Sur President,
Awtoritajiet tar-Repubblika,
Membri tal-Korp Dimplomatiku
Sinjuri!

Insellem minn-qalbi lilek, Eċċellenza Sur President tar-Repubblika, u nirringrazzjak għad-diskors mimli rispett u mħabba li għamiltli, anki f’isem il-Gvern, f’isem il-Maġistraturai tal-Istat u f’isem l-għażiż poplu tal-Paragwaj.  Insellem ukoll lid-distinti membri tal-Korp Diplomatiku u, permezz tagħhom, inwassal is-sentimenti ta’ rispett u apprezzament tiegħi lill-Pajjiżi li huma jirrappreżentaw.

Grazzi speċjali lill-persuni u l-istituzzjonijiet kollha li kkollaboraw b’impenn u dedikazzjoni fit-tħejjija għal dan il-vjaġġ u biex jien inħossni qiesni d-dar.  Mhux diffiċli tħossok id-dar f’din l-art li tant tilqgħek.  Il-Paragwaj hu magħruf bħala l-qalb tal-Amerika, mhux biss minħabba l-qagħda ġeografika tiegħu iżda wkoll minħabba l-entużjażmu tal-ospitalità u l-qrubija ta’ niesu.

Mill-ewwel passi bħala nazzjon indipendenti sa ftit taż-żmien ilu, l-istorja tal-Paragwaj kienet immarkata bit-tbatija terribbli tal-gwerra, tal-ġlied bejn l-aħwa, tan-nuqqas ta’ libertà u l-ksur tad-drittijiet umani.  Kemm tbatija u kemm imwiet!  Imma ta’ min jammira r-rieda soda u l-ispirtu ta’ reazzjoni tal-poplu Paragwajan biex jegħleb tant kuntrarju u jkompli jaħdem biex jibni nazzjon ta’ success u paċifiku.  Hawn – fil-ġnien ta’ dan il-palazz li kien xhud tal-istorja tal-Paragwaj: minn mindu kien biss ix-xatt ta’ xmara u kien jintuża mill-Gwarani, sal-avvenemienti li qed jiġru llum – irrid nagħti ġieħ lil dawk l-eluf ta’ Paragwajani sempliċi, li isimhom mhux se jidher fil-kotba tal-istorja, imma li kienu u għadhom il-veri protagonisti tal-poplu tagħhom.  U rrid nagħti għarfien imqanqal mill-ammirazzjoni, lill-irwol tan-nisa tal-Paragwaj f’dawk il-mumenti drammatiċi tal-istorja, speċjalment dik il-gwerra kiefra li kienet kważi qerdet il-fraternità tal-popli tagħna.  Bħala ommijiet, nisa miżżewġin u romol kellhom ħila jġorru fuq spallejhom il-piż li jindukraw il-familji tagħhom u l-Pajjiżhom, billi xettlu fil-ġenerazzjonijiet il-ġodda t-tama ta’ futur aħjar.  Alla jbierek lill-mara tal-Paragwaj, l-aktar waħda glorjuża tal-Amerika.

Poplu li jinsa l-passat tiegħu, l-istorja tiegħu, għeruqu, m’għandux futur, hu poplu niexef.  Il-fakra, li tkun ankrata sod fuq il-ġustizzja, meħlusa minn sentimenti ta’  vendetta u ta’ mibgħeda, tibdel il-passat f’għajn ta’ ispirazzjoni biex jinbena futur ta’ konvivenza u armonija, għax iġibna konxji dwar kemm hi traġika u assurda l-gwerra.  Qatt aktar gwerra bejn l-aħwa!  NIbnu dejjem il-paċi!  Anki l-paċi ta’ kull ġurnata, paċi tal-ħajja ta’ kuljum, li fiha jkollhu sehem kulħadd billi jevita li juża ġesti arroganti, kliem li joffendi, atteġġjament ta’ prepotenza, u jiżra’ minflok il-fehim, id-djalogu, il-kollaborazzjoni.

Minn xi snin ‘l hawn, il-Paragwaj hu mpenjat biex jibni proġett demokratiku solidu u stabbli.  U huwa tajjeb li nagħrfu b’sodisfazzjoni il-progress li sar f’dit-triq grazzi għall-isforz ta’ kulħadd, minkejja d-diffikultajiet kbar u l-inċertezzi.  Ninkoraġġikom biex tkomplu taħdmu b’saħħitkom kollha ħalli ssaħħu l-istrutturi u l-istituzzjonijiet demokratiċi li huma t-tweġiba għall-aspirazzjonijiet leġittimi taċ-ċittadini.  Il-forma ta’ gvern li daħħaltu fil-Kostituzzjoni: «demokrazija rappreżentattiva, parteċipattiva u pluralista», ibbażata fuq it-tmexxija ‘l quddiem u r-rispett tad-drittijiet umani, iżżommna bogħod mit-tentazzjoni tad-demokrazija formali, li Aparecida kienet iddefinit bħala dik li tikkuntenta ruħha li tkun «mibnija fuq il-korrettezza tal-proċessi elettorali» (Dokument ta’ Aparecida, 74).  Din hi demokrazija formali.

F’kull qasam tas-soċjetà, imma fuq kollox fl-attività pubblika, meħtieġ li jissaħħaħ id-djalogu bħala mezz privileġġjat li jiffavorixxi l-ġid komuni, fuq il-bażi tal-kultura tal-laqgħa, tar-rispett u tal-għarfien tad-differenzi leġittimi u tal-opinjoni tal-oħrajn.  M’għandniex nibqgħu f’qagħda ta’ konfront; l-għaqda hi dejjem superjuri għall-kunflitt; huwa taħriġ interessanti li tiċċelebra bl-imħabba lejn pajjiżek u bl-imħabba lejn il-poplu, kull prospettiva li tinbet mill-konvinzjonijiet ta’ għażla partiġġjana jew ideoloġika.  U din l-istess imħabba għandha tkun l-ixprun li jikber kull jum aktar, fit-tmexxija trasparenti li titqabad bl-enerġija kollha kontra l-korruzzjoni.

Għeżież ħbieb, fir-rieda li taqdu u fil-ħidma għall-ġid komuni, il-foqra u min hu fil-bżonn għandu jkollhom l-ewwel post.  Qed isiru ħafna sforzi biex il-il-Paragwj jimxi ‘l quddiem fit-tkabbir ekonomiku.  Saru passi importanti fl-oqsma tat-tagħlim u tas-saħħa.  Dan l-isforz min-naħa ta’ min hu mpenjat soċjalment m’għandux jieqaf qabel ma t-tfal kollha ma jibqgħux bla tagħlim, familji bla dar, ħaddiema bla xogħol dinjituż, bdiewa mingħajr art x’jaħdmu u tant persuni mġegħelin jemigraw lejn futur inċert; sakemm ma jibqax aktar vittmi tal-vjolenza, tal-korruzzjoni u tat-traffikar tad-drogi.  Żvilupp ekonomiku li ma jagħtix każ tal-aktar debboli u sfortunati mhux żvilupp veru.  Il-qjies tal-mudell ekonomiku għadnu jkun id-dinjità integrali tal-persuna, l-aktar tal-persuna dgħajfa u mingħajr difiża.

Sur President, għeżież ħbieb.  F’isem ħuti l-Isqfijiet tal-Paragwaj ukoll, nixtieq niżgurakom li l-Knisja Kattolika hi impenjata u trid tikkollabora fl-isforz komuni biex tinbena soċjetà ekwa u inklussiva, li fiha l-bnedmin jistgħu jgħixu flimkien fil-paċi u l-armonija.  Għax kulħadd, ir-Rgħajja tal-Knisja wkoll, imsejjaħ biex jagħti sehemu għall-bini ta’ dinja aħjar (cfr Il-Ferħ tal-Vanġelu, 183).  Timbuttana lejn dan iċ-ċertezza l-fidi tagħna f’Alla, li ried isir bniedem, u billi għex magħna, qasam magħna xortina.  Kristu jiftħilna l-bieb tal-ħniena, li, imserrħa fuq il-ġustizzja, tmur aktar bogħod, u ddawwal il-karità bid-dija tagħha, b’mod li ħadd ma jibqa’ fit-trufijiet ta’ din il-familja kbira li hi l-Paragwaj, pajjiż li jħobb u jrid iservi.

Bil-ferħ kbir li jien ninsab hawn f’din l-art ikkonsagrata lill-Verġni ta’ Caacupè – u rrid infakkar b’mod speċjali lil ħuti Paragwajani ta’ Buenos Aires, id-djoċesi preċedenti tiegħi: huma għandhom il-parroċċa tal-Verġni Mirakoluża ta’ Caacupè -, nitlob bil-ħerqa l-barka tal-Mulej fuqkom ilkoll, fuq il-familji tagħkom, u fuq il-poplu maħbub kollu tal-Paragwaj.  Jalla l-Paragwaj ikun għammiel, kif turi l-fjura tal-“passiflora” fil-mant tal-Verġni, u bħal dak iċ-ċinturin bil-kuluri tal-Paragwaj li għandha dik ix-xbieha, biex b’hekk jibqa’ mgħannaq mal-Omm ta’ Caacupè.  Grazzi ħafna!

 

 

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber