Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Kuntent ħafna li qed inżurkom dal-għodu.  Ma stajtx niġi l-Paragwaj u ma niġix għandkom, ma nirfisx l-art tagħkom.

 

Qed niltaqgħu f’din il-Parroċċa ddedikata lill-Familja Mqaddsa, u nistqarr magħkom li minn meta bdejt naħseb f’din iż-żjara, minn meta bdejt il-vjaġġ tiegħi minn Ruma sa hawn, ħsiebi kien fil-Familja Mqaddsa.  U jien u naħseb fikom, ftakart fil-Familja Mqaddsa.  Jien u nħares lejn wiċċkom, uliedkom, in-nanniet tagħkom.  Jien u nisma’ l-istejjer tagħkom u dak kollu li għamiltu biex stajtu tibqgħu tgħixu hawn, it-taqbid kollu li għaddejtu minnu biex ikollkom ħajja dinjituża, saqaf fuq raskom.  Dak kollu li qed tagħmlu biex tibqgħu għaddejjin minkejja l-qilla tat-temp, l-għargħar ta’ l-aħħar ġimgħat, dan kollu jfakkarni fil-familja ċkejkna ta’ Betlehem.  Taqbida li ma serqitilkomx it-tbissima, il-ferħ, it-tama.  Taħbit li ma ħadilkomx is-solidarjetà, għall-kuntrarju, ħeġġiġha u kabbarha.

 

Nixtieq nieqaf ftit fuq Ġużeppi u Marija f’Betlehem.  Huma kellhom iħallu arthom, l-għeżież tagħhom, lil ħbiebhom.  Kellhom iħallu kull ma kellhom u jitilqu lejn art oħra.  Art fejn ma kienu jafu lil ħadd, ma kellhomx dar, lanqas familja.  Dak il-ħin, dik il-koppja żagħżugħa kellha lil Ġesù.  F’dak il-kuntet, fi stalla li rranġaw kif setgħu, dik il-koppja żagħżugħa tatna lil Ġesù.  Kienu waħidhom, f’art barranija, huma t-tlieta.  Fid-daqqa u l-ħin, bdew jitfaċċaw in-nies: xi rgħajja, persuni bħalhom li kellhom iħallu r-realtà tagħhom biex isibu opportunitajiet aħjar għall-familji tagħhom.  Anki l-ħajja ta’ dawn kienet marbuta mat-temp mhux dejjem ħanin, u ma’ tipi oħra ta’ tbatija.

 

Meta saru jafu bit-twelid ta’ Ġesù, qorbu lejhom, saru proxxmu għalihom, qraban tagħhom.  Saru mill-ewwel il-familja ta’ Marija u Ġużeppi.  Il-familja ta’ Ġesù.

 

Dan hu li jseħħ meta Ġesù jidħol f’ħajjitna.  Dan hu li tqanqal fina l-fidi.  Il-fidi tagħmilna proxxmu, tagħmilna proxxmu tal-ħajja ta’ l-oħrajn, tqarribna lejn il-ħajja ta’ l-oħrajn.  Il-fidi tqanqal l-impenn tagħna ma’ l-oħrajn, il-fidi tqanqal is-solidarjetà tagħna: virtù umana u Nisranija, li intom għandkom u li ħafna, ħafna għandhom u li jeħtieġ nitgħallmu.  It-twelid ta’ Ġesù jerġa’ jseddqilna ħajjitna.  Fidi li ma ssirx solidarjetà hi fidi mejta, fidi falza.  “Le, jien Kattoliku ħafna, Kattolika ħafna, immur il-Quddiesa kull nhar ta’ Ħadd”.  Imma għidli, Sinjur, Sinjura, x’qed jiġri hemm f’Bañado?  “Aħ, ma nafx… iva…  le…  ma nafx, iva…, naf li hemm in-nies tgħix hemm, imma ma nafx…”.  Tmur kemm tmur Quddiesa l-Ħadd, jekk m’għandekx qalb solidali, jekk ma tafx minn xiex inhu għaddej il-poplu tiegħek, il-fidi tiegħek hi dgħajfa ħafna, jew hi marida, jew hi mejta.  Hi fidi mingħajr Kristu.  Il-fidi mingħajr solidarjetà hi fidi mingħajr Kristu, hi fidi bla Alla, hi fidi bla aħwa.  U allura jgħodd dak li jingħad, li nittama li qed niftakru tajjeb, imma li jinkwadra sew din il-problema ta’ fidi bla solidarjetà: “Alla bla poplu, poplu bla aħwa, poplu bla Ġesù”.  Din hi l-fidi bla solidarjetà.  U Alla niżel qalb il-poplu tiegħu li Hu kien għażel biex isieħbu, u lil dan il-poplu bagħatlu lil Ibnu biex jifdih, biex jgħinu.  Alla sar solidali ma’ dak il-poplu, u Ġesù ma sab l-ebda problema jinżel, jiċċekken, jitbaxxa, sa ma miet għal kull wieħed u waħda minna, b’din is-solidarjetà ta’ ħuna, solidarjetà li tiġi mill-imħabba li kellu għal Missieru u mill-imħabba li kellu għalina.  Ftakru: meta fidi m’hix solidali, jew hi dgħajfa, jew marida, jew mejta.  M’hix il-fidi ta’ Ġesù.

 

Kif kont qed ngħidilkom, l-ewwel li kien solidali kien il-Mulej, li għażel li jgħix fostna, għażel li jgħix f’nofsna.  Jien ġejt hawn bħal dawk ir-rgħajja li kien hemm Betlehem.  Nixtieq inkun qrib tagħkom.  Nixtieq inbierek il-fidi tagħkom, nixtieq inbierek idejkom, nixtieq inbierek il-komunità tagħkom.  Ġejt biex irroddilkom ħajr, għax il-fidi saret tama u hi tama li tqanqal għall-imħabba.  Il-fidi li Ġesù jagħti hi fidi li kapaċi toħlom il-ġejjieni u tissielet għalih fil-preżent.  Propju għalhekk nixtieq nagħmlilkom il-qalb biex tkomplu tkunu missjunarji ta’ din il-fidi, biex tkomplu xxerrdu l-fidi ma’ dawn it-toroq, ma’ dawn il-mogħdijiet.  Din il-fidi li tagħmilna solidali bejnietna, ma’ Ħuna l-kbir Ġesù, u l-Omm tagħna, il-Verġni Marija.  Kunu qrib ta’ xulxin, speċjalment ta’ dawk l-iktar żgħażagħ u ta’ l-anzjani.  Wieżnu lill-familji żgħażagħ u lil dawk li għaddejjin minn mumenti iebsin.  Forsi l-iktar messaġġ b’saħħtu li intom tistgħu tagħtu lill-oħrajn hi din il-fidi solidali.  Ix-xitan iridkom tillatikaw bejnietkom, u hekk jifridkom u jirvinakom u jisirqilkom il-fidi.  Solidarjetà bejn l-aħwa biex tħarsu l-fidi!  U hekk ukoll din il-fidi solidali tkun messaġġ għall-belt kollha!

 

Nixtieq nitlob għall-familji tagħkom, u nitlob lill-Familja Mqaddsa biex il-mudell tagħha, ix-xhieda tagħha tisskota tkun dawl fil-mixja, tħeġġiġ fil-mumenti diffiċli, u tagħtina l-grazzja ta’ don, li nitolbuh flimkien, ilkoll kemm aħna: jalla l-Familja Mqaddsa tagħtina “rgħajja”, tagħtina saċerdoti, isqfijiet, kapaċi jsieħbu, iwieżnu u jħeġġu l-ħajja tal-familji tagħkom.  Kapaċi jrawmu dik il-fidi solidali li qatt m’hi mirbuħa.

 

Nistedinkom titolbu flimkien u nitlobkom ukoll ma tinsewx titolbu għalija.

 

U nitolbu flimkien talba lill-Missier biex jagħmilna aħwa, hu li bagħtilna lil Ħuna l-kbir, Ibnu Ġesù, u tana Omm li timxi magħna.

 

Missierna

 

Barka.

 

U imxu!  U tħallux ix-xitan jifridkom!  Is-sliem!

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard