, tista’ taħarbilna.  Kelma ċentrali fl-ispiritwalità Nisranija, fl-esperjenza tad-dixxipulat: ospitalità.  Ġesù, bħala mgħallem tajjeb, pedagogu, jibgħathom jgħixu l-ospitalità.  Jgħidilhom: “Ibqgħu hemm fejn jilqgħukom”.  Jibgħathom jitgħallmu waħda mill-karatteristiċi fundamentali tal-komunità li temmen.  Nistgħu ngħidu li n-Nisrani hu dak li tgħallem l-ospitalità, tgħallem jilqa’ għandu.

 

Ġesù ma jibgħathomx bħala nies setgħana, bħala sidien, kapijiet, jew mgħobbija bil-liġijiet u n-normi; għall-kuntrarju, jurihom li l-mixja tan-Nisrani hi sempliċement li jibdel il-qalb, dik tiegħu, u jgħin lill-oħrajn jibdlu tagħhom.  Jitgħallem jgħix mod ieħor, b’liġi oħra, taħt norma oħra.  Dan ifisser li jgħaddi mil-loġika ta’ l-egoiżmu, ta’ l-għeluq, ta’ l-iskontru, tal-firda, tas-superjorità, għal-loġika tal-ħajja, tal-gratwità, ta’ l-imħabba.  Mil-loġika tad-dominju, ta’ l-oppressjoni, tal-manipulazzjoni, għal-loġika ta’ min jilqa’, min jirċievi u min jieħu ħsieb ta’ l-oħrajn.

 

Hawn għandna żewġ tipi ta’ loġika, żewġ modi ta’ kif inħarsu lejn il-ħajja u l-missjoni.

 

Kemm drabi nħarsu lejn il-missjoni skond il-pjanijiet u l-programmi tagħna.  Kemm drabi nistħajlu l-evanġelizzazzjoni skond eluf ta’ strateġiji, tattiċi, manuvri, nasbiet, nippruvaw nikkonvertu l-persuni bl-argumenti tagħna.  Il-lum il-Mulej qed jgħidilna ċar u tond: fil-loġika tal-Vanġelu mhux bl-argumenti, l-istrateġiji u t-tattiċi nikkonvinċu, imma sempliċement billi nitgħallmu nilqgħu, bl-ospitalità.

 

Il-Knisja hi omm b’qalbha miftuħa li taf tilqa’, tirċievi, speċjalment lil min għandu bżonn l-iktar ta’ l-għajnuna, min hu l-iktar f’diffikultà.  Il-Knisja, kif riedha Ġesù, hi d-dar ta’ l-ospitalità.  U kemm ġid nistgħu nagħmlu jekk inħeġġu n-nies titgħallem dan il-lingwaġġ ta’ l-ospitalità, dan il-lingwaġġ ta’ min jirċievi, min jilqa’!  Kemm ġrieħi, kemm qtigħ ta’ qalb nistgħu nieħdu ħsieb f’dar fejn wieħed iħossu milqugħ!  Għalhekk jeħtieġ inżommu bibienna miftuħa, fuq kollox il-bibien tal-qalb.

 

Ospitalità ma’ min hu bil-ġuħ, ma’ min hu bil-għatx, ma’ l-għarawien, mal-marid, mal-ħabsi (ara Mt 25:34-37), ma’ l-imġiddem, mal-magħtub.  Ospitalità ma’ min ma jaħsibhiex bħalna, ma’ min hu bla fidi jew tilifha, u dan forsi tort tagħna.  Ospitalità ma’ l-imġarrab, ma’ min hu bla xogħol.  Ospitalità mal-kulturi differenti, li din l-art Paragwajana hi hekk għanja bihom.  Ospitalità mal-midneb, għax kull wieħed u waħda minnha hu hekk.

 

Ħafna drabi ninsew li hemm ħażen li jiġi qabel id-dnubiet tagħna.  Hemm għerq li jikkawża wisq ħsara, li jeqred ħafna ħajjiet bla biss jiftaħ ħalqu.  Hemm ħażen li, naqra naqra, ibejjet f’qalbna u “imermer” il-ħajja tagħna: is-solitudni.  Is-solitudni li jista’ jkollha ħafna kawżi, ħafna raġunijiet.  Kemm teqred il-ħajja u kemm tagħmel ħsara!  Tifridna mill-oħrajn, minn Alla, mill-komunità.  Tagħlaqna fina nfusna.  Għalhekk xogħol il-Knisja, din l-omm, prinċipalment m’hux li tieħu ħsieb torganizza l-affarijiet, il-proġetti, imma li titgħallem tgħix il-fraternità ma’ l-oħrajn.  U l-fraternità li tilqa’ hi l-aqwa xhieda li Alla hu Missier, għax “minn dan jagħrufkom li intom dixxipli tiegħi, jekk tħobbu lil xulxin” (Ġw 13:35).

 

B’dan il-mod, Ġesù jiftħilna qalbna għal loġika ġdida.  Xefaq mimli ħajja, ġmiel, verità, sħuħija.

 

Alla ma jagħlaq qatt l-ixfqa tal-ħajja, Alla qatt m’hu passiv quddiem il-ħajja, qatt m’hu passiv quddiem it-tbatija ta’ wliedu.  Alla qatt ma jħalli lil ħadd jgħaddih fil-ġenerożità.  Għalhekk jibgħatilna lil Ibnu, jagħtihulna, jgħaddihulna, jaqsmu magħna; sa ma nitgħallmu l-mixja ta’ l-aħwa, il-mixja tad-don.  Hu bla dubju ta’ xejn xefaq ġdid, kelma ġdida għal tant sitwazzjonijiet ta’ esklużjoni, ta’ tifrik, ta’ għeluq, ta’ iżolament.  Hi Kelma li tikser is-skiet tas-solitudni.

 

U meta negħjew jew inħossu tqila l-ħidma ta’ l-evanġelizzazzjoni, tajjeb niftakru li l-ħajja li Ġesù qed joffrilna twieġeb għall-ħtieġa l-aktar profonda tal-persuni, għax ilkoll kemm aħna ġejna maħluqa biex inkunu ħbieb ma’ Ġesù u għall-imħabba bejn l-aħwa (ara l-Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 265).

 

Ħaġa waħda hi ċerta: ma nistgħu nobbligaw lil ħadd jilqagħna, jospitana; din hi ħaġa ċerta u hi parti mill-faqar tagħna u mil-libertà tagħna.  Imma daqshekk ieħor hi ħaġa ċerta li ħadd ma jista’ jobbligana ma nilqgħux, ma nkunux ospitali lejn il-ħajja tal-poplu tagħna.  Ħadd ma jista’ jitlobna ma nilqgħux u ma nħaddnux il-ħajja ta’ ħutna, fuq kollox il-ħajja ta’ dawk li tilfu t-tama u l-gost tal-ħajja.  Kemm hi ħaġa sabiħa nistħajlu l-parroċċi tagħna, il-komunitajiet, il-kappelli, fejn hemm l-Insara, mhux bil-bibien magħluqa, imma bħala ċentri veri ta’ laqgħa bejna u bejn Alla.  Bħala postijiet ta’ ospitalità u ta’ merħba.

 

Il-Knisja hi omm, bħal Marija.  Fiha għandna mudell.  Nilqgħu, bħal Marija, li ma ħakmitx u lanqas ħatfef taħt idejha l-Kelma ta’ Alla, imma, għall-kuntrarju, laqgħetha, ġarritha f’ġufha u tatha.

 

Nilqgħu bħall-art li ma taħkimx fuq iż-żerriegħa, imma tilqagħha, titmagħha u tnibbitha.

 

Hekk irridu nkunu Nsara, hekk irridu ngħixu l-fidi fuq din l-art Paragwajana, bħal Marija, nilqgħu l-ħajja ta’ Alla f’ħutna b’fiduċja, biċ-ċertezza li “il-Mulej se jagħtina x-xita u artna tagħti l-frott tagħha”.  Hekk ikun.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard