Hawn magħkom qed inħossni qisni d-dar, f’riġlejn l-Omm tagħna l-Verġni Mqaddsa tal-Mirakli ta’ Caacupé.  Hu post ta’ festa, ta’ laqgħa, ta’ familja.  Niġu hawn biex nippreżentaw il-ħtiġijiet tagħna, niġu biex irroddu ħajr, biex nitolbu maħfra u nibdew mill-ġdid.  Kemm magħmudijiet, kemm vokazzjonijiet saċerdotali u reliġjużi, kemm għerusijiet u żwiġijiet twieldu f’riġlejn l-Omm tagħna!  Kemm dmugħ, kemm tislimiet ta’ l-aħħar!  Niġu dejjem bil-ħajja tagħna, għax hawn inħossuna f’darna, u l-isbaħ ħaġa hi meta nafu li hemm xi ħadd li qed jistenniena.

 

Bħal ħafna drabi oħra, ġejna għax nixtiequ nġeddu l-enerġiji tagħna biex ngħixu l-ferħ tal-Vanġelu.

 

Kif nistgħu ma nagħrfux li dan is-Santwarju hu parti ħajja mill-poplu Paragwajan, minnkom?  Hekk iħossuh, hekk jitolbu fih, hekk jgħannulu: “Fl-Għeden tiegħek ta’ Caacupé, hu l-poplu tiegħek, o Verġni safja, li jagħtik imħabbtu u l-fidi tiegħu”.  U l-lum qegħdin hawn bħala Poplu ta’ Alla, f’riġlejn l-Omm tagħna, biex nagħtuha l-imħabba u l-fidi tagħna.

 

Fil-Vanġelu għadna kemm smajna t-tħabbira ta’ l-Anġlu lil Marija li jgħidilha: “Ifraħ, mimlija bil-grazzja, il-Mulej miegħek”.  Ifraħ, Marija, ifraħ.  Quddiem din it-tislima, hi tħawdet u staqsietu x’ried jgħid.  Ma setgħetx tifhem wisq minn dak li kien qed iseħħ.  Imma fehmet li kien ġej minn Alla u wieġbet “iva”.  Iva għall-ħolma ta’ Alla, iva għall-pjan ta’ Alla, iva għar-rieda ta’ Alla.

 

“Iva” li, kif nafu, ma kien xejn faċli tgħixha.  “Iva” li ma mlithiex bi privileġġi jew distinzjonijiet, imma, kif kellu mbagħad jgħidilha Xmun fil-profezija tiegħu: “U lilek ukoll, sejf jinfidlek ruħek” (Lq 2:35).  U nifditha sew!  Għalhekk aħna nħobbuha daqshekk u nsibu fiha Omm vera li tgħinna biex inżommu ħajja l-fidi u t-tama qalb sitwazzjonijiet kumplessi.  Aħna u nimxu mal-profezija ta’ Xmun, nagħmlu sew jekk inħarsu fil-qosor lejn tliet waqtiet iebsin tal-ħajja ta’ Marija.

 

1. It-twelid ta’ Ġesù.  “Ma kienx hemm post għalihom” (Lq 2:7).  Ma kellhomx dar, post fejn jistgħu jilqgħu lil binhom fid-dinja.  Ma kienx hemm wisa’ fejn seta’ jara d-dawl.  U lanqas xi familja qrib tagħhom, kienu waħidhom.  L-uniku post li kien hemm kienet stalla ta’ l-annimali.  U fil-ħsieb tagħha żgur li dewa kliem l-Anġlu: “Ifraħ, Marija, il-Mulej miegħek”.  U hi setgħet staqsiet: Fejn qiegħed issa?

 

2. Il-ħarba lejn l-Eġittu.  Kellhom jitilqu, jaħarbu fl-eżilju.  Hemm mhux biss ma kellhomx post, familja, imma anki ħajjithom kienet fil-periklu.  Kellhom jimxu u jmorru f’art barranija.  Kienu immigranti ppersegwitati minħabba fir-regħba u l-kilba ta’ l-Imperatur.  U anki hemm hi setgħet staqsiet: Fejn jinsab issa dak li semmieli l-Anġlu?

 

3. Il-mewt fuq is-salib.  Ma jistax ikun hemm sitwazzjoni iktar diffiċli għal omm minn dik li ssieħeb il-mewt ta’ binha.  Huma mumenti ta’ tbatija kbira.  U hekkhu, nilmħu lil Marija f’riġlejn is-salib, bħal kull omm, qawwija, bla ma tħares lura, li ssieħeb lil Binha sal-mewt u l-mewt tas-salib.  U anki hemm setgħet tistaqsi: Fejn qiegħed dak li semmieli l-Anġlu?  U mbagħad nilmħuha qed iżżomm magħquda lid-dixxipli u tweżinhom.

 

Nikkontemplaw ħajjitha, u nħossuna mifhuma.  Nistgħu noqogħdu bil-qiegħda biex nitolbu u nużaw lingwaġġ komuni quddiem serje ta’ sitwazzjonijiet li ngħixu fil-ħajja ta’ kuljum.  Nistgħu nidentifikaw ruħna ma’ ħafna sitwazzjonijiet ta’ ħajjitha.  Nirrakkuntawlha r-realtajiet tagħna għax hi tista’ tifhimhom.

 

Hi mara tal-fidi, hi Omm il-Knisja, hi dik li emmnet.  Ħajjitha hi xhieda li Alla ma jqarraqx bina, li Alla ma jitlaqx waħdu lill-Poplu tiegħu, anki jekk ikun hemm mumenti jew sitwazzjonijiet fejn donnu jidher li Hu m’hux hemm.  Hi kienet l-ewwel dixxiplu li sieħbet lil Binha u wieżnet it-tama ta’ l-Appostli fil-waqtiet iebsin.  Kienu msakkrin b’ma nafx kemm-il muftieħ, beżgħanin, fiċ-Ċenaklu.  Hi kienet il-mara attenta u li għarfet tgħid – meta deher li l-ferħ kien qed jonqos u l-festa kienet qed tispiċċa –: “Ara, ma baqgħalhomx inbid” (ara Ġw 2:3).  Kienet il-mara li għarfet tmur toqgħod mal-kuġina tagħha “għal xi tliet xhur” (Lq 1:56), biex ma tkunx waħidha meta tiġi biex tiled.  Din hi l-Omm tagħna, hekk twajba, hekk ġeneruża, li kapaċi daqshekk tkun sieħba tagħna f’ħajjitna.

 

U dan kollu nafuh mill-Vanġelu, imma nafu wkoll li, fuq din l-art, hi l-Omm li baqgħet maġenbna f’tant qagħdiet iebsin.  Dan is-Santwarju jħares kollu mkabbar il-memorja ta’ poplu li jaf li Marija hi Omm li kienet u tibqa’ maġenb uliedha.

 

Kienet u tibqa’ fl-isptarijiet tagħna, fl-iskejjel tagħna, fid-djar tagħna.  Kienet u tibqa’ magħna fix-xogħol u fil-mixja tagħna.  Kienet u tibqa’ madwar il-mejda ta’ kull dar.  Kienet u tibqa’ fit-tiswir tal-Pajjiż, u għamlet minna Nazzjon.  Dejjem bi preżenza diskreta u siekta.  Fil-ħarsa ta’ wiċċ, ta’ xbieha jew ta’ medalja.  Taħt is-sinjal ta’ kuruna tar-rużarju, nafu li m’aħniex waħidna, li hi miexja magħna.

 

U għaliex?  Għax Marija sempliċement riedet tibqa’ f’nofs il-Poplu tagħha, ma’ wliedha, mal-familja tagħha.  Imxiet dejjem wara Ġesù, fuq in-naħa tal-folla.  Bħala omm tajba qatt ma telqet waħidhom lil uliedha, imma għall-kuntrarju, dejjem kont issibha hemm fejn l-iben seta’ kellu bżonnha.  U dan biss għax hi Omm.

 

Omm li tgħallmet tisma’ u tgħix qalb tant diffikultajiet, minn dik it-“Tibżax”, “il-Mulej miegħek” (Lq 1:30,28).  Omm li tissokta tgħidilna: “Agħmlu kull ma jgħidilkom hu” (Ġw 2:5).  Din hi l-istedina kostanti u kontinwa tagħha: “Agħmlu kull ma jgħidilkom hu”.  M’għandhiex pjan tagħha, ma tiġi tgħidilna xejn ġdid, anzi, tieħu gost tibqa’ siekta, hi l-fidi tagħha biss li ssieħeb il-fidi tagħna.

 

U dan intom tafuh, għextuh dak li qed naqsmu flimkien.  Ilkoll kemm intom, il-Paragwajani kollha għandhom il-memorja ħajja ta’ Poplu li laħħam dawn il-kelmiet tal-Vanġelu.  U nixtieq nirriferi b’mod speċjali għalikom in-nisa u ommijiet Paragwajani, li b’kuraġġ kbir u sagrifiċċju personali għaraftu treġġgħu lura fuq saqajh pajjiż imkisser, miġjub fix-xejn, mgħarraq taħt gwerra kiefra.  Intom għandkom il-memorja, għandkom il-wirt ġenetiku ta’ dawk li bnew mill-ġdid il-ħajja, il-fidi, id-dinjità tal-Poplu tagħkom, flimkien ma’ Marija.  Għextu sitwazzjonijiet ħafna, imma ħafna, diffiċli, li bil-loġika komuni jmorru kontra kull fidi.  Imma intom, imqanqla u mwieżna mill-Verġni Mbierka, komplejtu temmnu, anki “ittamajtu kontra kull tama” (Rum 4:18).  Meta kollox deher qed jisfa fix-xejn, flimkien ma’ Marija għidtu lilkom infuskom: Ma nibżgħux, il-Mulej magħna, hu mal-Poplu tagħna, mal-familji tagħna, ħa nagħmlu dak li qed jgħidilna Hu.  U hemm sibtu l-bieraħ u qed issibu l-lum il-qawwa biex ma tħallux din l-art tispiċċa fil-kaos.  Ħa jbierek Alla din il-perseveranza tagħkom.  Ħa jbierek Alla u jfarraġ il-fidi tagħkom, ibierek Alla lill-mara Paragwajana, l-aktar glorjuża ta’ l-Amerika.

 

Bħala Poplu, ġejna hawn fid-dar tagħna, fid-dar tal-Patrija Paragwajana, biex nisimgħu mill-ġdid dawn il-kelmiet li jagħmlulna tant ġid: “Ifraħ, …il-Mulej miegħek”.  Hi sejħa biex ma titilfux il-memorja, biex ma titilfux l-għeruq, it-tant xhieda li rċivejtu minn nies li temmen u li spiċċat fil-periklu minħabba dak li kellha tissielet għalih.  Fidi li saret ħajja, ħajja li saret tama, u tama li twassalna biex nimxu quddiem fl-imħabba.  Iva, twaħħdu ma’ Ġesù, komplu imxu quddiem fl-imħabba.  Kunu intom li twasslu din il-fidi, din il-ħajja, din it-tama.  Intom il-Paragwajani intom bennejja tal-lum u ta’ għada.

 

Lura mill-ġdid b’ħarsitna fuq ix-xbieha ta’ Marija, nistedinkom biex ngħidulha flimkien: “Fl-Għeden tiegħek ta’ Caacupé, hu l-poplu tiegħek, o Verġni safja, li jagħtik l-imħabba u l-fidi tiegħu”.  [Itenniha flimkien mal-folla] Itlob għalina, ja Omm Qaddisa ta’ Alla, biex ikun jistħoqqilna li niksbu l-wegħdiet u l-grazzji ta’ Sidna Ġesù Kristu.  Amen.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard